Tifkira tat-tħaġġir ta’ Dimech

Nhar il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru, 2013, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jikxef plakka kommemorattiva biex tibqa’ tfakkar it-tħaġġir ta’ Manwel Dimech f’Ħal Qormi fl-1912. L-attività qiegħed tiġi organizzata mis-Sensiela Kotba Soċjali f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi. Din it-tifkira se ssir fi Triq il-Kbira, Qormi (ħdejn il-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ). Tibda fil-11.30 ta’ filgħodu, u għaliha kulħadd hu mistieden.

L-istorja tat-tħaġġir

Mitt sena ilu, waqt li kien skomunikat mill-Knisja Kattolika, Dimech għamel sejħa biex ilaqqa’ n-nies ġewwa sala fi Triq Santa Katarina, Ħal Qormi. Minn jiem qabel il-laqgħa, il-Kurja tal-Isqof għafset lill-pulizija sabiex irażżnuh milli jagħmel il-laqgħa. Iżda dan ma setgħux jagħmluh. Għalhekk, minflok, daħlu biex jisfrattaw il-laqgħa l-Kappillan ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u xi qassisin oħrajn. Għal jiem sħaħ, huma wissew lin-nies minn fuq il-pulptu fuq ix-xitan li kien ġej fosthom.


Meta wasal jum il-laqgħa, jiġifieri l-Ħadd, 21 ta’ Jannar tal-1912, Dimech u ħamsa minn sħabu marru Ħal Qormi aktar minn tliet sigħat qabel il-bidu tal-laqgħa, li kellha tibda fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar. Malli l-Kappillan ġie mgħarraf b’Dimech u sħabu, fis qabbad xi tfal minn fuq iz-zuntier biex imorru jitgħulu l-ġebel. Dawn hekk għamlu u ferewh.

Għal dak il-waqt, il-biċċa waqfet hemmhekk. Dimech mar għamel ċertifikat ta’ malajr għand tabib, u wieħed minn sħabu ħa ċ-ċertifikat u mar jagħmel rapport l-għassa. Imma l-biċċa kompliet tikber. Għax mill-anqas tliet qassisin bdew ixewxu lin-nies b’qawwiethom kollha biex ikeċċu lil Dimech u ’l sħabu mir-raħal.

L-Avviż li ħareġ Dimech biex isejjaħ lin-nies għal-laqgħa f'Ħal Qormi
Kważi qatluh

In-nies kienu f’paniku, imwerwrin u mgħaddba. Għaldaqstant, huma wkoll qabdu l-ġebel mit-triq u bdew iħaġġru lil Dimech bla ħniena. Min-naħa tiegħu, Dimech beda jimtela kollu demm. Huwa pprova jħabbat xi bieb biex jidħol jistkenn, iżda ħadd ma fetaħlu. Imbagħad għolla l-għonq tal-glekk u sa fetaħ umbrella li kellu. Iżda b’dan in-nies aktar qlielet.

Sadattant, Dimech u sħabu bdew jiġru għal tul Triq il-Kbira fid-direzzjoni ta’ Triq Blata biex jagħtuha għall-wied u jaħarbu. Iżda x-xita ta’ ġebel meddet lil Dimech fl-art u beda jitlob għal saċerdot qabel ma joqtluh. Waqt li n-nies żdiedet u l-ġebel ma waqafx, sħab Dimech qabduh u ġrew bih minn ġol-wied għal ħdejn il-mitħna biex jaqbdu t-tramm għall-Ħamrun.

Qrib il-mitħna, wieħed raġel stonkuż daħħal lil Dimech f’daru u hebb għan-nies. Għalkemm Dimech stejqer xi ftit għandu, meta ħareġ reġa’ sab in-nies jiġru warajh bil-ġebel. Hu u sħabu ħadu t-tramm, iżda l-inkwiet tagħhom ma kienx għadu ntemm.

Ktieb ġdid

Kif waslu fil-pjazza ta’ Fra Diegu, hemmhekk sabu lill-Kappillan tal-Ħamrun bi ġgajta nies li, malli lemħu lil Dimech u ’l sħabu, bdew jinsultawhom u jgħajjruhom kemm jifilħu. Mifni kif kien, Dimech fittex li jaqbad triqtu għal Tas-Sliema, fejn kien joqgħod, u żgiċċa mill-qilla tan-nies. Għalkemm wara l-pulizija kienu akkużaw għaxar irġiel, mara u erba’ qassisin, ħadd minnhom ma kien instab ħati.

Fit-tifkira ta’ din il-ġrajja kerha, is-Sensiela Kotba Soċjali se jvaraw ktieb ġdid dwar Dimech editjat Manwel Dimech: ilbieraħ – illum – għada. Il-ktieb iġib għaxar studji dwar Dimech miktubin minn professjonisti fl-oqsma rispettivi tagħhom. Il-ktieb se jibda jinbiegħ Ħal Qormi nhar il-Ħadd għal €10 biss.
minn Mark Montebello bl-isem

Dan il-ktieb hu speċjali għaliex, lil hinn minn kull tagħrif biografiku li għandna s’issa, jistudjaw lil Dimech minn aspetti differenti tal-personalità, il-filosofija u l-ħidma tiegħu. S’issa qatt ma ħareġ ktieb bħal dan. L-istudji li fih huma interessanti ħafna għax jikxfu xejriet minn ħajtu u ħidmietu li qatt ma konna rajnihom qabel.

Jien minn hawnhekk nistiednek għal-laqgħa mal-Prim Ministru f’Ħal Qormi nhar il-Ħadd, kif ukoll biex tikseb dan il-ktieb sabiħ.





Comments

  1. Kemm batejna,jien niftakar ta dnub il mejjet,kemm nies keciejt il knisja f'Malta,jien ma nobott lil hadd pero ma nistax ninsa din il kefriha kelli batti s-safar fit-tfuliti mal familja ghax kont iben il-haddiem.Qalb maqsuma ghandi meta niftakar b'nies li jinqdew b'Alla limbirek biex ixeklu lil haddiem,jien ghalija Kristu w l'akbar socjalista fl-Univers.Hemm postna.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?