Il-Filosofija f’Malta

Il-ġimgħa li għaddiet, sħabi u jien nedejna sit ġdid elettroniku dwar il-filosofija f’Malta: www.philosophysharing.org. Is-sit huwa dak uffiċjali tal-fondazzjoni Philosophy Sharing, li waqqafna fl-2012. It-tnedija tas-sit huwa parti minn sforz kollettiv li qiegħed isir sabiex ikollna f’Malta għaqda li tistħarreġ b’mod serju u dixxiplinat dak li qed jiġri madwarna.

Miri soċjali

Il-fondazzjoni hija ġdida wisq sabiex tiftaħar li waslet f’xi quċċata ta’ servizzi li tista’ toffri. Qatt qabel ma kienet teżisti għaqda bħal din f’pajjiżna, u d-diffikultajiet sabiex tiġi fuq saqajha sew ma jonqsux u mhumiex ħfief. Il-bidu sar. Iżda l-bidu hu ’l bogħod ħafna mit-tmiem.

L-iskop tal-fondazzjoni jiġi mit-twemmin ta’ sħabi u tiegħi li l-filosofija tista’ tkun relevanti għas-soċjetà daqskemm siewja għall-persuni. It-taħriġ dixxiplinat tal-ħsieb huwa essenzjali u mingħajru ma jistax ikun hemm filosofija. Iżda jiena nemmen li dan waħdu mhuwiex biżżejjed. Il-filosofija mhijiex sempliċiment xi att ta’ awto-gratifikazzjoni. L-eżerċizzju tagħha tħaddan ukoll aspett soċjali u politiku. Il-filosofija hija servizz lill-bniedem; teżisti sabiex ittejjeb il-qagħda tal-bnedmin fid-dinja.

Għadaqstant, imnebbħa minn din il-missjoni, il-fondazzjoni ma tridx biss li n-nies jitħarrġu jaħsbu b’mod dixxiplinat, kemm individwalment u kemm kollettivament, iżda wkoll li jfittxu li jkunu relevanti għas-soċjetà. Jien nemmen li ma jistax ikun hemm maturità filosofika awtentika mingħajr żvilupp korrispondenti fl-għarfien tas-sussidjarjetà u tar-responsabbiltà lejn ħaddieħor, speċjalment lejn min qiegħed ibati. Il-filosofija, bħal kull xjenza oħra, hi għall-qadi tal-bniedem. Bħal kull spiritwalità awtentika, ma jistax ikollha dimensjoni ‘vertikali’ (jiġifieri l-aspett intellettwali, affettiv u psikoloġiku) mingħajr id-dimensjoni ekwivalenti ‘orizzontali’ (jiġifieri l-aspett soċjali u politiku).

Id-diffikultà tas-sħubija

L-akbar diffikultà li jidhirli li għaqda bħalma hi Philosophy Sharing tiltaqa’ magħha hija waħda ta’ mentalità. Ħafna min-nies li jaħdmu fil-qasam tal-filosofija (bħalma f’oqsma oħra wkoll) issibhom jagħmlu ħafna xogħol, u xogħol siewi. Iżda bosta drabi ssib li dawn jaħdmu weħidhom; mingħajr ma jagħmlu l-istess attività, jew għall-anqas xi ftit minnha, fi sħubija ma’ ħaddieħor. Xi kultant jonqsu l-opportunitajiet biex dan isir; iżda xi kultant, meta dawn ma jonqsux, xorta waħda ssir li hu diffiċli ħafna li ġġib in-nies jaħdmu bħala tim.

Is-sħubija ma’ xulxin ma xxejjinx ix-xogħol individwali. Jekk xejn, is-sħubija tgħin sabiex l-ideat jiġu maqsuma bejn in-nies u hekk ix-xogħol individwali stess ikun jista’ jitjieb. Iżda li naħdmu flimkien fi sħubija waħda hija ħafna aktar diffiċli milli wieħed jaħseb. Xi nies mhux biss jarawha żejda li jżidu fil-laqgħat, imma wkoll donnhom jarawha bi tqila li ‘jinħlew’ ma’ ħaddieħor, sakemm dan ma jkunx assolutament inevitabbli.

Din hija ħasra f’kull qasam. Għax in-nuqqas tas-sħubija, mhux biss tfaqqar lill-individwi, imma wkoll iċċaħħad lil dawk li jridu jitgħallmu milli jiltaqgħu ma’ ideat ġodda u sfidużi.

Żjara ta’ kortesija

Is-sit il-ġdid www.philosophysharing.org għandu żewġ skopijiet ewlenin. Wieħed hu li jagħti tagħrif dwar l-attivitajiet tal-fondazzjoni u jistieden lill-pubbliku interessat sabiex jieħu sehem fihom. It-tieni, forsi l-aktar importanti, hu li joffri ‘portal’ aġġornat tal-attività filosofika f’Malta. F’kull każ, il-ħsieb ewlieni huwa dak tal-qsim tal-ideat u d-djalogu.

Jekk tinteressak l-attività filosofika fil-gżejjer Maltin, jien minn hawnhekk nieħu l-okkażjoni sabiex nistiednek iżżur is-sit elettroniku l-ġdid tal-fondazzjoni u tibbukkjah (Ctrl+d). Jista’ jkun li, jekk mhux illum, xi darba fil-ġejjieni ssib li jkun jinteressak.

Ta’ dan nirringrazzjak.


Comments

Popular posts from this blog

Annimali domestikati u nies oħra (6)

Il-GB tibqa’ ġewwa

Humiliating and shameful