Terturi u aguniji ambjentali

Wieħed kien jittama li, b’bidla fil-gvern, it-terturi li konna qegħdin ngħaddu minnhom qabel rigward il-ħarsien tal-ambjent naturali tagħna kienu saflaħħar ġew fi tmiemhom. Il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għamilha abundantement ċara li Malta u Għawdex kienu se jsiru “minn ta’ quddiem nett fl-‘istandards’ ambjentali”. Imma fil-fatt ’l hemm mixjin?

Taparsi ppjanar

Jekk wieħed jiġġudika mid-dokument li l-MEPA ħarġet f’Ottubru li għadda għall-konsultazzjoni pubblika għar-reviżjoni taż-żoni li jinsabu’l barra minn dawk ta’ żvilupp, wieħed jintebaħ li, fil-fatt, ftit li xejn inbidel fil-politika li titħaddem għall-ħarsien tal-ambjent. It-tnaqqir (u l-qerda) tal-ambjent naturali tagħna se jibqa’ jsir bħalma kien qabel. Saħansitra jekk mhux aktar.

It-tama kienet li gvern ġdid kien se jiġġenera mentalità ġdida, mentalità ta’ trażżin totali fil-kilba spekulattiva. Imma mid-dehra ebda mentalità ġdida ma ġiet iġġenerata. Anzi, il-mentalità l-qadima ta’ “aħtaf kemm tista’” mhux biss baqgħet f’postha iżda saħansitra tidher li saret aktar sfiqa. Il-gvern wiegħed, bil-MEPA jew mingħajrha, li jħarsilna l-ambjent naturali tagħna minn aktar qerda. Iżda evidenza ta’ dan s’issa m’aħniex naraw. Bħalma kien, naqra minn hawn u ftit minn hemm l-ambjent naturali xorta waħda jinsab mhedded mid-dwiefer tal-ispekulaturi.

L-iskużi huma dejjem l-istess: żviluppi għal binjiet agrikoli, żviluppi għal binjiet industrijali, żviluppi għal xogħol diversifikat, żviluppi għall-ħarsien tal-bhejjem, żviluppi ta’ binjiet privati u sejrin. Kull skuża tajba sabiex l-ispekulatur jilgħabha tad-dejjaq u joħroġ il-far mit-toqba bil-kelma t-tajba.

Thewdin

L-għajdut mifrux hu li nies li għenu fil-kampanja elettorali li għaddiet issa jinsabu għatxana li jieħdu xi ħaġa lura għall-ġenerosità tagħhom. Wieħed forsi ma jasalx sal-punt li jissusspetta li, allaħaresqatt, kienu saru xi wegħdiet (anki taċiti) f’dan ir-rigward. Iżda ma jridx wisq biex biex jinnota li xi spekulatur jew ieħor donnu issa qisu qajjem rixu aktar minn qabel. Għalkemm xi wħud kienu ttamaw li żmien l-ispekulaturi kien spiċċa darba għal dejjem, jidher li t-tama tagħhom se tmut bil-piena.

L-aktar li jinkwieta lili hu li r-retorika politika ma jidhirx li bdiet tinbidel f’fatti konkreti. S’issa sinjali ċari ta’ bidla m’iniex qed nara. Jidher li d-diska ta’ qabel se tkompli tindaqq. Iż-żgħir donnu se jibqa’ vittma tal-burokrazija konvulata tal-MEPA. Il-kbir u l-qawwi se jibqa’ bir-riħ mill-poppa. Allura x’inbidel? X’tama ġdida twieldet? Forsi xejn. Forsi min ittama, ittama fil-vojt. Forsi ttama bħall-boloh li jimla żaqqu billi joħlom bil-ftajjar.

Dan hu perikoluż ferm. Għaċ-ċittadin daqskemm għall-gvern. Għax il-fiduċja mġedda fil-politiku tista’ tinħass li qed tiġi ttraduta. Jista’ jinħass li, bħalma kien qabel, il-prezz li l-massa trid tħallas biex tikseb drittijietha hu l-gwadann li l-ftit se jkun qed jitħallew jagħmlu għalihom infushom baxx baxx.

Riforma?

Fl-aħħar Programm Elettorali tal-Partit Laburista nkiteb hekk: “Gvern ġdid jieħu b’serjetà u b’impenn il-qasam ambjentali. Ser naħdmu b’determinazzjoni sabiex iż-żmien li ntilef nirkuprawh, konxji li hemm diversi deċiżjonijiet diffiċli li jridu jittieħdu fosthom ir-riforma mill-qiegħ tal-MEPA” (paġna 93).

Qed narawhom is-serjetà u l-impenn? Qed narawha d-determinazzjoni? Ir-riforma mill-qiegħ tal-MEPA qed narawha? S’issa li rajna hu attentat ieħor min-naħa tal-MEPA biex tirrevedi ż-żoni li jinsabu’l barra minn dawk ta’ żvilupp donnu bl-iskop li taġevola lill-ispekulatur aktar u aktar.

F’dan il-qasam il-paroli hu velenu. Li rridu huma fatti. Jekk mhux issa, meta?



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?