Sena ma’ Vassalli

F’din is-sena l-ġdida, eżattament l-Erbgħa, 5 ta’ Marzu, jaħbat il-250 sena mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli. Hija sena importanti għat-tiġdid ta’ pajjiżna u, partikularment, tal-Kostituzzjoni tagħha. Għaldaqstant, dan l-anniversarju jista’ joffri opportunità xierqa sabiex nikbru fl-ideali li ħadem għalihom Vassalli u nfittxu li nwettqu l-ħolma li mlietlu qalbu.

L-egħref fost il-Maltin

Mikiel Anton Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Marzu tal-1764, 250 sena ilu. Beda l-istudji tiegħu privatament, imbagħad (billi l-familji riditu jsir qassis) studja s-Seminarju. Wara ntbagħat Ruma biex ikompli l-istudji hemmhekk. Minħabba li kien fassal f’rasu li jsir missjunarju, studja l-ilsna, fosthom dawk semitiċi. F’Ruma Vassalli ltaqa’ mal-ħsieb Illuminista (ta’ qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża) u malajr tarlu l-ħsieb li jsir qassis. Minflok, intafa’ fuq l-istudju tal-ilsna b’qawwa akbar, speċjalment tal-ilsien Malti.

Lura Malta, Vassalli ssokta fl-istudju professjonali tal-ilsien Malti. Iżda t-teoriji tiegħu ma kinux lingwistiċi. Huwa rabat dan mal-filosofija Illuminista u mal-ideali soċjali u politiċi li din il-filosofija xandret. Iżda t-tmexxija tal-Kavallieri f’Malta ma riditx tisma’ bil-filosofija li Vassalli kabbar f’qalbu. Għalhekk issieħeb ma’ oħrajn biex jagħmel rivolta kontra t-tmexxija tal-Gran Mastru.

Dan il-kolp ta’ stat falla u Vassalli ġie mitfugħ il-ħabs. Minn hawn ħarab u telaq Franza. Reġa’ lura Malta ma’ Napuljun, li kien iqis lil Vassalli bħala wieħed mill-egħref Maltin.

Kitbiet monumentali

Xi wħud jgħidu li Napuljun kellu fi ħsiebu li jwaqqaf ir-Repubblika ta’ Malta b’Vassalli bħala l-ewwel President. Jekk inhu hekk, dan ma seħħ qatt. Minflok, Vassalli spiċċa mblokkat mal-Franċiżi l-Belt, imbagħad, meta ħareġ, il-Britanniċi tefgħuh il-ħabs, imbagħad eżiljawh. Ma kienx qabel għoxrin sena wara li reġa’ lura Malta.

Sadanittant, l-amministrazzjoni Britannika kienet stabbilixxiet ruħha sew f’Malta u Vassalli ġie apprezzat għall-moħħ brillanti li kellu u għall-għerf tiegħu. Ma damx ma ġie maħtur l-ewwel Professur tal-Ilsna Semitiċi fl-Università ta’ Malta. Meta ftit wara din is-sede tneħħiet, Vassalli spiċċa f’faqar kbir. Għalkemm għex kif seta’, l-imħabba għall-ilsien Malti u l-ħerqa filosofika tiegħu dejjem baqgħu inebbħuh biex jeħber ħolm kbir għan-nazzjon Malti.

Minħabba li xi wħud kienu jsostnu li Vassalli kien qaleb għall-Protestantiżmu (li ma kienx minnu), xi Kattoliċi ħaqruh bl-aħrax. Meta miet, l-awtoritajiet tal-Knisja lanqas difna ma riedu jagħtuh. Għaldaqstant, indifen f’ċimiterju Protestant. L-aqwa monument ta’ Vassalli jibqgħu l-kitbiet għorrief li ħallielna.

250 sena anniversarju

L-anniversarju tal-250 mit-twelid ta’ Vassalli fi ftit xhur oħra jrid iġedded l-impenn tiegħu u tagħna għal soċjetà ġusta. Din is-sena li qiegħda tibda għandha tara t-tlaqqigħ tal-Konvenzjoni għar-Reviżjoni tal-Kostituzzjoni. X’mument aktar xieraq hu dan sabiex l-ideali li għalihom għex u ħadem Vassalli u oħrajn isibu ruħhom imniżżla fl-ogħla strument legali ta’ pajjiżna?

Illum, tabilħaqq, ma nistgħux ngħidu li ħafna mill-ideali ta’ Vassalli mhux diġà jinsabu parti minn ħajjitna. Vassalli huwa aktarx il-bidu ta’ proċess twil u iebes biex inħolqot is-soċjetà ċivili li qed ingawdu lkoll. Vassalli kien il-bidu u warajh ġew xi ftit oħrajn, mhux ħafna, li ssoktaw jibnu din is-soċjetà ta’ libertajiet u rispett tal-individwi.

Dan aħna lkoll ngħożżuh u niċċelebrawh. Hu għalhekk li l-anniversarju tal-250 sena mit-twelid ta’ bniedem kbir bħal Vassalli m’għandux jgħaddi mingħajr ma nagħtuh il-ġieħ li jistħoqqlu. Dan nagħmluh biex niċċelebraw dak li sirna u dak li aħna. Nagħmluh biex niċċelebraw dak li nibqgħu noħolmu bih u li rridu li jseħħ.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?