X’jagħmlek ċittadin?

Il-kwestjoni taċ-ċittadinanza reġgħet tkarrkret għal ġimgħat oħra u ċ-ċirku tal-involviment tagħha twessa’ biex inkluda nies oħrajn, fosthom xi wħud minn Brussell. Issa donnu saflaħħar xegħel id-dawl aħdar għall-mogħdija tal-liġi u, ħaġa tal-għaġeb, kulmin kien favur u kulmin kien kontra issa jinsab kuntent. Il-kwestjoni taċ-ċittadinanza waslet biex torqot fuq ommha. Fi ftit ġimgħat oħra jinsiha kulħadd.

Identità tinbidel

Jien diġà kont ktibt u għedt li naqbel ma’ din il-liġi, u m’iniex se nerġa’ nidħol fil-mertu tagħha hawnhekk. Ridt biss li npoġġi subgħajja fuq aspetti oħra tal-kwestjoni hekk kif għadha sħuna. Mhux anqas fuq il-fatt dak li jagħmel lil xi ħadd ċittadin.

Xi wħud f’dan il-kuntest iżeffnu l-identità nazzjonali. Jien qatt ma fhimt eżattament xi tfisser din, ngħid is-sew, għax dan il-kunċett ta’ identità mhux biss jiżżeffen ħafna drabi f’diversi oqsma, iżda wkoll jiġġebbed u jidjiq skont il-konvenjenza. Jien dejjem żammejt li l-idea ta’ identità hi waħda maħduma u mżewqa, u m’għandhiex xi definizzjoni eżatta.

Naf li xi wħud iżommu l-kontra. Iġibu favur din id-difinizzjoni argumenti li, ħafna drabi, jekk mhumiex razzisti għal kollox, huma għall-anqas romantiċi u sentimentali. Jien ma naqbel ma ebda argument bħal dan. L-identità, imqar dik nazzjonali, tinbidel bħalma nbidlet fl-imgħoddi u se tibqa’ tinbidel fil-ġejjieni. Xi wħud dan ma jogħġobhomx. Imma naħseb li r-realtà mhemmx x’jogħġbok u ma jogħġbokx fiha. Hi kif inhi, u trid taċċettaha kif hi.

L-identifikazzjoni

Iżda forsi aspett ieħor aktar profond ta’ kwestjoni bħal din hija dak li jagħmel lil xi ħadd ċittadin. Din mhijiex kwestjoni biss legali. Bla dubju, hemm dan l-aspett ġuridiku li għandu t-toqol tiegħu. Iżda mhuwiex waħdu, u ma jistax jieqaf waħdu. Li tkun ċittadin hu xi ħaġa aktar minn hekk. Aktar minn kwestjoni ta’ identità, jidher li hu kwestjoni ta’ identifikazzjoni.

Meta xi ħadd jew xi ħaġa jidentifika lilu nnifsu jew lilha nnifisha ma’ xi ħaġa, dik l-identifikazzjoni tibda proċess ta’ identità li, maż-żmien, isir parti mill-personalità ta’ dak jew dik li tkun. Issa din l-identifikazzjoni hi artifiċjali u arbitrarja, u dan jibqa’ jgħodd għall-identità nnifisha.

Aħna lkoll nidentifikaw lilna nfusna ma’ affarijiet u nies differenti l-ħin kollu. Xi kultant din l-identifikazzjoni tkun qawwija ħafna u xi kultnat dgħajfa. Iżda f’kull każ hemm xi ftit jew wisq involut il-proċess tal-identità maħduma u artifiċjali tagħna. Aħna niddefinixxu lilna nfusna b’mod differenti ħafna u ħafna drabi matul ħajjitna, mhux biss minħabba varjanti ta’ età, iżda wkoll minħabba bdil ta’ ċirkustanzi u esperjenzi.

Il-lealtà

Jagħmilna ċittadini ta’ pajjiż speċifiku jew ta’ art speċifika mhuwiex it-titlu legali li nżommu, iżda hija l-identifikazzjoni li aħna nagħżlu li jkollna ma’ dak il-pajjiż jew art. Il-plejtu li xi wħud għamlu fuq il-liġi proposta taċ-ċittadinanza―minbarra l-aspett legali nvolut―kixef ċertu biża’. Mhux li ‘barranin’ jiksbu l-istess titlu ta’ ċittadin bħalhom, iżda aktar minħabba li dan il-fatt donnu ser inaqqas xi ħaġa lilhom. Fi kliem ieħor, jibżgħu li se jitilfu l-identità tagħhom.

L-identità tiegħek jew tiegħi, anki ta’ Maltin jew Għawdxin, ma tintilifx jekk ħaddieħor jagħżel li jidentifika lilu nnifsu jew lilha nnifisha ma’ artna jew pajjiżna. L-identità, li wara kollox qiegħda tinbidel il-ħin kollu, tintilef jekk kemm-il darba rridu aħna stess. Mhux b’mod ġenerali, għax din ftit għandna kontroll fuqha, iżda għal kull wieħed u waħda minna personalment.

Id-definizzjoni tiegħek innifsek ma tiddependix l-aktar fuq ħaddieħor, iżda fuqek innifsek. Int, wara kollox, tiddefinixxi lilek innifsek kif trid skont kif iċ-ċirkustanzi jippermettulek. M’għandu jkollok ebda biża’ minn dan. Dak li jagħmlek ċittadin hija, qabel kollox, il-lealtà lejn dak li tidentifika ruħek miegħu. Hu dan li hu mistenni minn kulħadd.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?