Newtralità mhedda

Nagħtu kas li qrib tiegħek għandek żewġ ġirien imqabbda f’xulxin. It-tnejn huma ta’ qattagħni u li jaslu. Daqqa wieħed ikun iridek iddendel kusek miegħu u daqqa tkun tridek l-oħra. X’tagħmel int? Bħala bniedem sensat li jħobb il-paċi u jobgħod l-inkwiet, la tiċċappas ma’ wieħed u lanqas mal-oħra, għax taf li sħubija ma’ naħa tfisser li tiksirha ma’ tan-naħa l-oħra. Anzi, aktar minn hekk kapaċi tagħmel: waħda, ma ssaħħanx l-irjus; u t-tieni, tagħmel li tista’ biex, jekk qatt jista’ jkun, tqarribhom lejn xulxin ħalli jirranġaw.

Pożizzjoni għarfa u matura

Din hija pożizzjoni ta’ ‘newtralità’. M’hijiex pożizzjoni ta’ indifferenza lejn il-ħsara jew il-ġid li jista’ jsir. Lanqas ma hija pożizzjoni ta’ diżinteress fis-sigurtà jew il-periklu li jista’ jinħoloq. Wisq anqas ma hija pożizzjoni ta’ medjokrità jew ta’ dgħufija quddiem problema serja.

Bil-kontra, hija pożizzjoni għarfa ta’ fibra morali. Hija pożizzjoni matura ta’ responsabbiltà. Pożizzjoni bħal din tqiegħdek f’sitwazzjoni li fiha tista’ tgħin fis-soluzzjoni tal-inkwiet. Bin-newtralità tiegħek inti tkun qed tkabbar is-sigurtà—tiegħek innifsek u ta’ ħaddieħor.

Huwa moralment dgħajjef min, fi storja bħal din, jieħu naħa kontra oħra. Huwa irresponsabbli min, quddiem traġedja bħal din, jagħmel xi ħaġa li tkabbar il-periklu. Għax, tabilħaqq, mingħajr newtralità inti tkun parti mill-problema u tkun qed tgħin sabiex l-affarijiet jiggravaw.

Il-paċi taqbel lilek

Għalkemm dan jista’ jifhmu kulħadd, mhux kulħadd jidher li għandu biżżejjed maturità u responsabbiltà biex jagħraf l-għerf tiegħu u jħaddnu. Fost dawn hemm dawk li, biex donnhom jidhru ħelwin ma’ xi wħud fl-Unjoni Ewropea u fl-Amerika, qegħdin jiddiequ bin-newtralità ta’ pajjiżna. Qegħdin jagħmluha ta’ boloh (allavolja boloh mhumiex) u jridu li l-kliem ‘Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha’ jitneħħa mill-ewwel Artiklu tal-Kostituzzjoni tagħna.

X’għerf hu dan meta lkoll nafu kemm ħsara dejjem għamlitilna l-gwerra? X’maturità hi din meta lkoll nafu kemm f’periklu għalxejn nidħlu fih meta ninħabbu ma’ ġellied kontra ieħor? X’responsabbiltà hi din meta lkoll nafu li fl-inkwiet li nqala’ dan l-aħħar fil-Libja kien l-istat ta’ newtralità tagħna li ħelisna milli nagħmlu l-għedewwa u nissugraw serjament is-sigurtà tal-poplu tagħna?

Aħna nħaddnu politika ta’ paċi mhux biss għal raġunijiet ideoloġiċi (għalkemm dan kien ikun diġà ammirevoli u biżżejjed), iżda wkoll għal raġunijiet prattiċi. Għax billi nagħmlu l-għedewwa ma jiswielna xejn għajr li nkunu qegħdin nipperikolaw bla ħtieġa ta’ xejn il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali u ekonomiku tagħna nfusna.

Min jidħaq l-aħħar

Min qiegħed jhedded l-istat kostituzzjonali ta’ newtralità li nħaddnu—iblah li hu!—qiegħed effettivament jhedded il-paċi tiegħek, il-progress soċjali li għandek u s-sigurtà ta’ wliedek. U għalfejn qed jagħmlu dan? Biex min fl-Ewropa u fl-Amerika diġà qed jagħmel il-biljuni mill-industrija tal-gwerra u jqassam minnhom lil ħbiebu, ikompli jkabbar il-qliegħ imdemmi tiegħu minn fuq dahrek u dahar uliedek; minn fuq dahar il-poplu tagħna.

In-newtralità tagħna tipproteġi lilek u lil uliedek. Mingħajrha, tintemm is-sigurtà li għandhom bħalissa l-familja tiegħek u wliedek. Mingħajrha, dak kollu li kiseb il-poplu tagħna b’tant sagrifiċċji, bix-xogħol iebes u bl-għaraq ta’ xbinu jiġi serjament mhedded. Dan hu li jiġri meta noħolqu l-għedewwa għal xejn b’xejn.

Jekk inti trid tqiegħed lilek innifsek, lil familtek, lil uliedek u lil pajjiżna f’periklu serju sempliċiment biex ħaddieħor jidher gustuż ma’ xi wħud fl-Unjoni Ewropea u fl-Amerika, allura ħallih jidħaq kemm jogħġbu bin-newtralità tagħna u jheddidha kemm irid. Anzi, idħaq miegħu int ukoll.


Comments

  1. Naqbel, mija fil-mija. Diga' qed nisma' l-kritika fazulla tal-buli li attaparsi wisq divinament prattiku f'kollox: "Qed tghixu fl-ishab intom li favur in-newtralita'. Arakhom, kwazi dejjem targumentaw minn lenti kemmxejn teoretika! [Ahna l-esperti!]" Izda l-gid li nholoq u se jkompli jinholoq mill-hsieb li nissigna hemm fuq, fl-'ishab', se jkompli jhalli l-frott, u dak li jghodd fl-ahhar mill-ahhar. :)

    Proset.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?