L-anzjani fis-soċjetà tagħna

Is-sehem tal-anzjani fis-soċjetà tagħna, kif ukoll il-kura tal-anzjani, huwa qasam li llum ġie biex jikkwalifika l-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjoni. Dan ma kienx dejjem hekk. Kien hawn żmien meta l-anzjani la kienu mħarsa u lanqas ma kienu strutturalment mgħejjuna biex, fil-kundizzjoni tagħhom, jagħtu sehemhom fis-soċjetà. Minkejja dan l-iżvilupp, qatt ma hu biżżejjed biex l-Istat u ċ-ċittadini jgħassu fuq id-dmirijiet tagħhom f’dan il-qasam delikat u importanti.

Protezzjoni mill-isfruttament

Ma kienx minn dejjem li l-anzjani tqiesu bħala nies li jistħoqqilhom u jixirqilhom il-kura u l-għajnuna. Il-benefiċji lill-anzjani hija ħaġa relattivament moderna, li tmur lura mqar sebgħin sena. Qabel, kellna soċjetà li tħalli lill-anzjani jfendu għal rashom u, jekk ma jeħdux ħsiebhom il-familjari kif jistgħu, kienu kkundannati għall-faqar, il-mard u ħafna drabi l-abbandun.

Fortunatament, kbirna. Sirna aktar konxji ta’ dan id-dmir lejn l-anzjani. Kemm l-Istat kif ukoll ukoll iċ-ċittadini privati għarfu d-dmir tagħhom li jġibu rispett lejn l-anzjani u jagħmlulhom ħajjithom kemm jista’ jkun hiena u dinjituża. Dan ġie, f’dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin, bil-ħolqien ukoll ta’ djar tal-anzjani minħabba, ħafna drabi, l-impossibbiltà li l-familjari jduru bihom l-aktar minħabba impenji ta’ xogħol u impjieg.

Ċerti anzjani, però, tista’ tisfruttahom kif trid. L-iżvilupp mediċinali għamilha possibbli li l-anzjani jgħixu ħajja relattivament twila. Iżda ħafna drabi dan ifisser li l-aħħar snin ta’ ħajjithom jgħixuhom fi stat ta’ dgħufija li jagħmilhom aktar vulnerabbli għall-isfruttament, l-aktar dak finanzjarju.

Leġislazzjoni xierqa

Dan ifisser li, minkejja dan l-iżvilupp soċjali fejn l-anzjani qegħdin jingħataw l-attenzjoni li jistħoqqilhom, il-periklu tal-isfruttament kiber aktar, kemm għal dawk li jibqgħu fi ħdan il-familji, kif ukoll dawk li jiġu rikoverati fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani. F’dawn il-postijiet, kif ukoll fil-familji, wieħed isib nies ta’ dedikazzjoni erojka u ta’ rispett bla qies. Iżda jsib ukoll nies li ma jiddejqux jisolħu dak li jistgħu lil nies anzjani li ma jkunux f’kundizzjoni li jeqfulhom.

Hawnhekk l-Istat ma jistax jittraskura d-dmir u l-ħtieġa li jħares sewwa fuq il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li fihom jgħixu l-anzjani kollha. Sa minn qabel il-bidla fil-gvern, u f’din l-aħħar sena u ftit ta’ gvern ġdid, l-impenn biex tiġi studjata sewwa s-sitwazzjoni tal-anzjani, speċjalment dawk rikoverati fl-isptarijiet u d-djar residenzjali, kien u għadu għaddej. Iżda dan għad ma jidhirx li ssarraf f’leġislazzjoni konkreta biex tħares dan il-qasam.

Wieħed jifhem li l-intervent min-naħa tal-gvern huwa xi ftit jew wisq imminenti. Minkejja d-delikatezza ta’ dan l-impenn u minkejja l-bżonn li l-affarijiet isiru b’serjetà u bżulija, wieħed jittama li ma jkunx hemm wisq aktar dewmien. Hawn anzjani li jeħtieġu l-protezzjoni tal-Istat mill-isfruttament u n-nuqqas ta’ rispett.

Dmir ta’ kulħadd

Il-popolazzjoni tagħna mhijiex, b’mod ġenerali waħda żagħżugħa wisq. Skond l-aħħar statistiċi aċċessibbli, dawk maħruġa mill-‘World Factbook’ tas-C.I.A. fil-bidu ta’ Diċembru tal-2013, l-età medja tal-popolazzjoni Maltija hija ta’ 41 sena, fejn l-età medja tal-irġiel hija ta’ 38 sena u dik tan-nisa ta’ 42 sena. Għalkemm din mhijiex età medja żgħira, hija fi ħdan il-limiti ta’ qagħda sostenibbli.

Iżda minkejja r-responsabbiltà tal-gvern li jistabbilixxi regolamenti u ‘standards’ xierqa għall-ħarsien tal-anzjani fl-isptarijiet u fid-djar residenzjali, din mhijiex skuża biżżejjed biex infarfru fuq il-gvern id-dmirijiet li għandna aħna lkoll lejn l-anzjani rispettivi tagħna. Biċċa kbira tal-anzjani ħafna drabi mhux min-nuqqas ta’ attenzjoni mill-gvern li jilmentaw l-aktar, iżda min-naħa tal-qraba tagħhom.

Li persuna żżur l-anzjani tagħha fejn ikunu rikoverati hija, mhux biss dmir, iżda wkoll waħda mill-atti ta’ ħniena. Xi wħud minna jemmnu li fl-anzjani, bħalma f’nies vulnerabbli oħra, hemm il-preżenza sagramentali ta’ Ġesù.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?