'Jiena l-alfa u l-omega'

Ċittadin, għolli leħnek u għajjat: ‘Jiena l-alfa u l-omega!’; il-bidu u t-tmiem. Għax huwa int dak li għalih jeżisti l-istat. Għalik jeżisti l-gvern. Għalik jeżistu l-istituzzjonijiet. Għalik jeżistu l-liġijiet. Xejn ma jagħmel sens jekk ma jkunx ġej minnek; jekk ma jkunx għalik; jekk ma jkunx tiegħek.

Għid, ċittadin, lil kulmin għandu s-setgħa fuqek; għidlu: ‘Huwa jien il-bidu u t-tmiem tas-setgħa li għandek. Int m’int xejn mingħajri. Huwa jien li nagħti bidu għalik; u meta rrid jien int tintemm u tieqaf taħkem fuqi. Mhux jien neżisti għalik, iżda int teżisti għalija. Int m’iniex sidi; huwa jien is-sid tiegħek. Inti tagħmel li ngħidlek jien; mingħajri ma tagħmel xejn għax mingħajri s-saħħa kollha tiegħek tintemm.’

Daħħalha f’moħħek darba għal dejjem, ċittadin, li pajjiżek huwa tiegħek, mhux ta’ min għandu s-setgħa u ta’ min jaħkem fuqek. L-istat huwa tiegħek. Il-gvern huwa tiegħek. L-istituzzjonijiet huma tiegħek. Il-liġijiet huma tiegħek. Anzi aktar minn hekk għandek tkun taf: int l-istat; int il-gvern; int l-istituzzjonijiet; int il-liġijiet.

Agħraf min int, ċittadin, u għid lil min jitkellem f’ismek u jiddeċiedi għalik: ‘Int tgħid biss dak li napprova jien; dak li nordnalek jien. Minn żniedek ma tgħid xejn u bir-rieda tiegħek ma tagħmel xejn. Għax ir-rieda tiegħek hi tiegħi; nikkmandaha jien; neħodha fejn irrid jien u fejn ma rridhiex jien ma tmurx. Inti titkellem f’ismi u tiddeċiedi għalija għax għandi pjaċir bik. Meta rrid jien, inti tieqaf tagħmlu dan għax inneħħi minn fuqek il-barka tiegħi.’

Kun af, ċittadin, li l-awtorità kollha tal-istat hija tiegħek. Din l-awtorità ħadd ma jeħodhielek minn idejk, lanqas jekk temporanjament tiddelega lil ħaddieħor biex jiggverna f’ismek. Il-gvern din l-awtorità ma jeħodhielekx; u lanqas ma jeħduhielek l-istituzzjonijiet jew il-liġijiet. L-awtorità assoluta tal-istat tibqa’ int, issa u dejjem, u ħadd aktar. Għax ħadd barra int m’għandu awtorità li jmexxilek ħajtek; li jikkmandak; li jiddeċiedi kif tgħix.

Huwa int, ċittadin, l-espert waħdieni ta’ ħajtek. Ħadd qatt ma jista’ jippreżumi li jaf aktar minnek x’għamla ta’ ħajja għandek tgħix, x’inhu li jista’ jagħmlek hieni jew x’għandha tkun ir-rabta tiegħek ma’ ħaddieħor. Ebda stat, ebda gvern, ebda istituzzjoni, ebda liġi ma hi esperta aktar minnek f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħajtek u mal-hena tagħha. Lil ħadd m’għandek tippermetti, ċittadin, li jagħmilha ta’ espert miegħek, ta’ espert ta’ ħajtek jew ta’ espert tal-ġejjieni tiegħek. Int biss l-espert tal-ħajja tiegħek u ħaddieħor irid jisma’ minnek u jagħmel kif tgħid int.

Int u int biss, ċittadin, għandek id-dritt tiddeċiedi x’liġijiet jgħoddu għalik u x’liġijiet ma jgħoddux. Int u int biss għandek il-jedd tiddeċiedi x’għamla ta’ stat trid tgħix fih u x’sura ta’ gvern trid li jamministra. Int u int biss għandek id-dritt tiddeċiedi x’rabtiet trid ma’ stati oħra ġirien tiegħek u mal-gvernijiet tagħhom. Ħadd aktar m’għandu dan id-dritt ħliefek u ħadd ma jista’ jippretendih għalih. Le, mhuwiex l-istat is-sovran; huwa int is-sovran f’pajjiżek. Le, mhijiex il-Kostituzzjoni l-ogħla awtorità tan-nazzjon; huwa int l-ogħla awtorità. Le, mhuwiex il-president il-kap tal-istat; huwa int il-kap.

Għalhekk għajjat b’kemm għandek saħħa, ċittadin: ‘Iva, jien u ħadd aktar ma hu l-assolut fin-nazzjon; jien u jien biss is-suprem f’arti. Jien l-uniku mexxej tal-ħajja tiegħi. Jien l-uniku kaptan tad-destin tiegħi. Jien is-sid waħdieni tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet. Jien biss il-bidu u t-tmiem tas-setgħa politika. Jien u ħadd aktar ma huwa l-alfa u l-omega f’pajjiżi.’

Għajjat, ċittadin, u għajjat kemm tiflaħ.

Comments

  1. Proset hafna Mark. KIeku fi zmien qarib tiktyeb artiklu iehor fejn taghti ezempji gwida lic-cittadin tkun qed taghmel bicca xoghol siewja hafna

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?