Sejba mill-ġdid tal-komunità

Is-sens ta’ komunità, u aktar u aktar l-għajxien komunitarju, ġie ddiżintegrat totalment. Baqa’ biss bħala tifkira tal-anzjani. Fl-aħħar nofs seklu, għal diversi fatturi, il-komunità tilfet postha fis-soċjetà tagħna u flokha ħa postu għajxien ta’ entitajiet diżintegrati. Mhux għax dawn għandhom xi ħaġa agħar mill-oħra; iżda hija ċertament differenti għal kollox minnha. Mal-komunità ntilfu l-valuri tagħha u l-ħiliet li kapaċi tiżviluppa fin-nies.

Ħaġa tal-imgħoddi

Bin-nuqqas ta’ televiżjoni u Internet, b’ħinijiet anqas ta’ xogħol u b’nies anqas jaħdmu, sa madwar ħamsin sena ilu kemm il-membri ta’ kull familja u kemm il-familji individwali kienu jgħixu aktar qrib xulxin. Kellhom xi forma ta’ komunità sforzata; mhux magħżula b’rieda ħielsa, iżda mill-forza tal-kundizzjonijiet u d-drawwiet. L-anzjani dan jiftakruh sew u anki xi wħud minn uliedhom li llum jinsabu lejn nofs ħajjithom.

Bil-mod il-mod, dan spiċċa. Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ u t-tfal tal-lum lanqas biss jafu x’jiġifieri jgħixu f’komunità, la fil-familja tagħhom stess u wisq anqas ma’ familji oħrajn. Is-soċjetà tagħhom hija waħda mibdula għal kollox, fejn donnu kull individwu hu mistenni li jfendi u jaqdef għal rasu, fejn il-valuri ma jħeġġux għall-ġregarjetà iżda pjuttost għall-introversjoni.

Il-komunitajiet mhux biss kienu jġiegħlu n-nies jiltaqgħu ma’ xulxin u kważi kważi jgħixu flimkien, iżda, bil-problemi kollha tagħhom, kienu jittrasmettu ċerti attitudnijiet proprji ta’ għajxien estrovert u espansiv. Forsi l-aktar importanti, kienu jagħtu lin-nies is-sens li jaqsmu ma’ ħaddieħor kemm aspetti mill-ħajja tagħhom iżda wkoll ġidhom, it-talenti tagħhom u l-karatteristiċi tal-karattri tagħhom.

Nuqqas fostna

Mat-tisħiħ tal-ġid individwali ta’ kull familja kibru l-kumditajiet ta’ kulħadd, iżda wkoll naqqsu l-ħtieġa li n-nies ifittxu ’l xulxin, jagħmluha ma’ xulxin jew jussupplixxu għan-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Is-sens ta’ komunità u ta’ konvivenza beda jiġi bil-mod ddiżintegrat u jsir xi ħaġa tal-imgħoddi ‘privimttiv’. Ċertament, is-soċjetà rat tibdil kbir għall-aħjar. Iżda t-telfien tas-sens ta’ komunità forsi ma kienx parti minn dan.

F’dawn l-aħħar ftit snin, partikularment bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji fantastiċi f’idejn l-individwi, is-sens ta’ komunità kompla jindifen u jintesa għal kollox. Illum, tista’ tgħid li ħadd ma jgħix f’komunità u għada pitgħada, meta jikbru t-tfal tal-lum, dan se jkun minnu aktar u aktar. Bla dubju kibret il-kumdità għall-individwi. Iżda għall-komunitajiet, id-dinja saret aktar skomda u saħansitra ta’ antagonista. Il-komunitajiet donnhom m’għadx għandhom posthom fid-dinja tal-lum.

Sa fejn naf jien, apparti dawk reliġjużi u ospedaljieri, f’Malta u Għawdex ma teżisti lanqas komunità waħda. Iċ-ċittadini Maltin tal-lum ma jistax ikollhom esperjenza ta’ għajxien komunitarju jekk mhux forsi lil hinn minn xtutna. Din hi ħasra għax allura m’għandna ebda xhieda tal-valuri li huma endemiċi għar-realtà komunitarja, valuri li huma aktarx diametrikament opposti għall-valuri soċjali mifruxa u predominanti.

Duwa għall-mard

Mingħajr ma nidħol wisq f’dettall, jiena jidhirli li l-għajxien komunitarju huwa d-duwa għal ħafna mill-mard soċjali li jeżisti fosthna llum u li l-filosofija neoliberali konsumerista qiegħda tiggrava għall-vantaġġ tagħha. L-għajxien komunitarju jitlob transformazzjoni tal-persuni; jitlob mentalità ġdida; u jitlob fuq kollox viżjoni oħra tad-dinja.

Esperimenti ta’ dan it-tip jiena ma jidhirlix li smajt wisq bihom f’pajjiżna. Donna ninsabu f’fażi soċjali fejn għadna mgħammxa jew mixruba mill-ġid iġġenerat mas-sebgħinijiet lil hawn. Għalkemm bosta minna jidhru li jħossu ċ-ċertu dwejjaq li l-ġid ġab flimkien mal-kumdità li raddilna, donnu ftit li xejn minna jafu x’inhu li jridu jew x’inhu li jista’ jfarraġhom u jroddilhom is-sliem.

Ħafna minna jidhru li jafu li mixjin fid-dlam. Imma ma jafux kif għandhom ifittxu kif ikebbsu mqar xrara dawl. Bħal jafu x’ma jridux. Imma donnhom ma jafux xi jridu. Jien ngħidilhom li jridu l-għajxien komunitarju skont fasla li tista’ ssosniha u tkabbarha.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?