Ilma u razziżmu f’Israel

L-Erbgħa li għadda, fil-parlament Israelit inqala’ l-inkwiet fuq l-ilma. Mhux minħabba l-kontijiet tal-konsum, imma fuq kemm l-Israeliti ‘jippermettu’ li l-Palestinjani jkollhom ilma għad-dispożizzjoni tagħhom. It-territorji okkupati tal-Palestinjani jiddependu kważi għal kollox mill-Israeliti u ċ-ċinturin jinsab issikkat sal-punt tas-soffokazzjoni.

Diskors ta’ Schulz

L-inkwiet bdieh il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, li, waqt żjara f’Israel u fit-Territorji Okkupati, indirizza l-parlament Israelit. Fost ħwejjeġ oħra, huwa sostna li, filwaqt li kull Israelit jista’ jikkonsma 70 kubu ta’ ilma kuljum, kull Palestinjan jista’ jikkonsma biss 17. Fid-daqqa u l-ħin, biċċa kbira mill-parlament Israelit qam fuq saqajh u beda jgħajjar kemm jiflaħ lil Schulz.

Kien hemm min għajjat li Schulz kien qed jibla’ li jisma’; oħrajn li kien qed jirrepeti l-gideb; oħrajn li kien qed jagħti widen lill-għedewwa ta’ Israel. Iżda forsi l-aktar kumment revelattiv ġie minn Naftali Bennett, il-Ministru tal-Ekonomija Israelit. Dan huwa wkoll il-kap tal-partit politiku lemini ‘Id-Dar Lhudija’, u l-kap tal-moviment extra-parlamentari ‘Israel Tiegħi’.

Fost kummenti li xandar fuq Facebook immedjatament wara d-diskors ta’ Schulz, Bennett kiteb hekk: “Ma naċċettax stejjer ta’ moraliżmi foloz kontra Israel fil-parlament tagħna. Ċertament mhux bil-Ġermaniż.” Bħallikieku kritika bil-Ġermaniż u kritika b’xi lsien ieħor jagħmel xi differenza. Ovvjament, ir-razziżmu ta’ Bennett mhuwiex riservat biss għall-Palestinjani u l-Għarab. Il-Ġermaniżi għandhom sehem minnu wkoll.

Il-ħolm Palestinjan

Waqt id-diskors ta’ Schulz, kemm Bennett kif ukoll il-membri l-oħrajn kollha ta’ ‘Id-Dar Lhudija’ (Bayit Yehudi) qamu u telqu ’l barra. Fil-kummenti fuq Facebook, Bennett ma żammx lilu nnifsu milli jinsisti li, għalkemm tħalla jindizza l-parlament Israelit, wara kollox Schulz huwa “ta’ oriġini Ġermaniża”.

U l-kwestjoni tal-ilma? Naturalment, skont l-Israeliti din mhijiex ħlief gidba; il-Palestinjani huma paxxuti daqs l-Israeliti kollha. Iżda mhux skont Schulz. Bil-kuraġġ, waqt id-diskors tiegħu fil-parlament Israelit, huwa qal li kien tkellem maż-żgħażagħ Palestinjani f’Ramallah (il-belt ewlenija tat-Territorji Okkupati). “Bħaż-żgħażagħ kollha tad-dinja,” qal, “ il-ħolma tagħhom hija li jitħarrġu, jistudjaw u jsiefru, li jsibu x-xogħol u li jibdew familja. Imma għandhom ħolma oħra wkoll,” kompla jgħid, “waħda li torbot ma’ dak li ż-żgħażagħ kollha jqisu bħala ovvju: iridu li jkunu jistgħu jgħixu ħielsa fil-pajjiż li hu tagħhom, mingħajr theddid ta’ vjolenza, mingħajr tnaqqis mil-libertà tagħhom ta’ moviment.”

Skont Bennett fuq Facebook, hu u sħabu ma stennewx kliem bħal dan li żgur ma jdoqqx għal widnejhom. Stennew, skont kif kiteb hu stess, li Schulz jikkritika lil Israel għall-politika tiegħu dwar il-fruntieri tal-1967. Stennew li se jagħmel sejħa għat-twaqqif tal-Istat Palestinjan. Dan, skont Bennett, kien ikun “okay”. Imma kliem fuq taħriġ, studju, safar u libertà ma kienx xieraq għall-parlament Israelit. Anzi, isejjaħlu “tal-mistħija”!

Il-mistħija ta’ kulħadd

Tal-mistħija għal min? Żgur mhux għal Schulz jew għal kulmin irid jara ’l-Palestinjani (bħal kulmin hu maħkum fid-dinja) ħieles minn taħt il-ħakma Israelita. Żgur mhux għal kulmin iqis id-dominazzjoni tirannika, il-vjolenza u r-razziżmu bħala xi ħaġa etikament u moralment ħżiena.

Huwa tal-mistħija għall-Israeliti u l-ħbieb internazzjonali tagħhom li jibqgħu jwebbsu rashom fit-terroriżmu tagħhom ġewwa t-Territorji Okkupati u f’Gaza. Nies bħal Bennett ma jaħmlux lill-Ġermaniżi għal dak li, b’għajb kbir, kienu għamlu lil-Lhud fit-Tieni Gwerra Dinjija; imma, oħroġ il-għaġeb, huma stess mhumiex qed jagħmlu wisq differenti mal-Palestinjani!

Id-dulur tal-Palestinjani huwa wisq agħar minn kemm ilma jitħallew ikollhom mingħand Israel għall-konsum tagħhom. Dan id-dulur mhuwiex tagħhom biss, imma tad-dinja kollha. Għax meta tfalli l-umanità tal-bniedem, tfalli mhux għalih biss, imma għal kulħadd.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?