Iċ-ċaħda l-kbira (5)

Minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn, iċ-ċaħda l-kbira li ġarrbu l-Knejjes Insara (għall-anqas fil-punent) kienet dovuta għal diversi fatturi, kemm esterni u kemm interni. Għalkemm dawn il-fatturi għandhom it-toqol u l-gravità tagħhom, b’xi mod jew ieħor jistgħu ma jitqisux għal kollox irrikonċiljabbli ma’ tiġdid evanġeliku possibbli. Fi kliem ieħor, tiġdid serju, drastiku, impenjattiv u sostenut tal-ħajja tal-Knejjes Insara jista’ possibbilment jibda jinnewtralizzaw l-fatturi li għamlu possibbli u ġġeneraw iċ-ċaħda l-kbira.

Iżda hemm fattur li mhuwiex ta’ din il-klassi. Fih innifsu hu velenuż aktar mill-oħrajn l-oħra kollha. Dan għaliex waħdu kapaċi jrażżan kull tiġdid u jibqa’ jintensifika ċ-ċaħda sakemm ixejjen il-Knejjes għal kollox. Hu l-fattur tal-ekkleżjoloġija, jiġifieri ta’ dak li l-Knejjes jaħsbu li huma jew li għandhom ikunu.

* * *

Fi tmiem it-tielet parti ta’ din il-kitba ktibt li xi wħud jimmaġinaw li meta ċ-ċaħda l-kbira tilħaq proporzjonijiet eċċessivi u devastanti, isservi ta’ ‘wake-up call’ biex sa fl-aħħar il-Knejjes jieħdu t-tiġdid tagħhom infushom bis-serjetà. Għedt ukoll li jien dan ma nemmnux. U ma nemmnux għaliex, jekk ma tinbidilx l-ekkleżjoloġija li għandhom il-Knejjes; jekk ma jinbidilx il-kunċett ta’ x’jaħsbu li hi r-raġuni għalfejn jeżistu, ebda katastrofu, kbir kemm hu kbir, ma ġġibhom f’sensihom. Dan għaliex, la darba jaħsbu li qegħdin fis-sewwa, ma jħossu ebda bżonn li jinbidlu jew li jibdlu l-istrutturi tagħhom.

Dan hu evidenzjat mill-fatti. F’bosta pajjiżi, meta l-Knejjes raw il-knejjes tagħhom vojta, meta raw li ma jistgħux jibqgħu jiftħu l-knejjes, meta kellhom jagħalqu l-kunventi, meta kellhom iżarmaw il-parroċċi, meta kellhom ixolju djoċesijiet sħaħ, ... xorta waħda ma stenbħux! Xorta waħda ma qalux: Ejjew naraw x’se nagħmlu.

Għala dan? Għax qatt ma ammettew li jinsabu fl-iżball. Il-ġustifikazzjoni tagħhom infushom, il-konvinċiment li għandhom raġun f’dak li kienu u f’dak li qed jagħmlu, rażżnilhom għal kollox il-possibbiltà li jieħdu miżuri drastiċi biex jeqirdu l-kankru li kien trabba fi ħdanhom. Għaldaqstant, ipperseveraw fl-iżball u fir-ras iebsa tagħhom. B’hekk, kulma għamlu hu kien li ġabu l-qerda tagħhom infushom. Saru huma stess parti miċ-ċaħda l-kbira.

* * *

Din kienet l-akbar problema li kellhom il-Knejjes Insara. ‘Kellhom’ ngħid, għax il-lum f’ħafna postijiet tal-punent il-Knejjes infushom sempliċiment m’għadhomx jeżistu; saru estinti. Iżda hi wkoll l-akbar problema li għandha l-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex: l-ekkleżjoloġija tagħha hi difettuża; mhux biss difettuża, iżda saħansitra velenuża. Hija ekkleżjoloġija li qed toqtolha minn ġewwa. Qed toqtolha u, jekk tippersisti, għad toqtolha għal kollox.

X’mudell ta’ ekkleżjoloġija hi din? Hi ekkleżjoloġija tas-setgħa. Hi ekkleżjoloġija li tinvesti fis-setgħa, li titkellem lingwaġġ ta’ setgħa, li għandha simboliżmi ta’ setgħa, li mhijiex kapaċi żżarma l-istrutturi tagħha ta’ setgħa, u li temmen li s-setgħa tista’ xi darba ssalva.

Iżda l-aħbar it-tajba hi din: li din l-ekkleżjoloġija mhijiex dik awtentika. Ekkleżjoloġija awtentika hi dik li l-mudell tagħha huwa Ġesù u Ġesù biss: Ġesù l-umli, is-sempliċi, il-fqir, il-kumpann mingħajr privileġġi u mingħajr setgħa.

Fl-aħħar mill-aħħar, meta tqis kollox, kien għalhekk li seħħet u għadha sseħħ u tibqa’ sseħħ iċ-ċaħda l-kbira: minħabba li l-Knejjes warrbu u sa ttradew lil Ġesù filwaqt li lagħbuha li huma tiegħu. B’hekk saru parodija tagħhom infushom. Huwa biss meta jagħarfu dan l-iżball fatali li qatt jistgħu jerġgħu jibdew jiksbu lura l-kredibbiltà u l-fiduċja tal-mases.

TMIEM

Ara ta' qabel





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?