2,400 sena mill-Akkademja ta’ Platun

Min jaf għad tiġix f’idejk din il-munita ta’ €2? Ħarġitha l-Greċja fl-1 ta’ dan ix-xahar. Il-profil li turi hija tal-kbir filosofu Grieg tal-qedem, Platun, li għex erba’ sekli qabel Kristu. Dan kien waqqaf skola filosofika ta’ fama millennarja msejħa “Akkademja”. Is-sena kienet 387 QK, u din is-sena jaħbat l-erbgħa u għoxrin seklu mit-twaqqif tagħha. L-Akkademja baqgħet teżisti għal disa’ mitt sena sħaħ (sal-529 wara Kristu).

L-Akkademja

Il-medda art ċkejkna tal-Akkademja ta’ Platun f’Ateni (il-belt kapitali tal-Greċja) kienet tinsab madwar mil u nofs bogħod miċ-ċittadella tal-Akropoli lejn il-majestral. F’dak iż-żmien, l-inħawi kienu masġar b’siġar taż-żebbuġ magħrufa popolarment bl-isem ta’ Akademos, eroj Grieg tas-seklu 12 QK. Kien minn hawnhekk li l-iskola ta’ Platun ħadet isimha. Illum il-ftit fdal tal-Akkademja jinsab ġo park imdaqqas magħruf bħala Kolonos.

Aktar kmieni din is-sena, biex jitfakkar l-anniversarju mit-twaqqif tal-Akkademja, it-23 Kungress Dinji tal-Filosofija sar proprju f’Ateni. Dan kien bejn l-4 u l-10 ta’ Awwissu. Għall-Kungress attendew mat-tliet elef ruħ minn mija u ħames pajjiżi tad-dinja. Dan il-Kungress isir kull ħames snin. Dak li jmiss se jsir f’Beijing (iċ-Ċina) fl-2018. L-ewwel wieħed kien sar f’Pariġi fl-1900.

Il-filosofija

Il-filosofija hija x-xjenza li tfittex li tifhem l-għala ta’ kulma jeżisti. Fi kliem ieħor: Dak li jeżisti, għala jeżisti bis-sura li għandu u mhux b’mod ieħor? Fuq xiex nibbażaw l-għarfien ta’ dak kollu li nafu dwar dak li jeżisti? Kemm nistgħu nkunu ċerti minn dak li naħsbu li nafu?

Dawn huma xi wħud mill-aktar mistoqsijiet fundamentali tax-xjenza filosofika. Insejħulha ‘xjenza’ għax il-proċess ta’ ħsieb li jintuża biex tasal għall-konklużjonijiet tagħha huwa għal kollox dixxiplinat (skont ir-regoli ta’ dik li nsejħulha ‘loġika’). Fl-Akkademja tiegħu, Platun dan għallem; u t-tagħlim tiegħu ħalla influss kbir u qawwi fuq il-ħsieb u l-ħajja tal-umanità għas-sekli kollha ta’ wara sal-lum.

Okkażjoni sabiħa

Aħna mhux biss ngħixu fid-dinja―bħalma jagħmlu l-ħxejjex u l-annimali kollha―imma rridu wkoll nifhmu għala ngħixu. Skont din il-fehma, aħna norganizzaw ħajjitna bl-istrutturi soċjali, politiċi u ekonomiċi li noħolqu. Fi kliem ieħor, mhux biss nieklu u nitkattru―bħalma jagħmlu l-ħxejjex u l-annimali kollha, nerġa’ ngħid―imma wkoll infasslu l-produzzjoni ta’ dak li neħtieġu biex ngħixu, u wkoll l-għamla ta’ kif nipproduċuh, skont il-ħsieb tagħna fi ħdan il-kundizzjonijiet materjali u storiċi li ninsabu fihom.

Il-bniedem hu annimal ikkumplikat ħafna. Il-filosofija tipprova ssib xi ftit tarf ta’ dik il-kumplikazzjoni ħalli tagħraf il-ħafna affarijiet li l-bniedem joħloq sabiex jgħix. F’Malta din ix-xjenza filosofika għandha mal-ħames sekli storja ta’ attività. Illum ukoll, kemm fl-università u kemm ’l barra minnha, għandna bosta nies li jagħtu sehem interessanti f’din l-attività. Biss biss, jekk issib PhilosophySharing Malta fil-Facebook, tifhem x’qed ngħid.

L-anniversarju tal-2,400 sena mit-twaqqif tal-Akkademja ta’ Platun f’Ateni hija okkażjoni sabiħa biex tfakkarna lkoll fid-dmir tagħna lkoll li, b’kull mezz, naħdmu biex nagħmlu l-ħajja ta’ kulħadd isbaħ u aħjar.




Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?