Il-proposta politika ta’ Ġesù

Ma jien ngħid xejn ġdid meta nsostni li Ġesù kellu fehma politika u li kien jesprimiha apertament kemm bil-kliem, kemm b’deċiżjonijiet fattwali u kemm bil-komportament tiegħu. Jidher ukoll li din il-fehma kienet informata u konsistenti.

Żewġ premessi

Ta’ liema xejra politika naħseb li kienet din il-fehma ngħid dalwaqt. Għalissa rrid nagħmel żewġ premessi kritiċi. Waħda, li għalik (bħall-bqija tal-biċċa l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin) huwa importanti l-mod kif tqis lil Ġesù, anki jekk tiġi taqa’ u tqum minnu. Għala? Għax, trid jew ma tridx, int ukoll ġejt xi ftit jew wisq imrobbi/ja f’ambjent predominantement reliġjuż Kattoliku u l-ħin kollu qed ikollok x’taqsam ma’ fasliet soċjali u istituzzjonijiet (kemm reliġjużi kif ukoll ċivili) li huma sinifikattivament immarkati mir-reliġjon nisranija Kattolika.

Trid jew ma tridx, kull azzjoni soċjali jew politika tiegħek (bħalma ta’ ħaddieħor f’Malta u Għawdex), kif ukoll kull proposta ideoloġika li titħajjar li tagħmel, trid għall-anqas tieħu kunsiderazzjoni tal-aspett reliġjuż Kattoliku. Nerġa’ ngħidlek, għalhekk, li hu importanti għalik il-mod kif tqis lil Ġesù u l-messaġġ tiegħu.

It-tieni premissa hi din: li int (bħall-bqija tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin, biex ma ngħidx kollha) tinsab ivvelenat/a mill-interpretazzjoni legalista u pro-setgħa li dejjem ħaddnet u ppromovat l-biċċa l-kbira tal-kleru Malti u Għawdxi. Għal sekli sħaħ sal-lum, il-kleru konservattiv u pprivileġġjat (flimkien mal-alleati tiegħu) ikkapparra u mmanipula l-messaġġ ta’ Ġesù biex jiżfen għaż-żifna tiegħu.

Okkupazzjoni mill-ġdid

Mhux biss sparixxa l-fehma u l-qawwa politika ta’ Ġesù (għax kienet skomda għall-interessi istituzzjonali u pro-setgħa tiegħu), iżda saħansitra biddel u dawwar il-messaġġ ta’ Ġesù f’wieħed innokwu, spiritwalistiku, moralista u effemminat. Għalhekk ngħidlek li int ivvelenat/a minn din l-interpretazzjoni u, għaldaqstant, tlift (għax tneħħietlek sistematikament) il-kapaċità li tqis lil Ġesù b’mod ieħor jew tagħraf ir-radikalità, l-isplussività u l-perikolożità tal-messaġġ tiegħu.

Jekk int trid teħles u tinħeles minn din l-interpretazzjoni qarrieqa u korruttiva, u tiddetossifa lilek innifsek mill-avvelinazzjoni tagħha, huwa meħtieġ li tokkupa mill-ġdid l-Evanġelji (biex ma ngħidx il-Bibbja kollha). Dan ifisser li terġa’ taqra mill-ġdid l-Evanġelji b’attitudni mentali u affettiva inkontaminata mill-kapparra u l-manipulazzjoni interpretattiva ta’ min seraqhomlok għalih innifsu u għall-interessi espansivi u esplojtattivi tiegħu mingħajr jedd.

Ifisser li terġa’ tikseb għalik innifsek (u forsi wkoll għal ħaddieħor) dak li ngħatalek u li minn dejjem kien tiegħek b’jedd: il-messaġġ politiku radikali, splussiv u perikoluż ta’ Ġesù.

Il-messaġġ

X’messaġġ hu dan? Il-messaġġ ta’ liberazzjoni u ħelsien politiku daqskemm spiritwali; il-messaġġ li ‘jniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli ċ-ċkejknin’ (Lq 1:53); il-messaġġ li ‘jimla’ b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja jibgħathom ’il barra b’xejn’ (Lq 1:54); il-messaġġ li ‘jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin [...] u jrodd il-ħelsien lill-maħqurin’ (Lq 4:18). Dan kien messaġġ li kkorrisponda perfettament mal-fehma politika ta’ Ġesù u nebbaħ minnu l-kliem, id-deċiżjonijiet u l-komportament kollu tiegħu; fehma li llum (b’mod wiesgħa) nsejħulha ‘xellugija’.

