Gays, Ġuda u taħwid ieħor

Jien ili konvint li f’dan il-pajjiż dwar reliġjon u politika ma nafux nitkellmu b’mod razzjonali. Id-diskussjonijiet jinbidlu f’battalji; l-argumenti f’gwerillja; il-fehmiet f’trunċieri. Il-kliem isiru bħal balal li nisparaw fuq xulxin. U meta s-suġġett ikun barbuljata ta’ politika u reliġjon, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt!

Fil-parti ta’ Ġuda

Din il-ġimgħa, il-Pastor tar-‘River of Love Christian Fellowship’, ir-Rev. Gordon Manchè, għoġbu jżid id-doża reliġjuża mal-kwestjoni tal-abbozz ta’ liġi dwar l-unjonijiet ċivili tal-gays (li tinkludi l-possibbiltà tal-adozzjoni tat-tfal). B’hekk issa, mal-versjoni ‘kattolika’ tal-kundanna tal-abbozz, għandna wkoll il-versjoni ‘evanġelika’. Ma nistagħġibx jekk ma’ dawn tiżdied xi versjoni oħra minn nies tal-istess pezza.

Li hemm speċjali f’dak li jgħid ir-Rev. Manchè hu l-kulur li jagħti lil kliemu. Ftit tal-jiem ilu, ngħidu aħna, qal lil xi ġurnalisti li “waqt li tkun qed tbus is-salib fil-ġurament tal-ħatra, il-President il-ġdid m’għandhiex tinsa lil Kristu ġurnata jew ġimgħa wara u titradixxi l-istess salib”. Skont hu, meta l-President il-ġdid iġġib fis-seħħ dan l-abbozz ta’ liġi tkun qed tagħmel bħal “Ġuda l-Iskarjota, li bies lil Kristu u mbagħad biegħ lil Kristu”.

Mhijiex interessanti din il-biċċa ta’ Marie-Louise fil-parti ta’ Ġuda? Hija kważi kważi divertenti. Anki jekk wieħed jissusspetta li r-Rev. Manchè ma qalhiex biċ-ċajt. Ċertament, l-użu ta’ din ix-xena min-naħa tar-Rev. Manchè hija serja ħafna. Biex ma ngħidx anki traġika.

Superfiċjalità u ħsara

It-traġedja tiġi mill-konfużjoni li din ix-xena tkompli toħloq fil-kwestjoni kollha. Li xi ħadd isostni li l-aċċettazzjoni tal-unjonijiet ċivili gay u l-addozzjoni minnhom tat-tfal hija att ta’ tradiment kontra Kristu tippreżumi bagoll interpretattiv li r-Rev. Manchè qajla qatt ifisser. Infatti, argumenti bħal dawn, li jappellaw għas-sentiment (reliġjuż) aktar milli għall-intellett, għandhom ħabta kif jitfgħu taħt it-tapit kull diskors imqar ftit intelliġenti li jista’ jiċċara l-kwestjoni.

Jien hawnhekk lanqas biss nażżarda nipprova nibda nagħmel diskors bħal dan. Għax, jekk forsi ma jasalx li jgħid li bgħet lil Kristu, ma jridx wisq ir-Rev. Manchè jakkużani li għall-anqas xtrajt lil Ġuda!

Ħaġa waħda nista’ ngħid: li, minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha tagħhom, il-messaġġ li qed jibqa’ jixxandar b’interventi u stqarrijiet bħal dawn tar-Rev. Manchè u oħrajn bħalu ma hu qed jagħmel xejn għajr ikompli jħaffer il-qabar tal-istituzzjonijiet insara f’dan il-pajjiż. Interventi u stqarrijiet bħal dawn huma hekk soċjoloġikament u antropoloġikament superfiċjali li lanqas biss jintebħu bil-ħsara li qed jagħmlu lil dawk stess li jagħmluhom.

Diskors ta’ mibegħda

Għalxejn nies bħar-Rev. Manchè u oħrajn bħalu jibqgħu jsostnu li m’għandhom xejn kontra l-gays jew kontra l-koppji gay. Id-diskors li jagħmlu f’dan ir-rigward sempliċiment jammonta għal xejn anqas minn oppożizzjoni kontrihom u kontra d-drittijiet ċivili tagħhom. Hu diskors li profondament jonqos mir-rispett dovut. Fuq kollox, hu diskors li, kumplessivament, isaħħaħ jew joħloq klima ta’ suspett u avversità kontra l-gays u jagħmilha aktar diffiċli li jgħixu ħajja dinjituża u kuntenta.

Dan hu deplorevoli, anki mill-punto di vista tal-morali nisranija.


Ix-xbieha: 'Judas kiss', Robert Recker (2007) - www.robert-recker.de



Comments

  1. As usual certain 'influential' people have trouble with differentiating between what is needed in the law, Christ's teachings and man-made dogma.

    ReplyDelete
  2. Kristu qal car u tond:

    • Matthew 11:23-24 ESV
    And you, Capernaum, will you be exalted to heaven? You will be brought down to Hades. For if the mighty works done in you had been done in Sodom, it would have remained until this day. But I tell you that it will be more tolerable on the Day of Judgment for the land of Sodom than for you.”

    Jesus loves everyone, straight, lesbians, gays, etc., however the sexual act between a homosexual couple was, is and always will be "an abomination" (Leviticus 18:22).

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?