Abel għosfor mill-Ukrajna

Elf mil ’l bogħod minna lejn il-grigal, lil hinn mill-Baħar l-Iswed, pajjiż Ewropew darbtejn akbar mill-Italja, b’popolazzjoni ta’ 45 miljun ruħ, jinsab bejn in-nar u l-ilma; ma jafx għandux idendel kusu ma’ Kajin jew ... ma’ Kajin. Wara tliet xhur ta’ ġlied fit-toroq, l-aktar fil-belt kapitali (Kiev), il-pajjiż jinsab fuq l-għatba ta’ gwerra ċivili. Abel donnu għosfor.

Ġlied fit-toroq

Mar-Russja jew mal-Unjoni Ewropea (UE)? Din hi l-għażla li l-Ukrajna tidher li għandha quddiemha bħalissa. Ir-rabtiet qawwija storiċi tal-Ukrajna mar-Russja huma ċentinarji. Saħansitra 17% tal-popolazzjoni, l-aktar fil-lvant u n-nofsinhar tal-pajjiż, jitkellmu r-Russu, mhux l-Ukrajnjan, bħall-biċċa l-kbira tal-bqija tal-popolazzjoni. Il-Knisja Ortodossa Russa nnifisha twieledet, mhux ir-Russja, imma ġol-Ukrajna. Biċċa kbira tal-Ukrajnjani, kif ukoll ir-Russi, lanqas biss jistgħu jimmaġinaw Ukrajna mingħajr ir-Russja jew Russja mingħajr l-Ukrajna.

Iżda biċċa kbira oħra tal-Ukrajnjani, l-aktar fil-punent u t-tramuntana tal-pajjiż, mhux biss dan jistgħu jimmaġinawh, iżda jriduh b’saħħa. Għal dan lesti jibagħtu l-istorja tixxejjer ... u anki l-prudenza. F’nofs Novembru li għadda, wara protesti mill-istudenti, mal-mitejn elf ruħ ħarġu fit-toroq jipprotestaw kontra l-gvern tagħhom minħabba li, wara xhur ta’ negozjati, ċaħad li jiffirma ‘partnership’ mal-UE. Xahar wara, iffirma patt kbir ġdid mar-Russa.

Il-forzi armati tal-gvern ħarġu wkoll bi ħġarhom kontra l-istudenti u l-protestanti. Tliet ġimgħat ilu, il-gvern għadda għaxar liġijiet kontra l-protesti li bihom naqqas il-libertà tal-espressjoni u ċaħad id-dritt tal-laqgħat pubbliċi kbar. Imbagħad l-istorja għaqdet. Inqatlu n-nies miż-żewġ naħat, mijiet indarbu u mijiet oħra ġew arrestati. Il-protesti issa tferrxu mill-belt kapitali għal ħmistax-il belt kbira oħra madwar l-Ukrajna kollha.

Bejn Kajin u Kajin

Għalkemm il-gvern kellu jirriżenja ġimgħatejn ilu, u l-liġijiet ‘dittattorjali’ tiegħu rtirati, il-gvern attwali hu gwapp daqs ta’ qablu. L-arrestati għadhom miżmuma, il-protesti għadhom għaddejjin kullimkien, l-oppożizzjoni qiegħda tiqliel u l-famuża politika ta’ kontra l-gvern, Yulia Tymoshenko, għadha l-ħabs wara sentejn u nofs. Il-battalja għall-ġejjieni tal-Ukrajna għadha ma spiċċatx.

Ekonomikament, l-Ukrajna hija f’qagħda ta’ żvilupp b’rata medja ta’ tkabbir ta’ 3% fis-sena. Wara l-waqa’ tal-Unjoni Sovjetika, l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż eks-Sovjetiku kienet ħadet daqqa kbira li xeħtet il-biċċa l-kbira ta’ niesha fil-faqar. Illum, wara għoxrin sena, is-sitwazzjoni tidher xi ftit aħjar. Għalkemm għandha industrija żviluppata ħafna, kif ukoll riżorsi naturali biex tbigħ (ħadid, faħam, gas, żejt, melħ u l-bqija), l-ekonomija tal-Ukrajna hija ddominata u mmonopolizzata minn 23% biss tal-popolazzjoni. Prattikament, tiddependi mir-Russja għall-enerġija.

