Sunday, 27 October 2013

Knisja bla qalb?

L-abbozz ta’ liġi dwar unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess, u li qiegħed jiġi diskuss mill-parlament bħalissa, qiegħed ġustament iqajjem diskussjonijiet mal-pajjiż kollu. Il-Knisja Kattolika, permezz tad-diversi entitajiet tagħha, mhijiex qed tonqos li tieħu sehem f’dawn id-diskussjonijiet. Dan huwa dritt u dmir tagħha. Iżda, sfortunatament, jista’ jkun li l-impressjoni li l-Knisja qiegħda terġa’ tagħti lill-poplu Malti hi li l-istituzzjoni tagħha hi waħda bla qalb.

Impressjoni ħażina

Sentejn ilu, il-kampanja tal-Knisja Kattolika għar-referendum tad-divorzu fil-gżejjer Maltin jidher li ħalla lil ħafna Maltin għal kollox iddiżgustati. Fil-ħerqa li kellha l-Knisja sabiex twassal il-messaġġ tagħha (ħaġa li għandha dritt u dmir tagħmel), tat u ħalliet l-impressjoni sfortunata li ma tħossx biżżejjed, la għad-drittijiet umani, u lanqas għall-minoranzi.

Wieħed jistenna li, wara dik il-froġa, l-esponenti tal-Knisja kienu se jitgħallmu mill-esperjenza, jekk xejn għall-anqas mil-lat organizzattiv. Iżda dan għandu mnejn li ma sarx. Għax, issa li qamet id-diskussjoni dwar l-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess, għal darba oħra reġgħet tista’ qiegħda tingħata l-istess impressjoni ta’ qabel: li l-Knisja hi insensittiva għad-drittijiet umani tal-minoranzi.

Għalxejn iħambaq il-Papa li l-Knisja għandha u trid tieqaf tagħti din l-impressjoni. Il-messaġġ ewlieni li qiegħed jiġi repetutament maħruġ u mogħti lill-poplu xorta waħda għandu mnejn qiegħed jidher li qed isaħħaħ din l-impressjoni. Għaldaqstant, qiegħed teħel il-Knisja kollha u saħansitra Alla l-Imbierek innifsu.

Oġġezzjonijiet

Il-gvern għandu mandat elettorali x’josserva, mandat approvat u magħżul minn maġġoranza kbira tal-poplu Malti. F’parti mill-manifest li jiddefenixxi dan il-mandat, jingħad hekk: “Indaħħlu d-dritt ta’ ‘Civil Union’ għal koppji tal-istess sess” (Parti 6, Artiklu 6). Il-kliem huwa ċar daqs il-kristall, u l-gvern qiegħed iwettqu.

Ovvjament, il-fatt li xi ħaġa hi inkluża f’manifest elettorali approvat u magħżul mill-maġġoranza tal-poplu ma jagħmilx dik il-ħaġa moralment tajba. Iżda għall-anqas kulħadd għandu jaqbel li l-gvern hu marbut mal-wegħdiet li għamel. F’dan il-każ, il-wegħda qiegħda tinżamm.

L-oġġezzjoni li l-gvern qiegħed jagħmel dan billi jġib fuq l-istess livell iż-żwieġ ċivili u l-unjonijiet ċivili bl-iskuża tal-ugwaljanza tista’ titqies illoġika. L-alternattiva tkun li jiddaħħal id-dritt tal-unjonijiet ċivili iżda mingħajr id-drittijiet kollha li jgawdu koppji miżżewġa biż-żwieġ ċivili. Hija din l-alternattiva li hi illoġika, għax tkun qiegħda tiċħad xi dritt jew ieħor lil xi ħadd sempliċiment għax għandu orjentazzjoni sesswali differenti minn ħaddieħor.

