Min jista’ jirrappreżentak?

Meta nitkellmu dwar xi ħadd li jirrappreżentak, qegħdin nitħaddtu dwar xi ħadd li jitkellem f’ismek, jiddeċiedi għalik u jaġixxi minflokok. Fil-ħajja privata tagħna din aktarx ma naċċettawhiex. Iżda fil-politika iva. Anzi, jgħidulek li hu dmir tiegħek tagħmel ħaġa inaċċettabbli bħal din. U taf xi jsejħulha? Demokrazija.

Tfal u adulti

Fil-ħajja ta’ kuljum, waqt li ngħixu ħajjitna u nagħmluha man-nies, aktarx ħadd ma jrid lil min jitkellem f’ismu, jiddeċiedi għalih jew jaġixxi minfloku. Meta jiġri hekk, nieħdu fastidju. U bir-raġun. Għax aħna m’aħniex tfal. Huma biss it-tfal li ma jarawhiex bi kbira li ħaddieħor jitkellem f’isimhom, jiddeċiedi għalihom jew jaġixxi minflokhom.

Iżda nies adulti din ma jaċċettawhiex. Proprju għax huma nies adulti; nies li għandhom ħalq biex jitkellmu bih, moħħ biex jaħsbu bih u maturità biex jaġixxu biha. L-adulti jieħdu għalihom meta xi ħadd jaqbiżhom jew jittrattahom ta’ vavi għax ħaġa bħal din, mhux biss tinsulta l-intelliġenza tagħhom, iżda tieħu minn idejhom ir-responsabbiltà ta’ ħajjithom.

Bniedem adult―proprju għax mhuwiex tfal―hu responsabbli tal-ferħ tiegħu nnifsu, tad-destin tiegħu u tal-mod kif jgħix ħajtu. Neħħilu l-libertà li jiddeċiedi hu għalih innifsu u tkun ħadtlu ħajtu kollha. Ikun sar pupu f’idejk. Ikun ċeda d-dinjità tiegħu kollha.

Fil-politika

Imma dak li, fil-ħajja ta’ kuljum tagħna, ħafna minna jarawh bħala vjolazzjoni tad-dinjità tagħna bħala bnedmin maturi, ma jarawhiex l-istess meta eżattament l-istess ħaġa tiġri fil-politika. Anzi, hija kważi kważi ħaġa tal-għaġeb li din il-vjolazzjoni jaċċettawha bir-rieda ħielsa kollha u forsi anki bil-ferħ. Jaċċettaw, ċjoè, li jħallu l-ferħ tagħhom, id-destin tagħhom u saħansitra l-mod kif jgħix f’idejh ħaddieħor li bil-kemm ikunu jaf minn Adam.

Meta bniedem jagħżel li xi ħadd jirrappreżentah hekk ikun qiegħed jagħmel. Ikun qiegħed iħalli lil ħaddieħor jagħmel deċiżjonijiet bħallikieku kien qiegħed jagħmilhom hu stess; ikun qiegħed iħalli lil ħaddieħor jitkellem bħallikieku kien hu stess li qed jitkellem; ikun qed iħalli lil ħaddieħor jagħmel għażliet bħallikieku kienu l-għażliet tiegħu stess.

Xi wħud din ma jarawlha xejn ħażin. Lanqas biss jaqgħalhom f’rashom li, b’azzjoni bħal din, qegħdin iċedu minn rajhom, bil-libertà kollha, ir-riedni ta’ ħajjithom; qegħdin ixejnu l-libertà li għandhom li jkunu huma l-uniċi sidien ta’ ħajjithom. Is-sid ta’ ħajjithom isir ħaddieħor. F’idejh jafdaw il-ferħ u d-destin tagħhom.

L-għażla tiegħek

Meta wieħed jiġi biex jagħżel ir-rappreżentant tiegħu, naturalment joqgħod kemxejn attent għall-wegħdiet li dak jagħmillu. Iżda l-wegħdiet huma proprju dak li jgħid isimhom: wegħdiet. Anzi, wegħdiet mingħajr rabta ta’ xejn. L-għażla ta’ rappreżentant mhuwiex kuntratt. Wara l-għażla, ir-rappreżentant jista’ jagħmel li jrid u li jfettillu. U fil-fatt hekk jagħmel. Il-wegħdiet li jkun għamillek ma jkunu jiswew xejn aktar.

Lilna jikkonvinċuna li, fil-proċess demokratiku, huwa dmir tagħna li nagħżlu r-rappreżentanti tagħna. Iżda d-demokrazija mhux hekk tfisser. Ma tfissirx li xi ħadd jirrappreżenta lil ħaddieħor. Tfisser li int tirrappreżenta lilek innifsek. Tfisser li int titkellem għalik innifsek. Tfisser li int, u ħadd aktar flokok, tiddeċiedi fuq ħajtek.

Huwa aħjar li ma jirrappreżentak ħadd milli tilgħabha li r-rappreżentant li int għażilt jirrappreżenta l-ħsibijiet, id-deċiżjonijiet, il-kliem u l-azzjonijiet tiegħek. Fil-fatt, ma jirrappreżentak xejn. Jirrappreżenta lilu nnifsu. Id-deċiżjonijiet huma tiegħu, mhux tiegħek. Il-kliem li jgħid huma tiegħu, mhux tiegħek. L-aġir li jagħmel hu tiegħu, mhux tiegħek.

Jekk trid tagħżel, mhemmx aħjar milli tagħżel li ħadd fid-dinja ma jkun rappreżentant tiegħek. Jew tirrappreżenta lilek innifsek jew xejn.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?