Kemm l-UE u kemm ir-Russja ma jridux jitilfu l-Ukrajna għall-interessi tagħhom infushom. Ovvja. Kemm il-waħda u kemm l-oħra jaraw fiha potenzjal ta’ gwadann finanzjarju kbir. Bl-iskuża tal-libertà u d-demokrazija tiżżeffen fin-nofs il-ħin kollu, iż-żewġ blokok iridu l-Ukrajna taħt l-influwenza tagħhom biex jerdgħuha kemm jistgħu. It-tnejn huma Kajin. Ebda wieħed minnhom ma’ hu Abel.

L-alternattiva ‘Abel’

Mingħajr ma bl-iċken mod nippreżumi li nifhem għal kollox is-sitwazzjoni tal-Ukrajna, nasal biex ngħid li l-alternattiva ta’ ‘Abel’ tkun li l-Ukrajna ma ddendel kusha ma’ ħadd, u la mar-Russja u lanqas mal-UE. Din hija storja antika li fl-2003 smajniha f’pajjiżna stess. Ir-Russja, naturalment, ma kinetx alternattiva għalina. Iżda li nħarsu u nżommu l-ħelsien tagħna iva.

Nafu kif kienet spiċċat dik l-istorja tagħna u llum qegħdin naħsdu l-frott tal-għażla li kienu għamlulna l-maġġoranza. Il-ħelsien tagħna dam biss 25 sena (1979–2004). L-imsejkna Ukrajna għandha għażla agħar milli kellna aħna, għax l-alternattiva ta’ ‘Abel’ ma jidhirx li qed jipproponiha ħadd. L-għażla tagħha tidher li hi biss bejn Kajin u Kajin.

Hu x’inhu, tkun ħasra li l-pajjiż jispiċċa f’xmara ta’ demm sa ma jasal biex jagħżel. Għall-anqas aħna demm xulxin ma xerridniex. Imma l-Ukrajna tista’ ma tkunx daqshekk iffurtunata. Bil-mod il-mod qed toqrob lejn gwerra ċivili li, għalkemm ma jridha ħadd, kulħadd qed jaħdem għaliha.

__________________________

Fix-xbieha t'hawn fuq, raġel (mhux magħruf) jidher idoqq il-pjanu quddiem stakkament ta' suldati ta' kontra l-irvellijiet. Jingħad li, fost biċċiet oħra, daqq bosta siltiet minn Chopin. Ir-ritratt ittieħed f'Kiev minn Anastasiia Bereza fit-8 ta' Diċembru tal-2013.


Comments

  1. Jekk tara pajjizi membri ta' l-UE bhar- Renju Unit u Franza wiehed jara li ir-relazzjonijiet tar Renju Unit ma' l-Istati Uniti baqaw sodi anki wara s-shubija ma' l-UE., filwaqt li Franza zammet ir-rabtiet taghha ma' l-ex-kolonji taghha. Is-sitwazzjoni ta' l-Ukranja nahseb li hija simili ma' dik tat-Turkija - pajjiz li ghalkemm ghandu aspirazzjonijiet ewropej l-istorja tieghu tigbdu lejn l-Asja u l-Lvant Nofsani. Ghalhekk ma nahsibx li dawn iz-zewg pajjizi kbar ghandhom jankraw totalment id-destin taghhom ma' l-Ewropa (UE), imma ikunu pont bejn l-UE u r-Russja ( fil-kaz ta' l-Ukranja) , u pont bejn l-Ewropa u l-Lvan Nofsani ( fil-kaz tat-Turkija).

    ReplyDelete
  2. Fit-teorija naqbel mieghek. Imma trid izzomm f'mohhok li l-Ukrajna la hi r-Renju Unit u lanqas Franza. Nahseb li l-ghazla li ghandha quddiemha hi drastika wisq. Il-punt tieghi kien li donnu mhemmx triq tan-nofs (xi ftit bhalma qed tissuggerixxi int).

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?