Sunday, 11 August 2013

Knisja medhija biha nnifisha

Il-Ħamis li għadda, gazzetta lokali xandret xi punti minn diskors tal-Kardinal Prospero Grech waqt il-konklavi ta’ Marzu li għadda li fih ġie elett Papa Franġisku. Il-punti li xxandru huma dokument storiku li jixħet dawl interessanti fuq il-qagħda tal-Knisja Kattolika llum. Iżda dokument ieħor, maħluq fl-istess żmien u waqt l-istess okkażjoni, ftit ingħata attenzjoni. Huwa dokument tal-Kardinal Jorge Bergoglio, proprju dak li mbagħad ġie elett Papa.


Dokument prezzjuż

Id-dokument ġie żvelat madwar ġimgħatejn biss wara li Bergoglio sar Papa. Inġieb fil-ġurnal Palabra Nueva ta’ Hevana, il-Kuba, mill-Kardinal Kuban Jaime Ortega. Id-dokument inkiteb bl-idejn minn Bergoglio waqt il-konklavi meta għadd ta’ kardinali talbuh iniżżel bil-kitba il-ħsibijiet li kien tħaddet dwarhom waqt il-konklavi dwar x’jaħseb li hemm l-aktar bżonn fil-Knisja Kattolika llum.

Il-kitba li sawwar Bergoglio (wara Papa Franġisku I) bl-Ispanjol hija qasira: paġna u ftit. Fiha biss erba’ punti ewlenin. Fir-ras tagħhom hemm tliet versi, li jgħidu hekk: (1) ‘Għandha ssir referenza għall-evanġelizzazzjoni. Din hija r-raġuni għala teżisti l-Knisja.’ (2) ‘“Il-ferħ ħelu ta’ evanġelizzazzjoni li tfarraġ” (Pawlu VI).’ (3) Hu l-istess Ġesù Kristu li, minn ġewwa, jimbuttana ’l quddiem.’

Wara dawn il-tliet versi, jiġu l-erba’ punti li semmejt. Jidhirli li hu xieraq li hawnhekk nagħtuhom sħaħ bil-Malti għax joffru okkażjonijiet prezzjużi ta’ riflessjoni dwar il-Knisja u l-qagħda tagħha llum. L-Ispanjol użat minn Bergoglio mhuwiex dejjem faċli li jiġi maqlub għall-Malti, speċjalment meta juża l-kelma ‘autorreferencia’ (aktarx l-aktar terminu sinifikattiv li juża fid-dokument). Litteralment, il-kelma tfisser ‘tirreferi għalik innifsek’, imma aktar għandha s-sens ta’ ‘medhi bik innifsek’, ‘magħluq fik innifsek’ jew ‘taħseb fik innifsek biss’. Il-korsiv huwa parti mid-dokument oriġinali.

Knisja li toħroġ minnha nnifisha

L-ewwel punt tad-dokument jgħid hekk: ‘L-Evanġelizzazzjoni tippresupponi fil-Knisja l-qlubija li toħroġ minnha nnifisha. Il-Knisja hi msejħa li toħroġ minnha nnifisha u tmur għand l-imwarrbin. Mhux biss dawk imwarrbin ġeografikament, imma wkoll dawk imwarrbin eżistenzjalment: dawk tal-misteru tad-dnub, dawk tat-tbatija, dawk tal-inġustizzja, dawk tal-injoranza u tal-abbandun reliġjuż, dawk tal-ħsieb, dawk ta’ kemm hawn miżerji.’

It-tieni punt hu dan: ‘Meta l-Knisja ma taħroġx minnha nnifisha biex tevanġelizza tibda tipponta lejha nnifisha u, għaldaqstant, tmarrad lilha nnifisha (ara l-mara mgħawġa fuqha stess fl-Evanġelju). Il-ħwejjeġ ħżiena li, fl-aħħar mill-aħħar, tnisslu fl-istituzzjonijiet tal-Knisja għandhom l-għeruq b’dan l-ippuntar lejn wieħed innifsu; speċi ta’ narċisiżmu teoloġiku. Fl-Apokalissi, Ġesù jgħid li jinsab fil-bieb u qiegħed iħabbat. Evidentement, it-test juri li qiegħed fuq barra u jrid jidħol ... Però xi kultant ikolli l-impressjoni li Ġesù qiegħed iħabbar minn ġewwa biex inħalluh joħroġ. Il-Knisja li taħseb fiha nnifisha tagħlaq lil Ġesù ġo fiha u ma tħallihx joħroġ.’

