Demostrazzjoni faxxista

Illum suppost issir fil-Belt l-hekk imsejħa ‘Demostrazzjoni Favur il-Gvern Malti Fil-Ġlieda Tiegħu Kontra l-Immigrazzjoni Illegali’. Il-gvern Malti, partikularment il-Prim Ministru Joseph Muscat, ma japprovax din id-demostrazzjoni u talab lill-membri kollha tal-gvern—kif ukoll, nassumi, lill-Laburisti kollha—biex ma jieħdux sehem fiha. U bir-raġun. Hija demostrazzjoni ta’ għajb! Għax hija demostrazzjoni faxxista.

Messaġġ imħawwad

Il-gvern Laburista qajjem dak li ma riedx: sentimenti faxxisti u razzisti kontra nies vulnerabbli u msejkna. Filwaqt li, minn naħa, qiegħed jaħdem iebes f’kull qasam għall-ġustizzja soċjali, b’effett sfortunat ta’ azzjoni mgħaġġla li ħa fl-4 ta’ Lulju li għadda ta l-impressjoni (żbaljata?) li pajjiżna m’għadx għandu politika ta’ ħniena u mgħodrija mal-imsejkna refuġjati li jaslu fuq xtutna.

Il-messaġġ imħawwad li spiċċa biex xandar dak in-nhar (forsi mingħajr ma ried) qiegħed jidher ċar f’din id-demostrazzjoni opportunista u barra minn lokah, li lanqas fi żmien il-gvern Nazzjonalista ma qatt saret bħalha. Qed tappoġġja politika governattiva li l-gvern m’għandux! Qed tappoġġja politika faxxista li l-gvern la għandu u lanqas jista’ jkollu.

Mela x’inhi din id-demostrazzjoni? Hi demostrazzjoni ta’ nies li ma jridux jifhmu l-kumplessità tas-sitwazzjoni, li jaħsbu b’mod simpliċistiku għall-aħħar u li jimmaġinaw lil dil-biċċa gżira hi xi art maqtugħa mid-dinja ta’ madwarha. Eżatt bħalma jagħmel kull faxxist, wara kollox.

Iebsa ma’ Brussell

Id-demostrazzjoni mhijiex favur li nkunu iebsa mal-politiċi ta’ Brussell. Li kieku kien hekk, kien ikun hemm xi grazzja fiha. Iżda l-fatti juru ħaġa oħra. Tassew li l-gvern hekk qal li jrid ikun—iebes mal-politiċi ta’ Brussell—u f’dan jista’ għandu mitt elf raġun. Iżda mill-aħħar żewġ deċiżjonijiet li ħa l-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’Brussell dwar il-kwestjoni tas-Sirja, ftit jidher li dan id-diskors jista’ jittieħed bis-serjetà.

Għala? Għax, filwaqt li fil-prinċipju kien kontra Brussell biex ma jibgħatx armi lis-Sirja u biex ma jqegħidx lill-Hesbollah fil-lista tat-terroristi, fil-fatt aċċetta (anki jekk taparsi parzjalment) dak li riedet Brussell. F’dawn iż-żewġ każijiet il-gvern ma kien iebes xejn mal-politiċi ta’ Brussell. Anzi, bażikament qagħad għal dak li riedu huma.

L-arja mar-refuġjati jaf jagħmilha kulħadd. Dawn m’għandhom ebda mezz biex jiddefendu lilhom infushom. La jistgħu jkunu iebsa ma’ Brussell, la mal-gvern tagħhom u lanqas ma gvern ta’ pajjiż daqs nitfa bħal tagħna. Dawn ma jistgħux jagħmlu demostrazzjonijiet il-Belt jew ixewxu n-nies fuq Facebook. Kulma jagħmlu hu li jsofru.

L-istat reali tal-kwestjoni

L-obbligazzjonijiet tagħna—bħala pajjiż u bħala individwi—quddiem it-traġedja tar-refuġjati mhijiex sempliċiment kwestjoni ta’ ħniena. Lanqas ma hi biss kwestjoni ta’ liġi internazzjoni. Hija kwestjoni wkoll ta’ realtajiet umani konkreti. Milli nara jien, il-biċċa l-kbira tan-nies mhumiex informati biżżejjed fuq l-istat real tat-traġedja u ta’ kid qiegħda realment taffettwa lil pajjiżna.

Jiena nħoss li dawk kollha li huma responsabbli tal-midja lokali—il-gvern l-ewwel wieħed; imma mhux hu biss—għandu l-obbligu li jgħarraf lill-pubbliku bil-qagħda ta’ din is-sitwazzjoni fuq il-medda tas-snin li għaddew. Nisimgħu l-ħin kollu lill-midja tgħid kemm waslu refuġjati fuq ix-xtut tagħna. Iżda mbagħad, dwar dawn l-imsejkna nies ma jgħidu xejn aktar.

