Ħajr lil Aleks

Din hi l-aħħar ħarġa li Aleks Farrugia qiegħed jieħu ħsieb bħala editur ta’ din il-gazzetta. Minn hawnhekk nixtieq nistieden lilek tissieħeb miegħi sabiex insellmulu u nirringrazzjawh tas-servizz li ta f’dan l-uffiċċju.

Bidla editorjali

Forsi għalik li jinbidel l-editur mhijiex xi ħaġa kbira wisq. It-Torċa ilha toħroġ bl-Ingliż sa mill-1944 u bil-Malti sa mill-1959, ... u se tibqa’ toħroġ. Miet papa u jagħmlu ieħor, jgħidu; u hekk hu tassew. Għalija, waħda mill-espressjonijiet l-aktar għal qalbi hija din: ‘Mingħajr serduk jisbaħ’. Għax, fil-fatt, għall-grazzja t’Alla, ħadd ma hu indispensabbli; jien l-ewwel wieħed.

Jien ili nikteb regolarment fit-Torċa sa mill-1993. Ħdimt taħt żewġ edituri: Alfred Briffa u Aleks Farrugia. Għal kittieba bħali li joffru dan is-servizz, min ikun editur mhijiex ħaġa ta’ bla importanza. Miegħu jew magħha trid toħloq relazzjoni tajba ta’ xogħol li jgħin il-proċess tal-kitba. Tul dawn is-snin, kemm Alfred u kemm Aleks, aktar ħadu paċenzja bija milli jien bihom. Għax daqqa bgħatt il-kitba tiegħi tard, u mhux l-ewwel darba li aljenajt rasi għal kollox u nsejt nibgħatha!

L-editur jagħmel differenza kbira fl-istil tal-gazzetta. Kull min ikun f’dan l-uffiċċju importanti jagħmel l-aħjar li jista’ biex jagħti dik il-laqta tiegħu, u Alfred u Aleks ma kienux eċċezzjoni f’dan. Naħseb li t-tnejn, bil-mod tagħhom, irnexxielhom li jagħmlu biċċa xogħol tajba mir-responsabbiltà li kellhom.

Il-marka tiegħu

Lil Aleks ili nafu ħafna, minn qabel ma sar editur tat-Torċa. Fost ħwejjeġ oħra, mhux biss naqsam miegħu interess ġurnalistiku, imma wkoll interess filosofiku. Għax Aleks huwa mħarreġ professjonalment fil-Filosofija, u f’dawn l-aħħar snin kellna wkoll l-opportunità li nkunu kollegi fit-tagħlim tal-Filosofija lill-adulti. Kellna wkoll ix-xorti li nikkollaboraw flimkien fit-twaqqif u l-ewwel tmexxija ta’ fondazzjoni ġdid li waqqafna flimkien ma’ oħrajn (jisimha Philosophy Sharing Foundation li tiffoka fuq l-attività filosofika f’Malta.

Aleks ilu editur tat-Torċa sa mill-2007. F’dan iż-żmien, ta lil din il-gazzetta xejra mill-aktar interessanti u ta’ kwalità. Mhux biss id-dehra artistika tagħha tjiebet, iżda l-kontenut ukoll. Aleks kien kapaċi li joffri prodott, mhux biss informattiv, imma wkoll formattiv. Dan kien jaqbel mal-karattru edukattiv tiegħu u, fuq kollox, mal-attitudni ‘filosofika’ tiegħu li jisma’ lil ħaddieħor u jiddjaloga. F’dan is-sens, naħseb li ma nkunx sejjer wisq żbaljat jekk ngħid li, taħt it-treġija editorjali tiegħu, f’dawn is-snin it-Torċa kienet waħda mill-aħjar gazzetti bil-Malti li kellna kull nhar ta’ Ħadd.

Ma setax jonqos li, matul is-sitt snin li għamel bħala editur, Aleks kellu d-diffikultajiet u n-nuqqasijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Mhux dejjem ikkuntenta lil kulħadd, u xi kultant xi żelqa jew tnejn kien hemm ukoll. Dan m’għandux jistagħġibna. Ix-xogħol ta’ editur―speċjalment ta’ gazzetta bħalma hi t-Torċa―mhuwiex faċli u jirrikjeda ħafna diplomazija u ħafna deċiżjonijiet delikati li xi kultant ikunu odjużi għal xi wħud.

Gratitudni

Minkejja dan, ma jidhirlix li Aleks ma jistħoqqlux il-gratitudni tiegħi jew ta’ xi ħadd. Minn hawnhekk, forsi f’ismek ukoll, nixtieq nurih din il-gratitutni u l-apprezzament tal-ħidma u d-dedikazzjoni li ta.

Issa li se jkompli f’ħidmiet oħra, jidhirli li l-potenzjal tiegħu, speċjalment dak intellettwali li għandu, jista’ jqiegħdu għas-servizz ta’ oqsma oħra. Ma hu ħażin għal ħadd li bniedem jibdel il-binari u jfittex avventuri oħra. Waħda mit-tamiet tiegħi hi li Aleks ikompli jfittex li jkabbar il-kontribut tiegħu fil-qasam tal-Filosofija. Dan żgur li jkun ta’ ġid għal kulħadd.

Grazzi, Aleks!



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?