Għawdex u lil hawn minnu

Ix-xogħol li sar f’Għawdex minn amministrazzjonijiet governattivi imgħoddija fis-snin li għaddew u x-xogħol li qiegħed isir mill-amministrazzjoni governattiva kurrenti donnu dejjem jitlaq mill-premessa li l-gżira Għawdxija għandha dejjem tibqa’ tiddependi minn Malta. Jidhirli li ma jistax isir progress u żvilupp xieraq biżżejjed jekk ma jerġax jibda jitħaddem il-kunċett li kien jeżisti fl-imgħoddi―saħansitra qabel ma kien hemm xi Ministeru għal Għawdex―li l-gżira tkun awto-suffiċjenti.

Xogħol u saħħa

Qabel xejn, dan ifisser li jinħoloq xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess. Ma ninsewx li din hi waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Programm Elettorali tal-gvern attwali għal Għawdex. Imma s’issa ma jidhirlix li smajt wisq fuq dan. Kulħadd jaf li għosfru l-biċċa l-kbira tal-fabbriki li kien jħaddmu lill-Għawdxin fl-imgħoddi. Li jerġa’ jkun hemm f’Għawdex possibbiltajiet simili jidher li għandha tkun prijorità ewlenija.

Naturalment, il-lista ta’ ħtiġijiet ma tiqafx hawn. Ngħidu aħna, l-awto-suffiċjenza fir-rigward tas-saħħa hija urġenti daqs dik tax-xogħol. Il-limitazzjonijiet konsiderevoli li għandu l-isptar ta’ Għawdex, imma wkoll in-nuqqas ta’ servizzi oħra ta’ saħħa f’Għawdex stess―mhux anqas dawk soċjali―, qegħdin joqorsu lill-Għawdxin fil-laħam il-ħaj.

Li bosta Għawdxin iridu prattikament ‘jemigraw’ Malta, xi kultant bl-involviment ta’ membri oħra tal-familja, minħabba kura serja medika m’għandhiex tkun aċċettabbli. Imma anki fejn dan mhuwiex il-każ, il-fatt li servizzi soċjali, psikjatriċi u l-bqija huma serjament nieqsa f’Għawdex stess, qiegħed joħloq tbatija mhux meħtieġa fuq l-individwi daqskemm stress qawwi fuq il-familja (inkluż ekonomikament).

Il-fliegu

Dan ma jorbotx biss mas-servizz ta’ transport bejn Għawdex u Malta. Il-wegħdiet elettorali li dan is-servizz ikun aktar konvenjenti―kemm bil-baħar u kemm bl-ajru―jolqot biċċa biss mill-problema. Anzi, wisq nibża’ li, xi kultant, dawk li jinsistu fuq dan l-aspett biss jinjoraw il-ħtieġa akbar tal-awto-suffiċjenza Għawdxija. ‘

Jekk xejn, it-titjib tat-transport bejn iż-żewġ gżejjer, kif ukoll il-ħolqien ta’ mollijiet xierqa għal vapuri kbar turistiċi (wegħda oħra elettorali), bla dubju jħalli mpatt tajjeb fuq l-ekonomija lokali Għawdxija. Dan huwa tajjeb, ħa niftiehmu, imma mhux biex isir sforz anqas biex jitjiebu s-servizzi f’Għawdex stess. Aktar konvenjenza u effiċjenza f’dan it-transport m’għandux jintuża bħala skuża għal nuqqas ta’ investiment f’Għawdex innifsu.

Jidhirli jien li l-isforz ewlieni għandu jibqa’ dejjem li l-Għawdxin jaqilgħu ħobżhom u jkunu moqdija f’Għawdex stess. Ħafna li qabel, anki għal raġunijiet politiċi, kellhom bilfors ifittxu x-xogħol f’Malta m’għandhomx jibqgħu fl-istess saram illum ukoll. Jekk Malta hi ‘tagħna lkoll’, għall-Għawdxin Għawdex mhuwiex anqas.

Edukazzjoni

Mas-servizzi ta’ xogħol u ta’ saħħa, ma rridx inħalli barra s-servizzi edukattivi. Għal bosta studenti Għawdxin, speċjalment ta’ livell terzjarju, dawn m’huma xejn anqas minn pjaga sħiħa, kemm għalihom u kemm għall-familji tagħhom. Jidhirli jien li għandu jkun hemm sforz governattiv ferm akbar biex studenti bħal dawn ikollhom ħajjithom eħfef.

Iżda mhux biss. Il-biċċa l-kbira tas-servizzi li jingħataw Malta fl-edukazzjoni tal-adulti mhumiex aċċessibbli Għawdex. Sa fejn naf jien, ebda inċentivi governattivi ma jingħataw lil min joffri dawn is-servizzi f’Malta biex joffrihom ukoll Għawdex.

Bla dubju, l-insularità u ċ-ċokon ta’ Għawdex dejjem se jibqgħu problema. Iżda mhijiex parti mill-ħila tagħna lkoll li nibdlu l-iżvantaġġi f’vantaġġi? L-amministraturi jridu jibqgħu iffukati sew fuq liema huma l-prijoritajiet fil-lista ta’ ħtiġjiet, u ’l min kien ilu ħafna snin isofri riħ mill-pruwa jfittxu li jġibuhulu mill-poppa.


Comments

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?