Is-saħta tat-tama

Ħafna minna ‘sabu l-kbir sigriet li jgħixu bit-tama’, kif kien qal Manwel Dimech mitt sena ilu. Jgħixu bit-tama li xi darba l-gvern jibdel l-affarijiet; jgħixu bit-tama li xi ministru jibdel fehemtu; jgħixu bit-tama li xi darba jiġu r-riformi; jgħixu bit-tama li ż-żgħir jiġi mismugħ; jgħixu bit-tama li l-ispekulazzjoni tonqos; jgħixu bit-tama li l-privatizzazzjoni titrażżan; jgħixu bit-tama li l-ambjent jiġi mħares aħjar; jgħixu bit-tama li l-Knisja tinbidel; jgħixu bit-tama li l-isfruttament jonqos; jgħixu bit-tama li l-annimali – tal-baħar u tal-ajru daqskemm tal-art – jitħarsu aħjar; jgħixu bit-tama li s-sistema edukattiva titjieb; jgħixu bit-tama li t-taxxi u s-sopra taxxi jonqsu; jgħixu bit-tama li ...

Din it-tama żżommhom milli jibagħtu kollox jixxejjer; iżżommhom milli ma jibqgħux jippruvaw bis-saħħa u r-rieda tajba tagħhom kollha jikkonvinċu lil dan u lil dik f’xi dipartiment jew ieħor, f’xi kumitat jew ieħor, f’xi kummissjoni jew oħra, f’xi ministeru jew ieħor, sabiex l-affarijiet jitjiebu. Dawn in-nies jibqgħu jaħdmu, jistinkaw u jaqtgħu bi snienhom bit-tama li xi darba xi ħadd, xi mkien ’il fuq ’il fuq, saflaħħar jagħti kashom bis-serjetà u jimxu pass imqar ċkejken ’il quddiem. Jgħixu bit-tama minkejja d-diżappunti, il-battibekki sterili, il-wegħdiet, ir-rapporti, id-diskussjonijiet interminabbli, l-istudji, il-gambetti, it-tradimenti u kull telgħa u niżla oħra li jsibu ma’ wiċċhom fil-ħidma tagħhom. Jibqgħu jittamaw minkejja kollox.

Waqt li jgħixu bit-tama, dawn in-nies ħafna drabi jikkonvinċu lilhom infushom li n-nuqqas ta’ suċċess fl-isforzi tagħhom huwa dovut għal waħda minn żewġ raġunijiet ewlenin jew għat-tnejn flimkien f’salt: amministrazzjoni inkompetenti, jew korruzzjoni (inkluż nepotiżmu politiku). It-tama erojka tagħhom tikkonvinċihom li kemm il-waħda u kemm l-oħra jistgħu xi darba, f’xi mument jew ieħor, jiġu megħluba, jekk mhux b’mod sħiħ għall-anqas b’mod parzjali; u allura dan iwitti t-triq għal xi ftit suċċess. Hekk it-tama tmantni lilha nnifisha, speċjalment meta min għandu l-ħbula f’idejh xi kultant, meta jfettillu, jagħti l-grazzja li tittranġa xi ħaġa ċkejkna mill-inkompetenza jew jittieħdu passi kontra xi ħadd korrott. Ħniena bħal din trewwaħ it-tama u tagħmilha possibbli li terġa’ tħeġġeġ mill-ġdid aqwa minn qatt qabel.

Ħafna drabi, dawn in-nies jibqgħu ma jċedux it-tama tagħhom mhux għax ma jridux jew għax huma rashom iebsa iżda għax ma jistgħux; għax jibżgħu li m’għandhomx alternattiva għaliha; għax jafu li n-nuqqas tagħha tixħethom fi kriżi eżistenzjali u f’konfużjoni ta’ identità. X’jaqbdu jagħmlu ma jafux mingħajr it-tama f’min għandu s-setgħa. Kulħadd madwarhom, kulmin jafu, jgħix b’tamiet bħal tagħhom. Kif jistgħu jkunu waħedhom f’soċjetà fejn ta’ taħt dejjem jittama f’ta’ fuqu u fejn il-bniedem bla setgħa dejjem jittama fil-bniedem li għandu s-setgħa? Din għalihom tidher donnha l-ordni naturali ta’ kif għandhom ikunu l-affarijiet u ma jarawx mod ieħor għajrha.

Dawn in-nies―filantropi, umanitaristi, azzjonisti, kompassjonisti, karitatevolisti, soċjalisti ... sejħilhom li trid)―jeħtieġu li jmorru lil hinn mit-tama. Jeħtieġ li jirrealizzaw li mhuwiex b’kumbinazzjoni (b’inkompetenza, ineffiċenza u/jew abbuż) li t-tamiet tagħhom ma jseħħux iżda minħabba n-natura nnifisha tas-setgħa meta tkun imfassla minn fuq għal isfel; minħabba s-sura ta’ sistema li għandha ’l min jikmanda u ’l min jobdi. Hija s-sistema nnifisha li toħloq tamiet li ma jistgħux iseħħu. Din hi parti mill-prassi awtomatika tagħha biex issaħħaħ u tipperpetwa lilha nnifisha.

Hu biss b’sistema ta’ kooperattiviżmu u voluntariżmu li din il-piena tista’ titneħħa; f’għamla ta’ tmexxija fejn kulħadd ikun is-sid ta’ xogħolu mingħajr ma jkun hemm min jikkmanda u min jobdi, imma fejn kollox isir bi ftehim u b’rieda ħielsa għal għan komuni. Fis-sistema l-oħra, it-toqol, id-dwejjaq, in-nervi, l-għajja, il-malinkolija, l-isforzar, id-diżappunti u t-trażżin tal-iżvilupp, barra ħwejjeġ oħra, jitkattru b’mod inerenti għas-sistema nnifisha. Hu biss bit-tieni sistema li jiżharu, fost ħwejjeġ oħra, l-entużjużmu, is-sodisfazzjoni, it-titjib, il-kuntentizza, l-enerġija u l-kreattività.

Min ma jafx, ma jridx jew ma jistax imur lil hinn mit-tama tas-soċjetà konsumeristika ma jista’ qatt ikun kuntent b’xogħolu, ikollu l-ġieħ tal-frott ta’ ħidmietu jew ikun kuntent. Jista’ biss ... jibqa’ jittama.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?