L-ambigwità tal-PFP

Ġimgħatejn ilu, eżattament fit-8 tax-xahar, ġewwa Virginia, l-Istati Uniti tal-Amerika, tliet Somali (ta’ bejn l-20 u d-29 sena) ġew rakkomandati minn ġurija li jingħataw għomor il-ħabs għall-allegat qtil ta’ erba’ Amerikani fl-Oċean Indjan fi Frar tal-2011. Dawn is-Somali jitqiesu li kienu fost il-‘pirati’ li kienu qegħdin (u xi wħud għadhom) jaħtfu bċejjeċ tal-baħar li jsibu jbaħħru madwar ix-xtut tas-Somalja. Is-sentenza tat-tliet żgħażagħ għandha tinqata’ għal Ottubru jew Novembru li ġej. Il-prosekuzzjoni kienet talbet li jingħataw il-mewt.

Il-problema Somala

Il-qtil tal-imsejkna Amerikani kien parti minn offensiva li kienet oriġinarjament bdiet fl-1991 minn xi sajjieda Somali sabiex jiddefendu l-għajxien tagħhom mis-serq tal-ħut li kien qiegħed isir fl-ibħra tagħhom. Studju kkommissjonat fl-2011 mill-proġett ‘Training for Peace’ (imħallas mill-gvern Norveġiż) ikkonferma li din l-offensiva “ma bdietx minn ħallelin jew qattiela fi tfittxija għall-flus, iżda minn sajjieda li kienu xebgħu mill-flotot ta’ sajjieda barranin li jieħdu vantaġġ mill-instabbiltà tas-Somalja biex jarmu ħmieġ tossiku u jistadu illegalment fl-ibħra Somali.”

Għaldaqstant, il-problema bdiet mal-gwerra ċivili tas-Somalja fl-1991. Għal snin sħaħ, il-komunità internazzjonali baqgħet passiva quddiem l-isfruttament sfaċċat mill-instabbiltà tas-Somalja li bdew jagħmlu l-baħħara tagħha.

Fl-2006 is-sitwazzjoni kompliet tikkomplika ruħha meta għadd ta’ Somali bdew il-problema tal-piraterija billi jaħtfu kull biċċa tal-baħar li jiltaqgħu magħha, jieħdu l-ostaġġi, u jitolbu flejjes kbar għall-ħelsien tagħhom.

Missjoni Maltija

Il-komunità internazzjonali qatt ma qabżet għas-sajjieda Somali kontra s-sajjieda barranin armati ferm aktar minnhom. Anzi, bi skuża tal-piraterija, fl-2000 il-famuża ‘Partnership for Peace’ (PFP; li hija programm tan-NATO u r-Russja mibdi fl-1994) daret għalihom u bdiet tattakkahom militarment. Il-PFP mhux biss qatt ma għamlet differenza bejn il-kawża ġusta tas-sajjieda Somali u t-terroriżmu tal-pirati, imma saħansitra qatt ma ħaditha kontra l-bċejjeċ tal-baħar barranin li kienu u għadhom jgħarrqu l-ibħra u l-impjieg tas-sajd ta’ madwar is-Somalja.

F’Lulju li għadda, ftit aktar minn tliet erba’ xhur wara l-elezzjoni ġenerali, Malta wkoll bagħtet 22 suldat Malti biex jissieħeb fl-operazzjonijiet ferm ambigwi tal-PFP qrib is-Somalja. Jekk ma tridx, meta s-sudati Maltin ġew biex imorru jagħtu sehemhom fil-ġlied, il-Ministru Manuel Mallia qalilhom li “l-missjoni importanti tagħhom żgur se ġġib unur lilhom infushom u lill-pajjiż li jirrappreżentaw”!

Dan meta suppost il-‘pajjiż li jirrappreżentaw’ hu kostituzzjonalment newtrali u wkoll pajjiż li f’konflitti ta’ ġlied internazzjonali ma jxaqleb lejn ebda naħa.

Kostituzzjoni tal-lastiku?

M’għandniex xi ngħidu, il-piraterija Somala hi kundannabbli daqs il-qtil deplorevoli tal-erba’ baħħara Amerikani. Iżda dan ma jnaqqas xejn mill-ambigwità tal-operazzjonijiet tal-PFP qrib is-Somalja, għall-anqas f’relazzjoni mas-sajjieda Somali, ... l-istess kif ma jnaqqas xejn mill-ambigwità tas-sħubija ta’ pajjiż li suppost hu newtrali u non-alineat f’operazzjonijiet bħal dawn. Waħda mill-missjonijiet li s-suldati Maltin se jkollhom f’dawn l-operazzjonijiet huwa proprju li ‘jimmoniterjaw’ lis-sajjieda Somali. Xi tfisser din eżatt, il-PFP biss taf.

Il-missjoni tas-suldati Maltin tintemm fis-27 ta’ Settembru. Sinċerament nawgura u nittama li kull wieħed mis-suldati tagħna jiġu lura qawwijin u sħaħ. Iżda li jista’ jkun żgur hu li qawwija u sħiħa bħalhom mhijiex se tkun il-Kostituzzjoni tagħna. Għall-anqas fl-aspett tal-ewwel Artiklu tagħha (fejn tiġi ddefinita n-natura tan-newtralità tagħna), il-Kostituzzjoni saret kapaċi tagħlaq għajnejha totalment għall-ambigwità ta’ programm bħalma hu l-PFP.

Kemm dan jista’ jġib unur lil pajjiżna hu dubjuż ferm. Aktar donnu qiegħed iwassal lid-dinja il-messaġġ li l-Kostituzzjoni tagħna saret tal-lastiku.


Comments

  1. Proset Father. Sakemm id-drittijiet uman tas-sajjieda Somali ma jkunux rispettati, mħux ha jkun hemm paċi fis-Somalia. L-istess problema qed tinħoloq bejn Gibrilta u Spagna (u anke bejn Malta u Sqalija sa certu punt). Tista tgħid li l-problemi li qed jitfaccaw l-Eritreani, wkoll gej min nuqassijiet kbar fis-settur marittimu (s-sajd inkluż), gȯl port ta' Massawa.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?