L-impressjoni ta’ ħafna nies hija li dawk kollha li jaslu fuq xtutna bħala refuġjati jibqgħu jgħixu Malta, li jingħataw benefiċċi kbar u li huma piż bla qies fuq l-ekonomija tagħna. Dawn huma impressjonijiet ħżiena li l-gvern u kulmin għandu aċċess għall-midja jrid jikkoreġi. Nifhem, għalhekk, li f’dan ir-rigward irid isir sforz akbar biex il-fatti jintwerew għal dak li huma. Il-paniku li xi wħud qegħdin iċedu għalih hu bbażat fuq finzjonijiet li l-gvern jista’ jikkoreġi faċilment.

Il-ġustizzja vantaġġ għalina

Jiena nħoss li din il-korrezzjoni, jew wiri aħjar u aktar ċar ta’ x’inhi eżatt u realment is-sitwazzjoni tar-refuġjati wara li jaslu f’pajjiżna, hija essenzjali sabiex in-nies ikollhom idea aħjar u aktar korretta ta’ din ir-realtà. Naħseb li, fost ħafna nies, qiegħed jinħoloq paniku għalxejn u mingħajr fundament reali. Dan għaliex mhumiex informati biżżejjed u b’mod xieraq ta’ x’inhi realment is-sitwazzjoni.

Il-gvern tabilħaqq għandu obbligu jkun ħarex u iebes mal-politiċi ta’ Brussell—u mhux f’din il-kwestjoni biss—biex ma joqogħdux jinqdew bina (bħalma jagħmlu b’ħaddieħor) filwaqt li huma jixxaħxu fil-kappriċċi tagħhom. Għandu jurihom li aħna m’aħna l-paljazzi ta’ ħadd, wisq anqas it-tapiti tagħhom. Iżda ħadd mill-imsejkna refuġjati—jew xi persuna sfortunata oħra li ma tistax tiddefendi lilha nnifisha—m’għandu jħallas xi prezz għal din il-ħruxija jew l-ebusija.

Il-gvern Laburista, li sa mill-bidu tiegħu ggwida ruħu mill-ħniena għaż-żgħir u l-ġustizzja għall-fqir, għandu jkun kburi, bħalma diġà hu, li jinsab fuq in-naħa ta’ min ma jistax jiddefendi lilu nnifsu u li jitqies bħallikieku kien iż-żejjed jew l-irmixt tas-soċjetà. Il-politika tiegħu, għalhekk, għandha tirrifletti dan. U dan għandu jiġi muri biċ-ċar li hu fil-fatt ta’ ġid għal pajjiżna u għall-ġejjieni tagħna.


Comments

  1. Sewwa qed tghid Father:

    L-obbligazzjonijiet tagħna—bħala pajjiż u bħala individwi—quddiem it-traġedja tar-refuġjati mhijiex sempliċiment kwestjoni ta’ ħniena. Lanqas ma hi biss kwestjoni ta’ liġi internazzjoni. Hija kwestjoni wkoll ta’ realtajiet umani konkreti. Milli nara jien, il-biċċa l-kbira tan-nies mhumiex informati biżżejjed fuq l-istat real tat-traġedja u ta’ kid qiegħda realment taffettwa lil pajjiżna.

    Hu l-verita li hafna drabi, r-refuġjati jsibu ruħom emarġinati imorri fejn imorru. Irridu nahdmu biex dak li qedin fostna, jsiru haġa waħda mal-familija maltija.

    Jekk tinnota r-refuġjati li qed jaslu Malta, ġejjin il-il-biċċa l-kbira, mis-Somalia u l-Eritrea.

    Hemm differenza kbira bejn dawn il-giex pajjizi. L-Eritrea ghada mgħaluqa hafna u donnu mhux ha tinbedel malajr. Is-situajjzoni go Somalia qed tinbidel kwazi kuljum.

    Ftit ijiem ilu, smajna minn Antonio Guttierez, li l-UNHCR qed jahdem, biex kemm jista ikun, r-refuġjati Somali f'Dabaab (qrib pajjizhom f'Kenya) jerghaw jirretornaw f'pajjizhom bil-ghajnuna tal-UNHCR.

    Illum, skont il-publikazzjoni Sudan Vision, naraw li irrid ikun hemm xi forma ta' "policing" biex jinkoraġġixxu l-istabbiltà u l-osservanza tal-liġi:

    As part of UNHCR’s anti-trafficking strategy for East Sudan and through the generous financial support of the Swiss Government, a handover ceremony of vehicles to the Kassala authorities took place in Shagarab Refugee Camp on Tuesday 30th of July. The proceedings marked the official transfer of eight motorbikes and three pickup trucks to the state police and national security, better equipping them to enhance security through patrolling in the Shagarab refugee camps. East Sudan continues to receive an average of 400-600 new arrivals per month, mainly from Eritrea, and who are vulnerable to traffickers.