L-‘optimum’

Dan japplika wkoll għall-adozzjoni tat-tfal. F’dan il-każ, il-liġi Maltija qabel xejn tħares il-ġid u l-interess tat-tfal adottivi, u hekk għandu jkun. Dan tagħmlu fi kwalunkwe ċirkustanza, inkluż meta japplikaw biex jadottaw koppja ta’ raġel u mara, raġel waħdu, mara waħedha, jew ukoll koppja ta’ anzjani. Fil-każ tal-adozzjoni minn koppji tal-istess sess isir l-istess. Fi kwalunkwe ċirkustanza, l-interess u l-ġid tat-tfal adottivi se jitħares dejjem; x’inhu l-‘optimum’ għat-tfal adottivi se jibqa’ jgħodd bħal qabel.

Dan jgħodd għan-natura taż-żwieġ ukoll. L-introduzzjoni tad-dritt tal-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess ma tfissirx li ż-żwiġijiet bejn koppji ta’ sess divers (u familji bbażati fuq din il-għamla ta’ żwieġ) mhux se jibqa’ jitqies bħala l-‘optimum’ (jiġifieri l-aħjar). Dan għandhom mnejn jammettuh ukoll xi omosesswali. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li m’għandux ikun hemm il-leġislazzjoni tal-unjonijiet ċivili għal minoranza kwantitattiva fost il-poplu ta’ persuni tal-istess sess. L-‘optimum’ jibqa’ dejjem l-‘optimum’; iżda loġikament bejn l-‘optimum’ u l-‘peius’ (l-agħar) hemm skala (inkella ma jkun ‘optimum’ xejn).

Il-bosta esponenti tal-Knisja Kattolika jistgħu dan kollu ma jaċċettawhx; jew jaċċettawh bi kwalifiki. Mitt darba u elf; u dan għandhom dritt jagħmluh. Iżda sadattant jistgħu qegħdin jagħtu l-impressjoni li l-Knisja qiegħda ma taċċettahx għax għandha xi ħaġa kontra, jekk mhux kontra l-omosesswali fihom infushom, għall-anqas kontra l-kisba tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom. Effettivament din tista’ tkun impressjoni ħażina kemm trid, iżda xorta waħda tibqa’ impressjoni, u waħda ta’ ħsara għall-Knisja nnifisha u għall-messaġġ ġenerali tagħha.

Gvern ta’ kulħadd

Il-Knisja għandha l-forma taż-żwieġ tagħha; u loġikament tqisha bħala l-‘optimum’ f’kull ċirkustanza. Dan ħadd ma jista’ jiċħdu, u lanqas iċaħħdu. Iżda b’daqshekk ma jfissirx li, in kwantu leġislazzjoni nazzjonali, din il-forma għandha tkun tapplika għal kulħadd, jew li legalment m’għandux ikun hemm aċċess għal forom oħra ta’ żwieġ.

Il-Kattoliċi huma dejjem fid-dmir, meta jistgħu, li jagħżlu l-għamla ta’ żwieġ li tipproponilhom il-Knisja tagħhom. Dan id-dritt ħadd ma qiegħed jew għandu jiċħdu. Iżda, bl-istess mod, hu loġiku li tħalli lil ħaddieħor li, jemmen jew ma jemminx, jagħżel il-forma ta’ żwieġ, unjoni jew familja li jidhirlu li hu l-aħjar għalih. L-istat huwa fid-dmir li jilleġisla għall-possibbiltà ta’ għażliet bħal dawn u oħrajn.

Aħna l-Kattoliċi nemmnu li ż-żwieġ għandu jkun biss bejn raġel u mara sal-mewt. Dan it-twemmin b’ebda mod ma jwassalna biex niċħdu d-dritt li n-nies jiżżewweġ f’xi forma oħra. Il-gvern ma jeżistix biss għall-Kattoliċi; jeżisti għal kulħadd.



2 comments:

  1. written by someone who is 100% sane

    ReplyDelete
  2. Mhux kwistjoni ta' opinjoni fuq l-artiklu ghaliex min hu fundamentalist jghid mod u min hu modern modiehor.
    Aktar li spiccajna bil-knisja lokali terga tizola ruha mill-Vatikan fejn hemm Papa aktar mohhu miftuh waqt li hawn Malta ergajna sejrin lejn iz-zmien meta certu sessjoni tal-knisja kienet tahseb li hija l-kelma t'Alla.

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever