Istituzzjonijiet assoluti

Aktar minn sena wara l-għoti ta’ mandat elettorali lil Partit Laburista mġedded wieħed jistenna li ċ-ċittadin ikun kiseb aktar setgħa filwaqt li l-istituzzjonijiet governmattivi jkollhom anqas. Forsi ma fhimtx sew; iżda jien jidhirli li l-mandat kien ingħata―u b’mod qawwi wkoll―fuq il-wegħda repetuta li ċ-ċittadin komuni kien se jitqiegħed fiċ-ċentru tal-istruttura politika u li s-sovranità tiegħu kienet se tingħata rikonoxximent akbar. Iżda ma jidhirlix li dan qiegħed jiġri. Anzi, minflok qegħdin naraw, sfortunatament, li, f’din l-aħħar sena, l-istituzzjonijiet ġew imsaħħin u saħansitra saru aktar assoluti.

Mandat ‘liberali’

Politika liberali tassew ixxaqleb lejn iċ-ċittadin u d-drittijiet tiegħu. Fl-istess ħin, ixxaqleb anqas lejn il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet. Iva, għax dawn it-tnejn, għalkemm jistgħu jitqiesu komplimentari għal xulxin, ma jarawx għajn m’għajn. Jekk tikber is-setgħa tal-istituzzjonijiet, tonqos dik taċ-ċittadin; u bil-kontra. Politika liberali suppost temmen li hu ċ-ċittadin l-assolut fl-Istat, mhux l-istituzzjonijiet; temmen li dawn jeżistu biss, biss, biss biex iservu.

Minn sena ilu lil hawn, b’mandat governattiv ġdid li ddikjara kemm-il darba l-politika ‘liberali’ tiegħu, ma naħsibx li nistgħu ngħidu li rajna ‘terrimoti’ fir-rekuperu taċ-ċentralità taċ-ċittadin fl-istruttura governattiva jew statali. Din tat-terrimoti, jekk tiftakar, mhux jien qed noħroġ biha. Kienet issemmiet diversi drabi tul il-kampanja elettorali. Iżda s’issa ebda terrimot taċ-ċittadin ma nħass.

Bil-kontra, aktar ma mmorru aktar qed naraw il-klassi tas-setgħana tikseb bil-mod aktar u aktar setgħa. Ftit li xejn inbidel mill-gvernijiet konservattivi ta’ qabel f’dan l-aspett. Ftit setgħana fil-qalba tal-istituzzjonijiet governattivi kienu jgerfxu u jħawdu bejniethom wara bibien magħluqa, ... u hekk għadhom. Anzi, naħseb li, fil-fatt, id-dritt u l-via tal-manuvrar tagħhom żdied, mhux naqas.

Ċittadin aktar dgħajjef

Il-politika paternalista ta’ gvern li jaħseb għal ‘uliedu’, li jieħu deċiżjonijiet f’isimhom mingħajr u minn wara daharhom, li jqawwi l-mekkaniżmi tiegħu hu ħalli d-dgħajfa ‘ulied’ ikunu fiż-żgur; il-politika paternalista li temmen u tinvesti fl-istituzzjonijiet tal-‘esperti’, l-‘imdawla’ u l-‘imħarrġa’ ħalli ‘jipprovdu’ lill-‘ulied’ bl-għerf, l-esperjenza u l-bżulija tagħhom, din mhijiex politika li tixraq lil moviment li jissejjaħ liberali.

Il-gvern laburista jista’ qiegħed jiffunzjona aħjar mill-gvernijiet nazzjonalisti ta’ qabel―għall-anqas din hi l-impressjoni li tingħata―iżda dan ifisser li ċ-ċittadin komuni u ordinarju, mhux biss mhux qiegħed jikseb aktar sovranità u setgħa, imma fil-fatt qiegħed jiddgħajjef aktar u aktar. Aktar ma jissaħħaħ l-Istat, aktar jiddgħajjef iċ-ċittadin. Aktar ma l-Istat ikabbar, jirfina u jqawwi s-setgħa tiegħu, aktar tonqos is-setgħa taċ-ċittadin.

M’iniex qiegħed ngħid li dan m’għandux ikun jew hu ħażin (anki jekk naħseb li hekk hu). Li qed ngħid hu l-wegħda mhux din kienet. Il-wegħda, jekk fhimt sew, kienet li se jisbaħ jum ġdid fuq iċ-ċittadin meta dan isir sid ta’ pajjiżu; meta Malta tkun tiegħu, mhux tal-burokrati u t-teknokrati.

Malta ta’ min?

Il-Malta ta’ qabel Marzu 2012 hija l-istess Malta tallum bid-differenza li l-gvern hu ‘aħjar’, hu x’inhu dak li suppost tfisser din il-kelma. Jien nifhimha bħala ‘aktar effiċjenti’, ‘aktar organizzat’, ‘aktar kompetenti’. U, mid-dehra, hekk hu. Iżda din hi aħbar ħażina għaċ-ċittadin, li għalih ‘gvern aħjar’ kellha tfisser ‘anqas preżenti’, ‘jiggverna anqas’, ‘burokratu anqas’, ‘teknokratu anqas’. Fi ftit kliem, iċ-ċittadin ġie mwieħed gvern liberali, iżda kiseb gvern aktar konservattiv minn qabel.

Naturalment, dan minkejja l-islogans, il-propaganda, il-PRs u ċ-ċarlatiżmu kollu. Iċ-ċittadin ma jikbirx billi toqgħod tbusu u tgħannaqlu t-trabi tiegħu. Wisq anqas billi ġġegħilu jċapċap u jxejjer l-imkatar fil-pjazez. Iċ-ċittadin jikber, jikseb aktar ċentralità fl-istruttura politika, u jingħata s-setgħa biex pajjiżu jkun tabilħaqq tiegħu, meta biss jingħata s-setgħa legali fl-istituzzjonijiet statali u meta jkollu aktar sehem dirett fid-deċiżjonijiet ta’ kull parti fl-istruttura governattiva.

Dan mhuwiex qiegħed jiġri. Anzi, jien nara li qiegħed isir bil-kontra. Flok ma l-burokrati u t-teknokrati u l-politiċi qegħdin jingħataw il-ġenb biex flokhom jitqiegħed iċ-ċittadin, dawk in-nies qegħdin jingħataw importanza u pożizzjonijiet kritiċi u vitali dejjem aktar.

Fi Stat liberali, huwa ċ-ċittadin l-assolut, mhux l-istituzzjoni.


Comments

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?