    Ikolli u nkompli ngħid li qlajna grazzja kbira bis-sahha ta' dawn ir-refuġjati. Alla l-imbierek jaf xinu l-marda tal bniedem u għandu kura apposta.

    ReplyDelete
  2. Mark, bhal dejjem l-argumenti tieghek huma sani u marbutin mal-fatti u mhux mal-miti jew mal-biza'. Xtaqt inzid hag'ohra ma' dak li ghedt inti u din torbot mal-kunsens li iz-zewg partiti fil-Parlament ghandhom id-DMIR li jsenslu fost il-Maltin u allura fost dawk li vvutawlhom.

    Dan il-kunsens huwa iktar urgenti fid-dawl tat-theddid u l-politika tal-biza' li l-elementi reazzjonarji u faxxisti jridu jsenslu fis-socjeta Maltija. Flok jakkuzaw lil xulxin, iz-zewg Partiti huma obbligati li (a) fil-kaz ta-refugjati isibu urgentement kunsens sabiex b'vuci wahda joholqu politika cara li turi gustizzja u umanita; (b) li jkunu vuci wahda fl-UE fejn jirrigwarda din is-sitwazzjoni u mhux bhat-tfal jakkuzaw lill-xulxin; (c) jghatu lill-poplu Malti il-fatti vera dwar din is-sitwazzjoni biex inaqqsu l-ansejta' zejda li nholqot; (d) bl-agir u mhux bil-kliem biss isostnu li is-socjeta Maltija hija imsensla fuq id-diversita.

    Jekk il-PN u l-PL se jibqghu mifruda fuq kwestjoni bhal din, is-socjeta Maltija qatt mhi se timmatura bizzejjed sabiex taghraf lilha nfisha bhala socjeta diversa imsejsa fuq il-gustizzja socjali, u allura bhala socjeta kosmopolitana li taf tkun parti mill-Ewropa li wara kollox il-Maltin ivvutaw fil-maggoranza taghhom li jaghmlu parti minnha.

    Jekk l-interessi partitokratici jirrenjaw, se jkollna krizi kbira morali fil-gejjieni fejn se jkun hemm iktar vakuum u iktar spazju ghall-psikopatici li llum qed jghidulna li kull min jiehu posizzjoni favur il-batut u r-refugjat huwa "traditur".

    Il-veri tradituri se jkunu dawk li ma jaghrfux jaraw dan il-periklu ikrah li suppost missirijietna u ommijietna iggieldu sabiex jeqirduh fit-Tieni Gwerra dinjija. It-tradituri se jkunu dawk li, sabiex ikomplu jiggieldu bhat-tfal fil-bitha ta' l-iskola, mhumiex jaraw li il-bullijiet ta' veru qed joholqu klima ta' biza' u qed iregghu lura l-arlogg lejn zmien meta Hitler, Franco u Mussolini kienu jirrenjaw fl-Ewropa bl-iskuza li l-Ewropa kienet qed tigi invaduta mil-Lhud, mill-Komunisti, ir-Roma u l-Omosesswali (nies innocenti li kollha spiccaw maqtula fil-kampijiet tal-koncentrament). Dawk li qed jinsew l-istorja se jbatu l-istess konsegwenzi li batew missirijietna u omminijietna.

    ReplyDelete
  3. Il-faxxizmu jinstab fil-qlub u mhux fil-manifestazzjonijied, u ilu hemm u min jahseb li ser infiequ xi darba minnu fuq din il-gzira, sejjer zball !

    ReplyDelete
  4. IL-fatt li dahlu f'Malta immigranti illegali f'Malta qisu dahlu 2,000,000 gewwa l-Germanja huwa "....qiegħed jinħoloq paniku għalxejn u mingħajr fundament reali"

    Waqt li wiehed jaraf il-fatt li dawn l-immigranti qed jintuzaw bhala mezz ta' kif wiehed jaqla lira b'mod kriminali mhux nisimghu diffensuri tas-sewwa jitolbu li l-problema tigi solvuta billi tinqabad il-brimba.

    Le qed ikollna nies li flokk iheggu biex dawn it-tragitti jinqatghu ghal zewgt ragiunijiet:
    1. Minhabba l-periklu
    2. Li qed inbghatu ahna
    aktar ihegguhom jaqsmu.

    Dan l-argument tat-twajbin ifakkarni fil-parabola tas-samaritan li lil imgarrab hadu f'Lukanda u mhux f'daru, allura issa ser inservu ta' Lukanda ukoll Fr Mark?

    ReplyDelete
    Replies
    1. Sur Wenzu x'ghandu x'jaqsam tas-Sammaritan - jekk kien boghod minn daharu mhux ahjar li hadu f'lukanda fil-qrib!?!!

      Delete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?