Ix-xemx titla’ għal kulħadd

Il-liġi li għaddiet it-Tnejn li għadda reġgħet ġabet fil-wiċċ (għall-miljun darba) li m’aħniex kapaċi naqblu fuq dak li hu elimentari fir-rigward taċ-ċittadini tagħna. Nies li għandhom sens ta’ emanċipazzjoni u oħrajn li jibqgħu ma jistgħux jieqfu jħarsu sa mneħirhom. Dawn tal-aħħar ma jafux ma jqisux il-preġudizzji tagħhom f’kuntest storiku aktar wiesa’ mill-għadira tal-interessi żgħar tagħhom.

Il-pantomina eterna

Ir-reazzjonijiet għal-liġi kienu lkoll prevedibbli. Il-Labour favur, il-Knisja kontra u n-Nazzjonalisti gallerija. Kemm-il darba rajniha din il-formazzjoni? U agħar minn hekk: Kemm-il darba se jkollna nibqgħu narawha? Din mhijiex sempliċiment il-ġlieda eterna ta’ bejn min irid jagħfas ’il quddiem u min irid iżomm lura. Jekk inhu hekk, l-analiżi tagħna tkun tabilħaqq superfiċajli.

Hija, pjuttost, ġlieda konta t-traġedja ta’ min ma jistax jagħraf sens ta’ storja f’dak li jiddeċiedi u jagħmel. Kemm l-eżempju jrid mill-imgħoddi biex jintebaħ kemm hu iblah? Kemm-il darba jrid ikun fuq in-naħa l-iżbaljata tal-istorja biex saflaħħar jiftaħ għajnejh fuq kif tipproċedi l-mixja tal-bnedmin? Meta se jiġri li l-istorja ta’ diżfatti kontinwi se tnissillu sens ta’ mistħija? Jew forsi sens ta’ għaqal?

Ir-reazzjonarji mhux biss ma jitgħallmu qatt, iżda donnhom lanqas qatt ma jistgħu jinbidlu. Dejjem jibqgħu lura; dejjem wara; dejjem jiġru wara storja li ma jistgħux jifhmu għala dejjem tiġri aktar minnhom.

Problema astronomika

Il-problema ewlenija tagħhom hija astronomika! Ma jistgħux jaċċettaw il-fatt li x-xemx titla’ għal kulħadd. Li kulħadd għandu d-dritt għar-roqgħa tiegħu taħt ix-xemx. Li ħadd m’għandu d-dritt li jċaħħad lil xi ħadd ieħor mix-xemx tiegħu. Din fiha ħafna x’tifhem?

Wieħed b’farka sens ta’ storja jintebaħ mill-ewwel li, anki jekk wieħed ma jaqbilx ma’ ħaddieħor, ma jistax jiċħadlu l-libertà li jgħix kif irid u kif iħoss. Wieħed għandu kull dritt li ma jaqbilx. Imma wieħed m’għandu qatt id-dritt li jimponi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu fuq min ma jaqbilx miegħu u jipprova jgħidlu kif għandu jgħix ħajtu.

Jekk wieħed għandu l-libertà li jemmen li jrid u jaġixxi kif iħoss, din il-libertà hi ta’ ħaddieħor ukoll. Il-pajjiż mhuwiex ta’ dan jew tal-ieħor biex jiddetta fuq il-bqija. Hi ta’ kulħadd. U kulħadd għandu d-dritt li jgħix kuntent u kif iħoss li hu l-aħjar. Ħadd ma hu l-espert tal-ħajja ta’ ħaddieħor biex jgħidlu kif inhu l-aħjar li jgħix. L-aqwa espert tal-ħajja ta’ bniedem hu l-bniedem li jgħixha.

Drittijiet ugwali

L-istorja, għall-anqas fil-Punent, bil-mod il-mod raddet il-libertà lil kulħadd b’mod ugwali. Dan se tibqa’ tagħmlu. Iridu jew ma jridux ir-reazzjonarji. Dawn aktar ma jifhmu malajr li, bihom jew mingħajrhom, il-karru se jibqa’ miexi, aktar jistgħu jsibu malajr posthom f’din il-mixja. Inkella se jibqgħu dejjem mibquża, miċħuda u, fl-aħħar mill-aħħar, mibgħuda.

Il-mixja tal-istorja ma jista’ jwaqqafha ħadd, wisq anqas ir-reazzjonarji. Li jagħarfu u jistqarru s-sewwa ta’ din il-mixja, anki jekk ma jaqblux għal kollox ma’ dak li jmexxiha, aktar ikunu jistgħu jgħixu bil-ġieħ. Iżda kif qed jagħmlu, qegħdin biss jitilfu l-qaleb mal-ġbejna.

Żomm kemm trid it-twemmin u l-fehma tiegħek; dan għandek dritt għalih u sakrosant. Iżda ieqaf tikkundanna lil min ma jaqbilx miegħek jew tipprova ċċaħħaddlu t-twemmin u l-fehma tiegħu. Dan m’għandekx dritt tagħmlu. Id-drittijiet mhumiex biss għalik; huma għal kulħadd.

Ifhimha darba għal dejjem: Ix-xemx titla’ għal kulħadd!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?