Jistħoqqlu l-Islam?

Il-midja kemm-il darba tpinġi lilha nnifisha bħala entità għas-servizz tas-sewwa. Iżda tul din l-aħħar ġimgħa, meta reġgħet ffokat bil-kbir fuq att mill-aktar ikrah ta’ Islamiċi militanti fin-Niġerja, l-istampa ta’ x’inhu l-Islam, min huma l-Islamiċi u l-qagħda tal-Islam fid-dinja, kompliet tiċċajpar flok tersaq lejn is-sewwa. L-Islam jibqa’ jingħata isem pessmu u joħloq fil-punent twerwir u kważi paniku.

Islamiċi injorati

Il-ħtif ta’ 234 studenta adolexxenti u l-qtil ta’ 16-il persuna f’Chibok, in-Niġerja, fl-14 ta’ April li għadda mill-organizzazzjoni Boko Haram, ġibdet l-attenzjoni tal-midja dinjija, mhux biss fuq il-ħtif ta’ tfajliet għall-prostituzzjoni, iżda wkoll fuq l-Islam. Fil-fatt, donnha ma tintilef ebda opportunità, wisq anqas waħda fuq din l-iskala, sabiex l-Islam jiġi oskurat u impinġi bħala forza malinna fis-soċjetajiet ċivilizzati.

Waqt l-aħbarijiet li jingħataw fuq att terribbli bħal dan, ma jonqsux l-identifikazzjoni ta’ xbihat li, kumplessivament, joħolqu stampa fantastika ta’ x’inhu l-Islam. Fl-istess nifs, bosta ġurnalisti ma jagħmlux differenza bejn Islamiċi u Għarab, bejn militanti u Islamiċi, bejn Jihad u vjolenza, bejn Koran u sotto-żvilupp. Donnu l-Islam juru l-perikolożità tiegħu kulfejn wieħed jilmaħ niqab u wisq aktar fejn tixref burka. In-nofs qamar, bħal fi żmien Pintu, sar jixgħel bozoz ħomor u sireni bla għadd; u saħansitra l-lewn iswed sar jindika t-twerwir.

Injorati għal kollox f’dan kollu l-biljun u nofs Islamiċi li jgħixu fil-paċi ma’ għajrhom madwar id-dinja kollha; l-opri ta’ karità li l-Islamiċi jwettqu kullimkien; il-kultura, ix-xjenza u l-akkademja li jħaddnu u jiżviluppaw f’kull art; il-ħbiberija, is-simpatija, il-ferħ u n-non-vjolenza li l-Islam jgħix, iħares u jippropaga kullimkien.

Tensjonijiet mifruxa

Dawn għall-midja mhumiex aħbarijiet. Bħalma mhumiex aħbarijiet l-oppożizzjoni enormi li l-Islam jagħmel, fuq kull livell, kontra l-militanti li jgħidu li huma Islamiċi. Il-paċifisti Islamiċi m’għandhomx post fl-immaġinazzjoni tal-midja. Bħalma m’għandhomx post l-oppożituri Islamiċi tal-gwerra, il-filantropi Islamiċi, l-umanisti Islamiċi u dawk il-miljuni Islamiċi li jikkontriwixxu f’kull forma ta’ arti, xogħol, industrija u xjenza madwar id-dinja kollha; iva, anki fil-punent.

Dan kollu ma jfissirx li organizzazzjonijiet bħal Boko Haram ma jeżistux ukoll jew li l-aħħar att attroċi tagħhom huwa ta’ min iċekknu. Xejn minn dan. Imma jekk xejn, gruppi terribbli bħal dawn juru t-tensjonijiet li tħaddan ġo fiha kull reliġjon (inkluż dik nisranija u Kattolika), kif ukoll it-tensjonijiet li jħaddan ġo fiha kull soċjetà (inkluż tagħna). Il-Boko Haram hu biss każ esaġerat ta’ dawn it-tensjonijiet. Ċertament mhuwiex ir-regola la fl-Islam, la fl-Afrika u lanqas fin-Niġerja, l-akbar pajjiż tal-Afrika.

Iżda l-midja, billi twarrab minn quddiem għajnejha d-99% tal-Islamiċi tad-dinja, tippreferi tiffoka fuq il-1% jew anqas, għax dan iġibilha l-qligħ. Irrispettivament tal-odju li tibqa’ trewwaħ kontra l-Islamiċi; irrispettivament tal-inkomprensjoni li tibqa’ tintensifika fost dawk li mhumiex Islamiċi; irrispettivament tal-uġigħ u t-tbatijiet li tibqa’ tiġġenera fost l-Islamiċi nfushom.

Isem sabiħ

Fid-dinja kollha jsiru sforzi kbar (u mhux mill-Islamiċi biss) biex din l-istampa mgħawġa tal-midja tikkoreġi ruħha. Iżda l-‘ħtiġijiet’ tas-suq ma jippermettux li l-leħen u l-isforzi tagħhom jinstemgħu biżżejjed. Kontra midja ossessjonata bil-vjolenza, il-battalja hi mitlufa. Il-ġlieda mhijiex biss kontra t-tgħawwiġ tas-sewwa, iżda kontra l-flus u l-kilba għall-profitt, li għall-industrija tal-midja jiġu l-ewwel u qabel kollox.

L-Islam ma jistħoqqlux dan kollu. L-isem ħażin li jibqa’ jingħata minħabba l-ftit li huma l-għaxqa tal-midja fir-realtà ma jikkorrispondix mal-esperjenza tal-popli f’kull pajjiż tad-dinja fejn in-nies, bħalma nagħmlu hawn f’pajjiżna, ngħixu spalla ma’ spalla ma’ Islamiċi deċenti, onesti, simpatiċi u fabbli. Bħal f’kull ġemgħa ta’ nies fid-dinja, issib Islamiċi antipatki, kisħin, qżież u korrotti. Iżda dan mhuwiex għax huma Islamiċi, iżda għax huma bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna lkoll.

L-Islam jixraqlu isem sabiħ għax hu sabiħ. Huwa jirrappreżenta kulma hu onorabbli, nobbli, illustri u virtuż fil-bniedem. Hija ħasra li ħafna minna jibilgħu t-tgħawwiġ tal-midja u l-komplott tagħha biex tagħmel il-flus fuq dahar is-superfiċjalità, il-frivolezza u t-trivjalità ta’ min jemminha.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?