U biex ma nibqax daqshekk ‘wiesgħa’ fl-identifikazzjoni tagħha, inżid li din il-fehma ta’ Ġesù jiena nsejħilha ‘anarkista’. Anarkista mhux fis-sens banali li ħafna jifhmu b’din il-kelma u li bih jagħmlu parodija minn tali viżjoni (u li, għaldaqstant, magħha jorbtu l-vjolenza, it-terroriżmu u l-kaos li f’xi żmien xi Anarkisti wżaw bħala mezz għall-finijiet tagħhom); iżda anarkiżmu f’sens aktar fundamentali tal-kelma, jiġifieri bħala sistema politika ta’ fraternità, ugwaljanza u libertà (biex nuża’ tliet termini magħrufin mir-repertorju Illuminista).

“Fost il-pagani,” kien qal Ġesù, “il-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom m’għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt:20:26–8).

Skoperta ta’ għażla

Is-sistema politika li ħaddan u ppropaga Ġesù ma kienet tħaddan ebda ħjiel ta’ vjolenza (individwali, inter-personali, istituzzjonali, governattiva) u, għaldaqstant, lanqas ma kienet pro-setgħa (istituzzjonali). Il-viżjoni tiegħu la kienet legalista (li tqiegħed il-liġi jew l-ordinament formali qabel in-nies) u wisq anqas klerikali.

B’għażla tas-sistema politika Ebrajka pre-monarkika, Ġesù ppropona ordinazzjoni soċjali u politika li kienet umanistika (li tirrispetta totalment lil kull individwu), liberali (li tirrispetta totalment il-libertajiet ta’ kulħadd), ħolistika (li tirrispetta totalment il-ħlejjaq ħajjin kollha u l-ħolqien kollu) u anarkika (li ma taċċetta ebda awtorità assoluta jew totali għajr dik ta’ Alla).

Huwa biss billi tokkupa mill-ġdid l-Evanġelji li tista’ tiskopri, jekk trid, din il-proposta politika ta’ Ġesù.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fil-ħarġa ta' Jannar 2013 tar-revista 'Żminijietna'.


Comments

  1. Artiku sabih u nteressanti. Sincerament kif rajt l-istampa u t-titlu immaginajt li l-kontenut kien se jkun differenti minn dak li qrajt. Ghalkemm jien inhares lejn Kristu b`mod differenti minnek, u nsejjahlu bl-istess isem izda b`lingwa differenti (dan ghaliex jien minix sacerdot bhalek), xorta naqbel ma dak li ktibt inti.

    Nammirak ghall-kitbiet tieghek u ghall-mod rebelluz u revoluzzjonarju tieghek.

    ReplyDelete
  2. xi darba nixtieq tikteb artiklu fuq il knisja kattolika,u tghid jekk il fatt li din tippromwovi il qima ta statwi u xbiehat ohra,u li ghandha l kap taghha fid dinja li ghandu qima u sahha ta princep,filwaqt li tipprogetta ruhha bhala s socjeta li tirriffletti t tghalim ta Gesu'..Fl ahhar nixtieqek tghidli d differenza bejn il knisja kattolika u dik pagana,jekk hemm xi differenza...
    Tohodnix hazin...f kull haga ohra fid dinja,hemm it tajjeb u l hazin..u naf li hemm hafna membri fil knisja li jghamlu hafna gid ghal huthom bnedmin..imma naf ukoll li mhux dejjem il knisja nnifisha(meta nghid il knisja dejjem qed nirreferi ghall awtoritajiet),thalli lil dawn in nies jahdmu,specjalment meta dawn jaraw xi affarijiet hziena minn gewwa,u jitkellmu

    ReplyDelete
  3. Jiena nahseb li l-politika ta' Gesu' kienet li jaghmel revoluzzjoni fil-qalb u l-hsieb ta' kull bniedem. Id-differenza li nara jien bejnu u filosofi ohra hi l-bidla tieghu tibda mill-qiegh tas-socjeta' u titla' l-fuq bil-moghod il-moghod. Jista' jkun hawn ideologija demokratika iktar minn din ?

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?