Il-kult tal-kumdità

In-Neo-Liberaliżmu għamel kult mill-kumdità. Minn qabel l-aħħar gwerra dinjija tgħallem malajr li din kienet il-karta li biha seta’ jikseb kollox u jinħafirlu kollox fil-proċess. Il-filosofija tiegħu kienet li, meta trodd il-kumdità lil għadd biżżejjed ta’ nies, lil għadd magħżul ta’ nies, għandek il-liċenzja li tagħmel kulma trid. Assolutament kulma trid.

Ideal uniku

Ebda ideal ieħor―soċjali jew politiku―ma seta’ jħabbatha mal-ideal tal-kumdità. In-nies lesti jissagrifikaw kollox għaliha, inkluż id-demokrazija, inkluż il-ġustizzja, inkluż is-sewwa u saħansitra inkluż il-libertà tagħhom stess. Imbasta komdi. Il-glidied moderni għad-drittijiet, karatteristiċi taż-żmien ta’ wara l-aħħar gwerra l-kbira, saru kollha subordinati għal ideal wieħed u assolut: il-kumdità.

Il-kapitaliżmu dan fehmu mill-ewwel. Fehem li għall-kumdità n-nies kienu lesti li jħallsu kollox. Is-sagrifiċċji ma kellhomx aktar post fil-psikoloġija ta’ mases kbar; ix-xewqa waħdanija tagħhom saret li jnaqqsuhom kemm jista’ jkun u possibbilment ixejnuhom sabiex ikunu komdi. L-hena u l-ferħ eżistenzjali sar jitkejjel biss bir-riga tal-kumdità. Il-kumdità saret is-sustanza tal-ferħ; l-essenza ontoloġika tal-bniedem ċivilizzat.

L-għajta politika tal-lum―anzi, l-unika għajta politika tal-lum―hija dik li twiegħed li trodd kumdità akbar lill-elettorat. M’hemmx fruntieri ta’ paċi universali, ta’ ugwaljanza umana, ta’ ġustizzja distributtiva, ta’ konvivenza fraterna, li ma ġġarfux quddiem l-objettiv immedjat u dejjiemi ta’ kumdità massima. Huma biss il-fanatiċi, l-ossessjonati, id-diżillużi, ix-xewwiexa, id-dissidenti u l-estremisti li jibqgħu jridu jfixklu milli l-bniedem modern, avvanzat, jgħix fil-kumdità.

Prezz mitlub

Il-kumdità hija l-ġenna fuq l-art li s-soċjaliżmu ma rnexxilux irodd. Bħalma ma rnexxilhiex trodd ebda ideoloġija, filosofija jew spiritwalità oħra li teħtieġ l-iċken tbatija, sagrifiċċju jew skumdità. Il-'homo faber' (il-bniedem attiv, kreatur, produttur) inbidel fil-'homo fovere', jiġifieri fi bniedem passiv, komdu, konsumatur; inbidel bi spirtu mitluq lura, inert, sottomess. Imbasta l-kumdità tiegħu ma jmisshielu ħadd, anzi jkabbarhielu.

Il-prezz għal din l-epitomija huwa meqjus xieraq dejjem, kemm jekk imħallas mill-individwu nnifsu u kemm jekk minn ħaddieħor. Ma jinporta xejn. Il-kapitaliżmu u n-Neo-Liberaliżmu jista’ jitlob liema prezz irid, imbasta jrodd dak li jwiegħed: il-kumdità u l-pjaċir tagħha.

Ħafna drabi, il-kapitaliżmu hu attakkat biss (bħalma jiġri lill-politiku modern) meta din il-wegħda ma jżommhiex; meta jitlob il-prezz tal-kumdità nnifisha. Dan hu inaċċettabbli. Li ħaddieħor iħallas għaliha, li ħaddieħor jinqered minħabba fiha, li l-kapitalist iwettaq kull xorta ta’ porkerija jew attroċità, ma jinporta xejn. L-essenzjali hu li dan kollu ma jmissx lili fil-laħam il-ħaj. Mill-bqija, kollox hu permess.

Oppju modern

Din hija s-sustanza tad-domma tal-kredu kapitalista u Neo-Liberali: paxxi lil min qiegħed iżommlok fuq wiċċ l-idejn u ġiegħel ’il-bqija jagħmluha tal-pastażi. Is-sigriet hu li jinżamm il-bilanċ kemm ma’ tal-ewwel u kemm ma’ tat-tieni. Jiġifieri, li t-tnejn jibqgħu operabbli, manipulabbli u sfruttabbli. Mingħajr xi ħadd minnhom, ir-rota tissogra li tieqaf iddur.

It-traġedja f’dan kollu huwa li dan kollu waqaf jinkwetana. U jekk jinkwieta lil xi wħud (bħal-Liberali ddikjarati), xorta waħda dawn ma jaħarbux il-manjatiżmu voraċi tal-kumdità. Anki huma għandhom l-‘ideali’ tagħhom kompromessi u mixtrija. Hu għalhekk li, bil-biċċa l-kbira tagħhom, jillimitaw ruħhom biss għat-tpaċpiċ.

Il-kult tal-kumdità huwa l-oppju modern ta’ ħafna minna, forsi tiegħi l-ewwel wieħed. Għalih għamilna ri-interpretazzjoni ta’ kull twemmin tagħna. Għalih issottomettejna kull ideal li seta’ kellna. Għalih biddilna l-istorja.

Fuq kollox, għalih issagrifikajna ruħna.


Comments

  1. Naqbel mieghek li dan il-kult tal-kumdita' huwa l-bazi tas-socjeta' konsumistika li ilha ghaddejja mis-snin 50 tas-seklu li ghadda. Il-problema nahseb hija kif tista' tiqba tigi sostnuta din i-tip ta' socjeta' . Id-dejn kemm privat u tal-gvernijiet ( li huwa il-pedament taghha u li hu sostenitur ewlieni tal-konsum) qieghed fl-livelli rekord . X'se jigri jekk il-konsumaturi jiddeciedu li jnaqqsu il-livell tad-dejn taghhom billi jnaqqsu mill-konsum, jew jekk il-prezzijiet jizdiedu b'rata ghola mid-dhul tal-konsumaturi ?

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?