Sunday, 23 June 2013

Riforma taparsi?

Ftit ġimgħat ilu, fil-5 tax-xahar, il-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja ippreżentat l-ewwel riżultat tal-ħidma tagħha lis-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, Owen Bonnici. Għalkemm id-dokument ippreżentat joffri 135 proposta għal bdil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, mal-ewwel daqqa’ t’għajn wieħed jintebaħ li dak propost ma hu ‘riforma’ xejn. Bil-maqlub, huwa pjuttost ‘kontro-riforma’.

Il-kelma ‘riforma’

Ħa nibdew bil-kelma ‘rifoma’. Din saret qisha mantra. Jew aħjar, ballun tal-lastiku. Riforma ’l hawn, riforma ’l hemm, riforma ta’ dik u riforma tal-oħra. Għandi l-impressjoni li l-kelma qiegħda tintuża b’wisq laxkezza. Xi wħud żgur li lanqas biss jidhru li jafu d-definizzjoni tal-kelma. Jużawha bħallikieku kienet tfisser sempliċi adattazzjoni, modifika, alterazzjoni, aġġustament, emendazzjoni, reviżjoni.

Iżda ‘riforma’ ma tfissirx hekk. Riforma tfisser li dak kollu eżistenti se jiġi organizzat madwar prinċipju differenti minn ta’ qabel. Jekk dan il-prinċipju jibqa’ l-istess wieħed, allura ma tistax titħaddet dwar riforma. Tista’ titħaddet dwar bidliet, adattazzjonijiet u l-bqija, imma mhux dwar riforma. Meta m’għandekx bidla ta’ prinċpju li madwaru jiġu organizzati l-affarijiet, iżda għandek l-istess prinċipju jew, agħar, tisħiħ tal-istess prinċipju ta’ qabel, allura mhuwiex riforma li tkun qiegħed tagħmel, iżda sempliċi modifikazzjonijiet.

L-istess Imħallef Giovanni Bonello (iċ-‘chairperson’ tal-Kummissjoni għall-hekk imsejħa ‘riforma’ fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja) qal quddiem il-Ministru Bonnici li l-iskop tar-riforma hu “li jkun hemm mekkaniżmu aktar effiċjenti”. Jekk inhu hekk, jekk hu għal aktar effiċjenza li s-suppost ‘riforma’ qed issir, allura din ma hi riforma xejn. Għax kollox se jibqa’ organizzat bl-istess mod ta’ qabel għajr f’ħaġa waħda: li dak li kien hemm qabel isir aktar organizzat u effettiv. M’hemmx ħjiel ta’ xi riforma f’dan kollu u wisq anqas xi waħda ‘ħolistika’.

Prinċipju organizzattiv ġdid

Sabiex tabilħaqq issir riforma fis-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja (bħalma f’oqsma oħra) denja tal-isem, il-prinċipju li madwaru huma bħalissa organizzati l-provvedimenti formali tagħna jrid jinbidel. Il-Kostituzzjonijiet tal-1964 (tal-Indipendenza) u tal-1974 (tar-Repubblika) kienu organizzati madwar il-prinċipju ta-ċentralità tal-istituzzjonijiet. Dan wieħed jista’ jifhmu, għaliex din kienet l-esiġenza l-aktar urġenti f’dawk iż-żminijiet.

Iżda issa li l-gvern Laburista tħajjar li jibdel il-Kostituzzjoni—anzi li jagħeml ‘riforma’ tagħha—il-prinċipju l-ġdid m’għandux ikun l-istess wieħed bħal ta’ dawk il-kostituzzjonijiet. Tinsiex li, bħalma qiegħed jingħad, din ir-‘riforma’ trid twaqqaf l-hekk imsejħa ‘Tieni Repubblika’, u dan ifisser li tassew il-prinċipju organizzattiv jinbidel għal kollox.

Il-Kostituzzjoni ġdida u riformata issa għandha tkun organizzata madwar il-prinċipju taċ-ċentralità taċ-ċittadin. Dwar din iċ-ċentralità smajna ħafna mingħand Joseph Muscat qabel l-elezzjoni. Għaldaqstant, issa li wasalna sabiex inwettqu r-riforma kostituzzjonali, allura din iċ-ċentralità tabilħaqq trid issir il-perm u l-fus tal-ogħla strument legali li għandna fil-pajjiż.

Resqin lejn diżappunt?

It-tqegħid ta’ dan il-prinċipju fil-qalba tal-Kostituzzjoni l-ġdida jitlob filosofija jew ideoloġija ġdida. Jitlob li aħna ċ-ċittadini ma jibqgħux nitqiesu bħallikieku konna qaddejja tal-istituzzjonijiet, iżda li l-istituzzjonijiet huma l-qaddejja tagħna. Iżda jekk wieħed iħares lejn il-proposti tal-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja (li jistgħu jsiru parti mill-Kostituzzjoni riformata), allura jintebaħ li din il-filosofija jew ideoloġija ġdida ma hemmx.

Jekk dan id-dokument hu indikazzjoni ta’ kif se ssir ir-‘riforma’, allura ninsabu fuq mogħdija li se tiddiżappuntana ħafna.

2 comments:

  1. Hemm nuqqas ta' interes. Per ezempju, mhemmx NGO serja u kompetenti li tanima d-dibatitu u taghamel reflessjonijiet ogettivi u analitiki.

    ReplyDelete
  2. NGO serja u kompetenti li tanima d-dibattitu u taghamel reflessjonijiet oggettivi u analitici ... bħal xiex?

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever