Sunday, 22 June 2014

L-immoralità tan-NATO f’Malta

Xi dritt kostituzzjonali għandu min ta l-permess ħalli l-vapuri tan-NATO jidħlu Malta l-ġimgħa l-oħra? X’mandat nazzjonali għandu biex jinjora l-Kostituzzjoni u jġib fix-xejn snin sħaħ ta’ taqtiegħ għall-ħelsien? Il-kooperazzjoni effettiva man-NATO, hi x’inhi l-iskuża li għaliha ssir, mhux biss tmur kontra l-Kostituzzjoni, iżda tikkontradixxi l-ispirtu tal-politika tas-sliem li suppost inħaddnu.

Xi djalogu hu dan?

Bċejjeċ mill-flotta tan-NATO (imsejħin SNMCMG2) tħallew jidħlu Malta l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra. Skont kelliemi tan-NATO, din iż-żjara kienet waħda ‘skedata’, u saret “biex ittejjeb is-sigurtà marittima fir-reġjun u ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn Malta u n-NATO”. Waqt din iż-żjara, xi membri tal-flotta tan-NATO ipparteċipaw f’taħriġ mal-membri tal-Iskwadra Marittima Maltija.

Il-kmandant tal-SNMCMG2, Matthias Seipel, qal li ż-żjara tal-flotta hija parti mid-‘djalogu’ ta’ bejn Malta u n-NATO. Kellu l-isfaċċaġni jżid ukoll li ż-żjara hija maħsub sabiex “tippreserva l-għarfien tagħna (jiġifieri tan-NATO) dwar ir-reġjun u biex insaħħu l-koperazzjoni mal-imsieħba Mediterranji tagħna”.

Min-naħa ta’ Malta, ma sibt imkien li l-gvern Malti għamel xi stqarrija dwar din iż-żjara. Mid-dehra, minn din in-naħa ma hemm ebda skruplu; lanqas minimu ta’ xi tifsira għala l-Kostituzzjoni tiġi injorata b’dan il-mod jew għala l-għexieren ta’ snin ta’ taqtiegħ biex inkeċċu n-NATO minn Malta jiġu mwarrba bħallikieku ma kienu xejn.


In-NATO istituzzjoni qattiela

‘Djalogu’, ‘relazzjonijiet tajba’, ‘għarfien aħjar’, ‘kooperazzjoni’, ‘paċi’ ... dawn huma xi wħud mill-kliem giddieb li n-NATO ilha tuża minn żmien żemżem biex tgħatti xtura, u biex il-gwerra u l-qtil ma ssejħilhomx b’isimhom. Illum, fi żmien ta’ PR professjonali, dan mhuwiex anqas. Il-bużilleż hi din: li filwaqt li fl-imgħoddi konna nieħdu dawn il-kliem giddieb għal dak li kienu, illum nagħmlu ta’ birruħna li qegħdin nemmnuhom għal dak li jgħidu. Fejn qatt in-NATO kienet istituzzjoni ta’ djalogu, ta’ relazzjonijiet tajba, ta’ għarfien aħjar, ta’ kooperazzjoni jew ta’ paċi? In-NATO twaqqfet biex toqtol. Hu dan li taf tagħmel, u dan taf tagħmlu tajjeb, speċjalment taħt is-satra tal-wiċċ b’ieħor.

Dan m’għandniex għalfejn nistagħġbu bih. Dak li għandu jiskantana, u wkoll jirrabjana, huwa kif il-gvern Malti, marbut bil-Kostituzzjoni, marbut b’mandat elettorali, iżda aktar u aktar marbut bi spirtu ta’ politika ta’ paċi u ta’ newtralità―gvern Laburista, jekk ma tridx!― jaċċetta li n-NATO titmellaħ bih f’wiċċu u hu joqgħod għaliha bħal ċapsa. Huwa patetiku tara li, filwaqt li l-gvern, l-aktar permezz tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, iparla u jċarla mal-erbat irjieħ tal-globu dwar il-paċi fid-dinja, imbagħad fil-prattika u bil-fatti jħalli istituzzjoni qattiela bħan-NATO tiġi hawn liebsa ta’ ħamiema bajda, tingħata merħba u, jekk jogħġbok, noffrulha grogg fuq gabarrè tal-fidda!

Nuqqas ta’ kredibilità

L-attroċitajiet li n-NATO għamlet f’dawn l-aħħar ftit snin madwar il-Mediterran stess u anki f’partijiet oħra tad-dinja f’isem xiex saru? Mhux f’isem id-djalogu u r-relazzjonijiet tajba u l-għarfien aħjar u l-kooperazzjoni u l-paċi? Kien hemm bżonn dan biex inkunu nafu n-NATO xi ssarraf? Bl-aċċettazzjoni tan-NATO f’Malta―bla dubju, f’isem il-paċi u l-imħabba―il-gvern qed juri li jew ma jafx x’inhi n-NATO jew irid jiċċewweċ. Ara int liema l-aktar tgħodd.

X’ma għamlitx in-NATO fil-Libja u fis-Serbja u fl-eks-Jugoslavja u fil-Bosnea u fil-Kosovo u fil-Kroazja u issa fis-Sirja u fl-Ukrajna? X’ma għamlitx in-NATO fil-Pakistan u fl-Afganistan? Istituzzjoni aktar giddieba, qarrieqa u qattiela min-NATO ftit tista’ ssib fid-dinja. Eppure l-gvern ma jiddejjaqx ‘jikkoopera’ magħha u ‘jiddjaloga’ magħha!

Ħa jgħid il-gvern li jħobb il-paċi! Ħa jgħid li hu impenjat mija fil-mija favur l-armonija fil-Mediterran u l-ġid tal-ġnus! Min jista’ jemmnu f’dan il-qasam? Bin-NATO hawn ma jista’ jemmnu ebda bniedem deċenti u tal-affari tiegħu!

Huwa immorali li xi ħadd jiddjaloga u jikkoopera man-NATO. Sempliċi daqshekk. Aħseb u ara tilqagħhom f’darek bħala ħbieb!


Ara wkoll:
http://www.maltatoday.com.mt/news/national/40363/dominican_priest_enraged_at_murderous_nato_visits_to_malta#.U6w1k7Hc1KM

__________

Tweġiba minn Michael R. DeTar, Deputat Kap tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerka, fit-Torċa tal-Ħadd, 6 ta' Lulju tal-2014, p. 27, taħt it-titlu 'L-erba’ bastimenti':

Sur Editur, b’referenza għall-artiklu fil-gazzetta tiegħek miktub minn Fr Mark Montebello: l-erba’ bastimenti li żaru Malta bejn it-13 u s-16 ta’ Ġunju kienu parti minn Mine Counter-Measures Group, li jmexxi operazzjonijiet ta’ tneħħija ta’ mini u ta’ bombi ta’ żmien il-gwerra mil-baħar. L-għan ta’ dawn l-operazzjonjiet ta’ tindif hu li t-traffiku marittimu fil-Mediterran ikun aktar protett. Dan jipproteġi lil kull min ibaħħar fil-Baħar Mediterran, inklużi bastimenti u saj­jieda Maltin. Il-Mine Counter-Measures Group jiġbor ukoll informazzjoni fuq l-ambjent marittimu li hija ta’ importanza kbira għax-xjentisti u r-riċerkaturi. Iż-żewġ attivitajiet huma paċifiċi u ta’ benefiċċju għar-reġjun tal-Mediterran u għal Malta. M’għandna l-ebda dubju li l-fehmiet ta’ Fr Montebello huma frott ta’ konvinzjoni sħiħa. Madankollu, ma nistgħux naqblu li jkun preferibbli li tpoġġi s-sajjieda u l-ħajja ta’ oħrajn f’riskju billi jħallu dawn il-mini u munizzjon mhux sploduti fl-ibħra madwar Malta fejn jistgħu joħolqu ħsara, korriment jew telf ta’ ħajjet innoċenti.
__________

Tweġiba ta' Mark Montebello għal din l-ittra se tidher fit-Torċa tal-Ħadd, 13 ta' Lulju tal-2014.


Sur Editur, nirringrazzja lis-Sur Michael R. DeTar, Deputat Kap tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Malta, tal-ittra tiegħu li dehret il-Ħadd f’dan il-ġurnal b’referenza għall-artiklu tiegħi “L-immoralità tan-NATO” (Torċa, 22 ta’ Ġunju 2014).


Kulħadd jaqbel mas-Sur DeTar li l-ħajja tas-sajjieda u l-baħħara ma jitqiegħdux f’riskju minħabba l-mini u munizzjon ieħor mhux splodut li presumibbilment jeżistu fl-ibħra ta’ madwar Malta jew f’inħawi oħra tad-dinja. Kulħadd jaqbel li huwa att mill-aktar nobli li dawn il-perikli jitneħħew.

Iżda l-punt tal-argument kollu tiegħi mhuwiex dan kien. Il-punt kien: x’inhuma jagħmlu bastimenti tan-NATO f’Malta meta dan hu proskritt u pprojbit kostituzzjonalment?

Id-dħul tal-bastimenti tan-NATO f’Malta hija ksur tal-Kostituzzjoni. Dan jafu s-Sur DeTar (għalkemm jilagħba tal-iblah) u jafu l-gvern Malti (li jilagħba tat-trux u l-mutu). In-NATO għandha bażi navali fi Sqallija li hija 175 mil biss ’il bogħod minn Malta. Allura għalfejn ġew hawn il-bastimenti?

Is-Sur DeTar m’għandux jipprova jitmagħna r-ross bil-labra.

Grazzi




_________________________________
Nota: Fl-ewwel edizzjoni ta' dan l-artiklu, li dehret fit-Torċa tat-22 ta' Ġunju tal-2014, il-kelma "f'Malta" ma kinetx inġiebet fit-titlu, li, għaldaqstant, ġie jinqara: "L-immoralità tan-NATO". Ebda spjegazzjoni għal din il-bidla ma ngħatat.


2 comments:

  1. Ghandek ragun 100%
    Kemm il-gvern ta' qabel kif ukoll dan qed jiksru sfaccatament il-Kostituzzjoni.
    Qed jiksru l-GURAMENT li hadu li jharsu u jiddefendu l-Kostituzzjoni.
    Anki l-President kien halef u dik prezenti halfet li taghmel hekk.
    Imisshom jisthu dawn il-guramenti kollha foloz.

    ReplyDelete
  2. Would you mind publishing an English translation of this piece? There are many people in the world who could benefit from seeing it.

    I have a question for you, also. Is it not possible to mount a legal challenge against the governments for breaching of the constitution in these very serious ways? There must be some Maltese lawyers up to the task and I really believe that the courts of Malta have to be impartial enough to be able to rule on a clear constitutional issue such as this.

    ReplyDelete