Il-mixja lejn il-Ħelsien

Il-ktieb li l-Prim Ministru ħareġ uffiċjlament għall-pubbliku t-Tnejn li għadda, Il-Ħelsien: Il-mixja lejn il-31 ta’ Marzu tal-1979 (miktub minn Mark Camilleri u ppubblikat mis-Sensiela Kotba Soċjalisti) għoġobni u m’għoġobnix fl-istess ħin. Filwaqt li jipproponi mogħdijiet ġodda ta’ interpretazzjoni (u jġib il-provi għalihom), ma jidhirx li jagħraf oħrajn (li provi aktarx hemm diġà).

Mogħdijiet ġodda

Ħa nibda bil-mogħdijiet ġodda li jidher li qed jipproponi. L-ewwel nett, is-sehem kruċjali ta’ ċerta klassi tas-soċjetà fit-taqtigħat li ġew iġġenerati fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. L-awtur isejħilha il-‘klassi tal-ħaddiema’ mingħajr ma jgħid eżattament (bħalma jagħmel fi ktieb ieħor tiegħu, From Colonialism to Mntoffianism, tal-2013) minn min hi magħmula jew fiex tikkonsisti. Donnu jidentifikaha biss mal-ħaddiema tat-Tarzna. Hu x’inhu, l-awtur juri li s-sehem ta’ din il-klassi fil-kisba tal-Ħelsien kien ħafna akbar milli s’issa ġie rikonoxxut.

It-tieni, il-ktieb juri b’mod ċar ir-relazzjonijiet li l-Partit Laburista ħoloq ma’ pajjiżi barranin. Jissuġġerixxi li din kienet ħaġa għall-politika Maltija. Sa dak iż-żmien, il-partiti ma kinux ifittxu li jforġu relazzjonijiet bħal dawn, forsi għax ma rawhomx meħtieġa jew għax sempliċiment ma kellhomx moħħ għalihom. Il-Partit Laburista, min-naħa l-oħra, jidher li rahom, mhux biss importanti, imma wkoll assolutament meħtieġa għall-iskopijiet tiegħu.

It-tielet, naħseb li xieraq jissemma wkoll l-emfasi li l-awtur jagħmel fuq l-ekonomija u s-sehem vitali tagħha fl-istorja kollha li wasslet għall-Ħelsien. Naturalment, din mhijiex informazzjoni ġdida għal kollox. Iżda l-awtur iqegħda fiċ-ċentru tar-riflessjonijiet tiegħu u jippreżentaha bħala l-aktar element sinfikanti li għamel il-31 ta’ Marzu tal-1979 differenti u importanti minn avventimenti oħra ta’ qabel fl-istorja Maltija.

Mogħdijiet mhux rikonoxxuti

Hemm żewġ mogħdijiet ewlenin li l-awtur jiddeċiedi li ma jmurx għal tulhom. Naħseb li fiż-żewġ każi mhuwiex ġustifikat għal kollox. Ma jiċħadhomx, jidhirli, mingħajr deċiżjonijiet arbitrarji li setgħu kienu mod ieħor. It-tnejn naħseb li jistħoqqilhom attenzjoni li hu ma jagħtihomx biżżejjed.

Waħda minn dawn il-mogħdijiet tikkonċerna lil Manwel Dimech. Fil-ktieb il-ġdid tiegħu Camilleri ma jirrikonoxxix biżżejjed is-sehem li jidhirli li Dimech ħaqqu fl-istorja tal-mixja għall-Ħelsien. Jekk jagħmel hekk, evidentement ifixkillu t-teorija tiegħu li l-bidla bdiet mit-Tarzna u mit-Tarzna biss. Ifixkillu wkoll it-teorija li kienu xi Britanniċi stess (u ebda Malti; wisq anqas Dimech) li taw il-kontribut inizzjali għall-proċess tal-bidla. Inħoss li dan huwa nuqqas.

Mogħdija oħra tikkonċerna s-sehem tal-Perit Mintoff. Camilleri jċekkinha kemm jista’ jkun ... sal-punt tar-redikolu. Jgħid il-ħin kollu l-“Partit Laburista għamel din” u l-“Partit Laburista għamel dik”, u xi kultant jibdel l-isem tal-partit għal “Moviment tal-Ħaddiema”. Kulħadd jaf li l-Partit Laburista jew il-Moviment tal-Ħaddiema ma kien jagħmel xejn mingħajr il-Perit Mintoff. Kollox sew, kellu l-appoġġ tal-mases; imma dan ma jiċħadx illi l-biċċa l-kbira tal-inizzjattivi―u ċertament il-viżjoni―kienu tiegħu u ta’ ħadd aktar. Lanqas Camilleri ma jirnexxielu jaħbi dan daqskemm ried.

Rakkomandazzjoni

Minkejja dawn in-nuqqasijiet, xorta waħda naħseb li Il-Ħelsien: Il-mixja lejn il-31 ta’ Marzu tal-1979 huwa ktieb li għandu jinqara. Mhux biss fih is-sabiħ tiegħu fil-kontenut u l-preżentazzjoni, iżda fih storja imqanqla li donnu qatt ma tixba taqra fuqha. Hija storja ta’ parti mill-ġrajja ta’ dan il-poplu li n-nisġa tagħha hi kumplessa daqskemm affaxxinanti.

Kotba bħal dan, minkejja t-tendenzi akkademiċi tal-awtur (Jista’ jkun mod ieħor?), huma żieda siewja għall-ġabra u l-għarfien tal-istorja tagħna. L-imgħoddi ma jistax ma jkunx interpretazzjoni mill-pjataforma tal-preżent. Iżda m’għandiex nieqfu ninterpretaw. Kull interpretazzjoni żżid xejra oħra, forsi aktar għarfa, forsi anqas, tal-għarfien tagħna.

Fuq kollox, minkejja l-kundizzjonijiet materjali tal-preżent, ħadd minna ma jista’ jkun bniedem tal-ġejjieni mingħajr xi għarfien, imqar difettuż, tal-imgħoddi. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru t-Tnejn li għadda: “Filwaqt li huwa l-imgħoddi li sawrilna l-preżent; iżda huwa l-preżent li jsawrilna l-ġejjieni.”


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?