Il-ġlieda kontra l-faqar

Għal darba oħra, għandna gvern li huma deċiż li jaqbad il-barri tal-faqar minn qrunu. Dan ifakkarna fl-isforzi li kienu għamlu Boffa fis-snin erbgħin u Mintoff fis-snin sebgħin. Issa wkoll jeħtieġ sforz ġdid għax, diżgrazzjatament, il-faqar reġa’ kien beda jgħolli rasu. Din tista’ tidher bħala xi ħaġa sorprendenti meta tqis il-livell ekonomiku li laħaq pajjiżna u meta tqis it-tkattir tal-ġid b’mod globali.

Żieda fil-faqar

Iżda l-faqar qiegħed jiżdied tassew. Kemm fid-dinja, iżda wkoll fostna. Bla dubju, dan hu dovut għal politika imgħoddija li ma ħasbitx biżżejjed biex it-tkattir u t-tqassim tal-ġid ikun mifrux fuq kulħadd. Xi wħud donnhom tqiesu ċittadini aktar xierqa minn oħrajn; xi wħud tqiesu ċittadini tat-tieni jew it-tielet klassi.

Politika bħal din mhijiex aċċettata minn dan il-gvern. L-għażla tiegħu ftit tax-xhur ilu saret, fost raġunijiet oħra, proprju minħabba din id-deċiżjoni tiegħu; li l-ġid jinkiseb għal kulħadd u jitqassam fost kulħadd. Il-prinċipju li ‘xi nies huma fqar għax esklużi’ (u mhux bil-kontra: esklużi għax huma fqar) qiegħed iservi bħala gwida fil-ġlieda mġedda kontra l-faqar li reġa’ trabba fostna.

Dan deher ċar fil-konferenza stampa li għamlet aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien ma’ Yana Bland Mintoff, waqt li ħabbru t-tħejjija tal-ewwel abbozz tal-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Meta jkun lest, id-dokument tat-twettiq tal-istrateġija jista’ jkun mument kruċjali fl-istorja reċenti nazzjonali.

Determinazzjoni u impenn

L-aħħar Manifest Elettorali tal-Partit Laburista għamilha ċara li “gvern ġdid, iggwidat mill-valur tal-ġustizzja soċjali, jaħdem attivament biex il-faqar, kemm dak magħruf u dak moħbi, jerġa’ jiġi eradikat darba għal dejjem minn pajjiżna. Irridu nassiguraw,” ikompli jgħid, “tmexxija politika u ekonomika li twieżen lid-dgħajjef u lill-vulnerabbli bil-fatti u b’impenn determinat” (nru. 57).

Il-fatt li fil-ftit xhur li għaddew minn mindu dan il-Manifest ġie magħżul mill-poplu bħala l-gwida tal-gvern tiegħu sar ħafna xogħol fil-magħluq, mhux anqas ta’ konsultazzjoni wiesgħa, sabiex din l-assigurazzjoni tibda titwettaq tabilħaqq, hu sinjal tajjeb għar-riżultati mixtieqa f’dan il-qasam.

Naturalment, fir-realtà, ir-riżultati mhux dejjem jiġu warda kif wieħed ikun jixtieq. Iżda l-fatt li d-determinazzjoni qiegħda tiġi mlaqqa’ mal-impenn u l-ħidma juri biżżejjed li mill-kliem qegħdin nippruvaw ngħaddu għall-fatti. Dan hu inkuraġġanti.

L-ewwel pass tal-mixja

Fis-sitwazzjoni tal-istruttura li titħaddem fl-ekonomija dinjija u, partikularment, f’dik Ewropea, ma jidhirx li l-faqar qiegħed jonqos jew, għallanqas, jinżamm milli jikber. Fis-snin li għaddew, l-Unjoni Ewropea stess ippruvat diversi għamliet sabiex trażżan jew tnaqqas il-faqar, iżda ma rnexxilhiex. Ir-raġunijiet mhumiex injorati minn min qiegħed jipprova joħloq strateġija għas-sitwazzjoni lokali. Dan jista’ jgħinna nevitaw l-iżbalji ta’ ħaddieħor u, fl-istess waqt, niksbu riżultati aħjar ġewwa pajjiżna.

Din il-kisba mhijiex impossibbli meta għandek gvern li hu determinat li jagħmel xi ħaġa konkreta biex jilħaq il-miri tiegħu f’dan il-qasam. Hija diffiċli, ċertament. Imma mhux impossibbli. Għallanqas fuq livell parzjali, li hu dejjem aħjar milli s-sitwazzjoni tkompli titgħarraq. L-istrateġija li qiegħda tiġi maħduma turina dan: li l-qagħda tal-faqar fil-gżejjer Maltin qiegħed tittieħed bis-serjetà, mhijiex qed tiġi moħbija jew injorata; u dan, fih innifsu, hu sinjal pożittiv.

M’għandniex xi ngħidu, hija l-implimentazzjoni tal-istrateġija li hi l-aktar importanti. Id-dokument weħidhom qatt ma solvew il-problemi ta’ ħadd. Imma wkoll hu minn ewl id-dinja li ebda strateġija ma qatt ħadmet mingħajr ħafna ħsieb minn qabel. Il-ħolqien ta’ strateġija xierqa u realistika hija l-ewwel pass essenzjali għall-ieħor tal-implimentazzjoni; u dak il-pass qiegħed isir, u qed isir b’għaqal.

Dan kollu qiegħed isaħħaħ it-tama ta’ ħafna nies li jaraw, saflaħħar, il-konvinzjoni u d-dedikazzjoni politika jsaħħu bis-serjetà l-ġlieda kontra l-faqar f’pajjiżna. Hija tama li naraw riżultati konkreti, jekk mhux immedjatament, għallanqas fit-tul ta’ żmien. Il-mixja, twila jew qasira, dejjem tibda bl-ewwel pass.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?