Riforma taċ-ċivil

Qabel kull elezzjoni nisimgħu b’imwiegħda riforma fiċ-ċivil, u bosta minna konvinti mill-ħtieġa tagħha. Għalkemm diversi gvernijiet tħajru sew li jieħdu dan l-impenn, jidher li ftit irnexxielhom jaslu fil-bogħod jew fil-qiegħ. Iċ-ċivil kien u għadu fi ħtieġa ta’ riforma qawwija. Imma ma jidhirx li hemm xi prospettivi jistennew sabiex dan iseħħ.

Iċ-ċittadin l-ewwel

Bl-għajta tal-gvern il-ġdid li jqiegħed lill-individwu għal darba oħra fiċ-ċentru tal-amministrazzjoni governattiva, it-tama xegħlet li ċ-ċittadin ma jibqax aktar mifni minn burokrazija soffokanti u eżasperanti. Waħda mill-wegħdiet elettorali kienet li l-burokrazija kellha tiġi mnaqqsa drastikament u l-proċess amministrattivi tal-gvern magħmula aktar faċli għal kull ċittadin.

Minkejja dan, għadna ma smajna xejn dwar l-intenzjonijiet tal-gvern ta’ kif il-burokrazija se tinqalgħalha rasha jew għall-anqas tiġi ffaċilitata b’mod kosiderevoli. Iċ-ċittadin għadu sal-lum fuq ix-xfar ta’ sistema li donnha saret tgħix għaliha nnifisha; il-ħajja tiegħu għadha mtaqqla bil-piż ta’ servizzi li jdumu ma jingħataw, diffiċli biex tiksibhom jew impossibbli li ssib tarfhom.

Meta ċ-ċittadin jitqiegħed fiċ-ċentru tal-amministrazzjoni governattiva, kull apparat burokratiku taċ-ċivil jieħu l-post tiegħu f’perspettiva aktar ġusta. Dan ikun ifisser li titwettaq riforma fuq il-prinċipju li ċ-ċivil jeżisti għaċ-ċittadin u mhux iċ-ċittadin għaċ-ċivil.

Dritt għas-servizz

Safejn naf jien, is-sistema taċ-ċivil tagħna hija wirt tal-Britanniċi. L-istess sistema li kienu jħaddmu l-Britanniċi f’Malta, f’pajjiżhom u fil-kolonji kollha li kellhom għadha titħaddem mill-gvern mingħajr kważi l-iċken bidla. Mhux biss hi sistema antikwata, iżda fuq kollox sprattika u ineffiċjenti. Hija sistema li forsi tiffaċilita x-xogħol għaliha nnifisha, imma tinsa li dmirha hu li fuq kollox taqdi ċ-ċittadin.

F’ħafna każi u f’ħafna rkejjen tas-sistema kumplessa taċ-ċivil, iċ-ċittadin mhuwiex moqdi. Huwa mqiegħed f’pożizzjoni fejn bħallikieku qiegħed jagħmel pjaċir lis-sistema billi jużaha. Il-fatt hu li ċ-ċittadin, naturalment, ma jistax jagħmel mod ieħor. Jeħtieġlu jużaha u għandu bżonn jinqeda biha.

Iżda dan hu dritt tiegħu li għalih qiegħed iħallas qares. Biċċa kbira tal-miljuni ta’ taxxi li lkoll inħallsu jmorru għat-tħaddim tas-sistema taċ-ċivil. Hu minn ewl id-dinja li s-sistema taqdina u ma ġġagħilniex inħossuna qisna xi ħallelin li qegħdin nieħdu dak li mhuwiex ħaqqna.

Il-pjan tal-gvern

Jiena ma nemminx li l-gvern mhux diġà ta xi ħsieb ta’ kif se jwettaq xi tip ta’ riforma fiċ-ċivil. Jidher li f’xi ministeri u dipartimenti diġà kien hemm xi ċaqlieq biex il-burokrazija u l-ingranaġġ ikkumplikat li kien jeżisti jitħaffef u jsir aktar faċli għall-użu taċ-ċittadin. Iżda ma jidhirx li dan hu biżżejjed u żgur li ma jagħmilx parti minn pjan kumplessiv biex iċ-ċivil kollu jiġi irristrutturat madwar il-filosofija taċ-ċentralità taċ-ċittadin.

Dan hu aspett ta’ importanza fundamentali għall-ħajja demokratika tagħna. Ma tfissirx biss bidla ta’ ħwejjeġ żgħar jew kosmetiċi ħalli s-sistema tidher aħjar jew titjieb. Tfisser li ċ-ċittadin tabilħaqq jitqiegħed l-ewwel u qabel kollox; li ċ-ċittadin ma jibqax il-pastaż tas-sistema, imma li s-sistema tibdel suritha sabiex iċ-ċittadin, kull ċittadin, jasal biex jgħid li ‘din tiegħi, mhux jien tagħha’.

Nixtieq naħseb li, wara l-kwinti u l-ħafna xogħol li qiegħed isir mill-ministeri u d-dipartimenti tal-gvern, hemm fuq quddiem nett il-ħsieb ta’ riforma taċ-ċivil. Dan jistħoqq lil ċittadini li emmnu li ‘għada ġdid’ kien ifisser ukoll li jingħataw l-importanza u l-preeminenza li jixirqilhom. Iċ-ċittadin wera u għadu juri li jrid u qiegħed jistenna riforma fiċ-ċivil. Imis lill-gvern li jrodd dak li wiegħed.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?