Wirt Dom Mintoff

Nhar it-Tlieta, 20 ta’ Awwissu, hu Jum Mintoff, il-jum li fih, sena ilu, tfewlu d-dawl u raqad. Kienu t-8.20 ta’ filgħaxija (jew 20:20). It-Tnejn. F’dak il-jum, aktarx ilkoll nibqgħu niftakru l-mument eżatt ta’ fejn konna u x’konna qegħdin nagħmlu meta waslet għandna l-aħbar tat-tluq tiegħu. Għall-biċċa l-kbira tagħna kien qisu miet xi ħadd tal-familja; wieħed li għabbejnieh bir-responsabbiltà ta’ ħafna emozzjonijiet li ġarrabbna tul bosta snin.

Riħa ta’ preżunzjoni

Dawn l-emozzjonijiet għadhom ilewnu t-tifkiriet tal-ġrajjiet l-imgħoddija. Għal xi wħud biex ma jarawx ħlief għaxqa, ukoll fejn hemm l-għajb, u għal oħrajn biex ma jarawx ħlief għajb, ukoll fejn hemm l-għaxqa. It-tnejn ma jistgħux jagħarfu x-xibka mirquma u rqieqa li ssawwar in-nies u l-ġrajjiet daqskemm l-azzjonijiet, id-deċiżjonijiet u r-reazzjonijiet tagħhom.

Mintoff għadu mhuwiex magħruf għal dak li kien fih innifsu. Ix-xbihat tiegħu fl-imħuħ tal-biċċa l-kbira tagħna, inkluż tal-bosta li kitbu dwaru (speċjalment f’din l-aħħar sena), ma huma xejn anqas minn ħlejjaq psikoloġiċi maħkuma mir-rabtiet tiegħu (veri jew mistħajla) ma’ ħafna affarijiet esterjuri għalih. Iżda l-bniedem, hu min hu, mhuwiex dak li jagħmel jew dak li għandu. L-intimu tiegħu ma jingħarafx sempliċiment mill-azzjonijiet tiegħu jew mill-ħiliet u s-snajja li jidher li għandu. L-intimu tal-bniedem hu aktar profond minn hekk.

Mhumiex ftit dawk li jaħsbu li jafu lil Mintoff sew. Fehma bħal din tarmi riħa qawwija ta’ preżunzjoni. Għax biex tagħraf l-intimu ta’ bniedem—il-psike tiegħu, biex ngħid hekk; dak li jimmotivah interjorment—jeħtieġ li tmur lil hinn minn dak li jagħmel u minn dak li għandu. Jeħtieġ (biex inpoġġiha b’mod ieħor) li tidħol fil-moħħ tiegħu.

Biċċa minna lkoll

S’issa, dwar Mintoff, ma naħsibx li dan għadu sar wisq. Għaldaqstant, lil hinn minn dak li għamel u mill-ħiliet u s-snajja li deher li għandu, naħseb li r-raġel għadu mhuwiex magħruf fih innifsu. Il-ġrajjiet imfakkra, mgħobbija b’tant u tant emozzjonijiet, ġrajjiet magħżula arbitrarjament minn ħafna u ħafna oħrajn, għadhom qegħdin ifixkluna; għadhom qegħdin jostrulna l-ħila li nittawlu lil hinn mill-politiku, mis-‘salvatur’, mit-‘traditur’, u minn dak li aħna rridu li kien.

Xi wħud lanqas biss jaraw il-ħtieġa li nagħmlu taħriġ bħal dan. Għal xi wħud, Mintoff la huwa sinfikanti għal dak li aħna llum jew għal dak li għad nistgħu nkunu, u wisq anqas importanti. Jien ma naqbilx ma’ din il-fehma. Jien naħseb li fih kien hemm biċċa minn kull wieħed u waħda minna, u li biċċa minnu għadha tgħix fina lkoll. Meta nħares madwari lejn il-prosperità li għandhom il-biċċa l-kbira tagħna, meta nara d-dinjità li biha ngħixu, meta nara l-livell ta’ ċiviltà li għandna, meta nħares lejn il-Malta li fiha qegħdin jikbru t-tfal tagħna, ma nistax ma naħsibx f’kelma waħda: Mintoff. Ma nistax ma nistaqsix: X’konna nkunu llum mingħajru?

Mintoff ħallielna wirt. Huwa wirt li naħseb hu siewi li nibqgħu niskopruh. Mhuwiex biss wirt materjali. Huwa wirt ta’ klassi oħra. Wirt b’xi mod marbut mal-identità tagħna; wirt li xi ftit jew wisq għadu jista’ jgħidilna min aħna u wkoll min nistgħu nkunu.

It-tfittxija tissokta

Darba, meta kont qed ngħum miegħu Saint Peter’s Pool f’Delimara, Mintoff kien kellimni fuq il-libertà li għandu bżonn kull bniedem biex jgħix bid-dinjità u kuntent. Kien qalli li l-libertà kienet differenti mill-awtonomija. Għax li bniedem ikun awtonomu jfisser li xi ftit jew wisq jiffinanzja lilu nnifsu jew għall-anqas ma jiddipendix fuq il-ħniena ta’ ħaddieħor għall-għajxien tiegħu.

Imma din ma kinetx libertà, qalli. Il-libertà hija ħaġa tal-moħħ. Bniedem seta’ jkollu l-flus tad-dinja kollha u madanakollu xorta waħda jkollu mentalità ta’ skjav. Huwa hawnhekk, kien qalli waqt li taptap b’subgħajh fuq nagħsu, li jinkiseb il-ħelsien. Kmieni jew tard, il-bqija jiġi kollu wara.

Jista’ jkun li f’dak il-mument kelli x-xorti ta’ titwila fl-intimu ta’ dak ir-raġel, min jaf? Hu x’inhu, nemmen li ż-żmien u l-istudju, fuq kollox l-onestà intellettwali, għad jagħtuna l-opportunità li niskopru aħjar l-intimu tiegħu. Nemmen li hekk biss nistgħu nwieżnu sewwa l-wirt li ħallielna.

It-tfittxija jeħtieġ li tissokta.

_________________________________________________________________

Ara wkoll, jekk trid: http://youtu.be/MxY8-_brxyI


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?