It-Torok ta' protesti

Wara ġimgħatejn protesti qalila popolari fil-bliet il-kbar tat-Turkija, u wkoll protesti bħalhom ftit tal-ġimgħat qabel ġewwa l-Greċja, u anki protesti oħrajn f’San Paolo, il-Brażil, wieħed jista’ jibda jistagħġeb għala l-bniedem ma jitgħallem qatt. Il-kitba ilha hemm fuq il-ħajt miktuba għal sekli sħaħ; iżda donnu ħadd ma jaf jaqraha. U tgħid hekk: Is-setgħa tikkorrompi lilha nnifisha u lil ħaddieħor.

Tinbidel ma tistax

Naturalment, dan li qiegħed ngħid mhuwiex ġdid. Iżda l-esperjenza ta’ għexieren ta’ gvernijiet fl-Ewropa u f’inħawi oħra tad-dinja li ħadu s-setgħa bl-għajta ta’ libertà, ugwalja u fratellanza, kważi dejjem spiċċaw biex ħaddmu s-setgħa favur l-interessi tagħhom u tas-sinjuri, kontra l-poplu fqir u bla setgħa. Din l-esperjenza tibqa’ tirrepeti ruħha; u l-popli jibqgħu jemmnu li xi darba tinbidel.

Imma tinbidel ma tistax. Għax is-setgħa, minnha nnifisha, iġġib dan l-effett neċessarju: li tuża l-forzi li jkollha ħalli ssaħħaħ lilha nnifisha askapitu tan-nies. Kull setgħa politika hi minnha nnifisha vjolenti, ukoll jekk wiċċha jkun miżbugħ bl-ilwien kollha tal-qawsalla. U dik il-vjolenza dejjem turi ruħha b’miżuri li jgħakksu lil min setgħa m’għandux.

Ma jistax ikun mod ieħor. Għax ma jistax ikun li s-setgħa tagħmel xi ħaġa li biha timmina lilha nnifisha. Għada jew pitgħada, l-ilwien veri tagħha joħorġu minn taħt il-maskra: huma l-ilwien tal-impożizzjoni, il-paternaliżmu u l-isfruttament. Hekk dejjem ġara u hekk dejjem jibqa’ jiġri.

Akkużi u taħdidiet

Il-protesti ta’ mijiet ta’ nies fit-Turkija huwa biss il-fwar minn borma tagħli. Huma d-dwejjaq u l-frustrazzjoni li xaba’ jaqla’ u jiġi magħfus. F’dawn il-jiem, il-gvern Tork iddeċieda li jidħol f’taħdidiet mal-hekk imejħa mexxejja tal-protestanti. Din hi daħqa oħra fil-wiċċ. Għax l-interess tal-gvern mhuwiex li jirranġa dak li għalih saru l-protesti, iżda li l-protesti jieqfu jtellfulu t-tmexxija tiegħu.

Dawn is-suppost u t-taparsi taħdidiet ġew wara ġimgħatejn li fihom il-gvern ma xebax jgħajjar lill-protestanti terroristi, irjus sħan, anti-soċjali u xewwiexa. Issa jrid jitkellem magħha ħalli taparsi jirranġaw id-differenzi ta’ bejniethom; u l-boloh ‘mexxejja’ protestanti jaċċettaw. Ara jistax ħaruf jitħaddet ma’ lupu?

Għat-tul tal-protesti kollha, il-gvern qatt m’aċċetta l-akkużi li l-protestanti kienu qegħdin jagħmlulu. Dejjem saħaq li l-vjolenza kienet ġejja minn erba’ qtates kriminali li xewxu lill-oħrajn. Il-gvern qatt m’aċċetta l-kawżi veri tal-protesti—il-faqar, il-miżerja, il-qagħad, il-ġuħ u l-bqija—imma dejjem ikkonċentra, tipikament, fuq l-effetti. U huwa l-effetti tal-vjolenza li jrid iwaqqaf u mhux il-kawżi.

Nuqqas ta’ tagħlim

Protesti bħal dawn rajniehom f’ħafna pajjiżi, kemm sentejn ilu fl-Afrika Għarbija, kemm fl-Ewropa, kemm fl-Amerika, kemm fl-Asja u kemm fl-Amerika Latina. U kull darba d-dinamika hi dejjem l-istess waħda. Il-kawżi tagħhom jiġu injurati u l-effetti mwittija. Imbagħad nerġgħu koppi. L-uniku riżultat ċar li joħroġ minn dan kollu huwa wieħed: l-id tal-gvern tibbies aktar u l-ponn tiegħu jissaħħaħ.

Ħadd donnu ma jaċċetta li l-problema huwa l-gvern stess. Jiġifieri l-fatt li jeżisti gvern li għandu l-istat politiku f’idejh. Dan donnu kulħadd jieħdu bħala xi ħaġa li ħadd ma jista’ jgħaddi mingħajrha. Għaldaqstant, minħabba din iċ-ċaħda, il-problemi ma jistgħux jispiċċaw; jistgħu biss jibqgħu jitkattru.

Hija ħasra li nibqgħu naraw l-umanità f’din il-morsa mbikkija u mdemma. Iżda l-kitba fuq il-ħajt, kif għedt, hekk ċara u hekk qadima, tibqa’ ma tinqarax. Il-bniedem donnu jibqa’ ma jitgħallimx li ma tistax issolvi l-effetti jekk il-problema hija l-kawża. L-ewwel trid tneħħi l-kawża; u l-effetti dannużi tagħha jispiċċaw weħedhom.

Qalbi toħroġ għall-protestanti fit-Turkija u f’imkejjen oħra tad-dinja; imma tingħasar meta tara n-nuqqas ta’ tagħlim li lkoll nieħdu mill-istorja repetetittiva tal-bluha umana.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?