It-tielet punt: ‘Il-Knisja, meta tipponta lejha nnifisha, mingħajr ma tintebaħ, tibda temmen li għandha xi dawl tagħha nnifisha; tabbanduna l-mysterium lunae u tagħti lok għal dan il-ħażen hekk gravi, jiġifieri il-mundalitá spiritwali; dan l-għajxien biex nagħtu glorja wieħed lill-ieħor. B’mod aktar sempliċi: għandek żewġ xbihat tal-Knisja: il-Knisja evanġelizzattriċi li toħroġ minnha nnifisha (Il-Knisja li tisma' l-Kelma ta' Alla u xxandarha bil-fedeltá); jew għandek il-Knisja tad-dinja li tgħix fiha nnifisha, minnha nnifisha u għaliha nnifisha. Dan għandu jixħet dawl fuq żewġ għamliet possibbli ta’ mixjiet u riformi li jridu jsiru għas-salvazzjoni tal-erwieħ.’

‘Periferiji eżistenzjali’

L-aħħar punt hu dan: ‘Filwaqt li naħsbu dwar min jista’ jkun il-Papa li jmiss: bniedem li, mill-kontemplazzjoni tiegħu ta’ Ġesù Kristu u mill-qima tiegħu lil Ġesù Kristu, jgħin lill-Knisja biex toħroġ minnha nnifisha biex tmur lejn il-periferiji eżistenzjali tal-bnedmin; li jgħinha tkun l-omm tal-ħajja li tgħix “il-ferħ ħelu ta’ evanġelizzazzjoni li tfarraġ”.’

Hawn jintemm dan id-dokument qasir iżda ta’ tifsir profond li l-Kardinal Bergoglio kiteb lejlet l-elezzjoni tiegħu bħala Papa fit-13 ta’ Marzu li għadda. Id-dokument, li seta’ għen sabiex proprju ssir din l-għażla tiegħu, ġie mxandar bil-permess tiegħu stess. Fih naraw ħjiel ta’ dak li donnu qiegħed jipprova jagħmel f’dawn l-aħħar ħames xhur ta’ pontifikat.

Fuq kollox, dan id-dokument naħseb li għandu kliem ta’ akkuża għall-Knisja li ta’ min nagħtuh widen. Ċert li għandu jkun prezzjuż għal kull min jixtieq jara li jissawwar programm ta’ għajxien u ħidma, kemm fil-Knisja universali u kemm, xi darba, fil-Knisja lokali.

______________________________________

Id-dokument oriġinali bl-Ispanjol tista' ssibu billi tagħfas hawnhekk.


2 comments:

  1. Proset Father. Artiklu f'waqtu iehor. L-spirtu ta'Kristu rxoxt ghandu ikun iktar vizibli.

    ReplyDelete
  2. Forsi jekk nergghu naraw din is-silta mil-film Sister Act, http://www.youtube.com/watch?v=gFmtMI2tt7M, alkemm dan huwa film, jixhet ftit dawl simili ma dak li qal il-Papa f'din is-silta, kif ukoll f'dak li qal il-Papa liz-Zaghzagh il-Brazil. Forsi il-knisja trid tisma iktar, u tmur tfittex iktar fejn tevangelizza. Meta nghid il-Knisja minix nghid L-Arcisqof, il-Kurja, il-Qasssisin, imma qed nghid kulhadd. Qed inkunu 'aware' bizzejjed mid-diffikultajiet ta' diversi membri tas-Socjeta taghna, taz-zaghzagh li jmorru isiru patata paceville, tal-omossesswali, tal-habsin, ta' dawk li ghandhom zwigijiet imkissra? Qed nisemawhom, qed nitolbu ghalihom, qed naraw fiex nistghu nghinuhom, u naraw kif ser nipprezentawlhom lil-Krista b'mod reali, jew niggudikawhom biss?

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever