Bla serduq jisbaħ

Qatt smajtha din iċ-ċajta? ‘Is-serduq għala jagħlaq għajnejh meta jidden?’ Tweġiba: ‘Għax jafha bl-amment.’ Jafhiex bl-amment jew le ma nafx. Li naf hu li fih grazzja daqskemm jidden bil-qalb. Donnu jemmen li x-xemx l-għajjat tiegħu tkun qed tistenna biex titla’. Qatt innutajt kif jintefaħ biex jidden? Qisu kburi bil-ħsejjes li jagħmel u mimli bis-sehem (indispensabbli) tiegħu għall-bidu ta’ jum ġdid.

Għajjat imġerraħ

Ħafna nies mhumiex aħjar minnu. Għall-anqas donnhom huma wkoll jemmnu li mingħajrhom id-dinja se tieqaf iddur jew mingħajr it-tlablib tagħhom se naqgħu lkoll fil-muta. Iħobbu wisq jisimgħu leħenhom stess u qishom jaħsbu li, imut papa, mhux żgur insibu ieħor floku. Jagħmluha tal-umli (la x-xitan irid hekk), imma s-sodisfazzjoni li jieħdu mill-ħsejjes li jagħmlu tarah bħal miktub fuq kull pulzier ta’ wiċċhom.

Nies li jemmnu li dak li jgħidu u jagħmlu hu meħtieġ għandhom spiritwalità immatura. Moħħhom biex jgħinu lil ħaddieħor bla ma qatt jintebħu li kulma jridu hu biss li jgħinu lilhom infushom. Jaraw il-miskinità tagħhom infushom f’ħaddieħor, u jippruvaw―bla ma qatt jirnexxielhom―isibu rimedju tagħha. L-għajnuniet tagħhom huma biss bikjiet li ma jieqfu qatt iroddulhom id-dmugħ.

Il-ħniena ta’ nies bħal dawn hija ġerħa li ma tfiq qatt. Iħennu għal ħaddieħor għax jitħassru lilhom infushom bla ma qatt jammettu. Iridu jagħmlu l-ġid għax ma jafux kif jagħmluh magħhom infushom. Igiddbu l-ġerħa tagħhom, u anki jostruha, billi jfittxu l-ġerħiet ta’ ħaddieħor u jippruvaw ifejquhom. Il-ħniena tagħhom hi marida u l-ispiritwalità tagħhom fqira.

Kumpless ta’ salvazzjoni

Xi wħud jaħsbu li huma s-salvaturi ta’ xi ħadd. Meta tħares madwarek, l-aktar lejn dawk in-nies li daħħluha f’moħħhom li jagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor, għajr ‘kumpless ta’ salvazzjoni’ ma tilmaħx. Min twebbel li jsalva ’l dawn u min twebbel li jsalva ’l-oħrajn; min twebbel li jsalva din u min twebbel li jsalva l-oħra. Donnhom mingħalihom li qed iġibu l-fidwa; u mingħajrhom fidwa ma hemmx. Bħallikieku jum il-fidwa lilhom kien qed jistenna.

Min ibati bil-‘kumpless tas-salvazzjoni’ jixxennaq biss għas-salvazzjoni tiegħu nnifsu. Irid isalva lilu nnifsu; imma ma jafx kif. Irid jilgħabha ta’ salvatur; imma ma jistax isalva. Għalhekk jitwebbel b’ħaddieħor. Isalva kemm isalva, hu stess ma jsalvax. Anzi, aktar ma jsalva, aktar il-fidwa tiegħu nnifsu titbiegħed il-bogħod.

Sabiħa s-salvazzjoni għal min iġarrabha. Iżda ma tiġix billi titwebbel li ssalva ’l ħaddieħor. Tajjeb li wieħed isib ħniena u għajnuna. Iżda għal min jagħmilhom ma jiswewlu xejn jekk inixxulu bħal demm minn qalb imġerrħa. L-uġiegħ tiegħu aktar jiħraxlu.

Xi darba t-tmiem

Jalla titkattar il-ħniena u jalla jitkattar il-ġid. Iżda jalla jitkattru wkoll in-nies illi jagħarfu li d-dmugħ li jibku minn ġewwa ma jistgħux jixxuttawh bid-demgħat ta’ ħaddieħor. Jistgħu jixxuttawh biss billi jagħarfu li la huma salvaturi u lanqas qatt jistgħu jkunu.

Min jagħmilha ta’ salvatur xi darba se jgħajja. Ma jistax jibqa’ sejjer b’din il-kummieda għal dejjem. Xi darba jkollu jintebaħ li, wara kollox, is-salvazzjoni ma tiġix billi tilgħabha ta’ salvatur ma’ ħaddieħor. Logħob bħal dan jitlob sforz, u xi kultant sforz qawwi. Xi darba l-enerġija tiegħu tintemm.

Nies li jemmnu li l-għodwa qed tistenna lilhom xi darba se jsibu li s-sebħ m’għandux bżonnhom u jista’ jgħaddi ħafna aħjar mingħajr il-ħsejjes tagħhom. Xi darba se jsibu li ħlew ħafna żmien għalxejn.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?