Tabib fl-Etjopja

Sa mill-2008, kont qiegħed ngħin lil wieħed żagħżugħ Etjopiku, Zemenu Fetene, isir tabib. Din kienet il-ħolma ta’ ħajtu u l-mod kif ried jgħin lill-poplu tiegħu. Kien tifel tat-triq, mingħajr missier u omm, u llum, għall-grazzja t’Alla, baqagħlu sena waħda biss sabiex jiggradwa tabib. Tul dawn is-snin għamel ħiltu kollha biex dalwaqt ikun jista’ jibda jaqdi lill-poplu li tant iħobb.

Qagħda mwiegħra

It-tobba fl-Etjopja huma skarsi ħafna. Jingħad li hemm b’kollox tabib wieħed għal kull 30,000 ruħ. Iżda din iċ-ċifra ma turix ir-realtà, għax ħafna mit-tobba fl-Etjopja jaħdmu fl-ibliet il-kbar, bħal f’Addis Ababa (li fiha jgħixu aktar minn tliet miljun ruħ) u oħrajn. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Etjopika, li tgħix ’il bogħod mill-ibliet mifruxa fil-wesgħat bla qjies tal-pajjiż, jinsabu mingħajr ebda għajnuna medika ta’ xejn.

Permezz ta’ interventi qawwija tal-Ġnus Magħquda u organizzazzjonijiet dinjija oħrajn, il-qagħda ta’ saħħa fl-Etjopja tjiebet ħafna f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Minkejja dan, għadha preokkupanti r-rata kruda tal-imwiet ikkawżata l-aktar minn mard kurabbli. Meta f’Malta, ngħidu aħna, bniedem jistenna jgħix madwar 82 sena, fl-Etjopja ma jistenniex li jista’ jaqbeż is-60 sena ta’ ħajja (jekk ikun iffurtunat). Hemmhekk, in-nies imutu l-aktar bid-dijarea, il-pnewmonja u l-malarja.

Meta jien qattajt xi żmien fl-Etjopja, kont nara gżuż ta’ nies jimxi għal jiem sħaħ mili kbar biex forsi jirnexxielhom jaraw tabib. Mhux l-ewwel darba li rajt lil xi ħadd iġorr xi mara fuq dahru u jimxi biha lejl u nhar sa ma jasal f’xi klinika. Miljuni ta’ Etjopiċi lanqas dan il-lussu ma għandhom u jmutu mingħajr ma jkunu qatt raw tabib f’ħajjithom.

Storja tal-biki

Zemenu mhux ta’ b’xejn dan kollu ħalla impressjoni qawwija fuq ħajtu. Huwa ra lil qrabatu, ’il ħbiebu u lil ommu stess imutu f’età żagħżugħ minħaba nuqqas ta’ attenzjoni medika. Orfni waħdu, Zemenu għex għal snin sħaħ ġo sptar kważi abbandunat sakemm kellu l-fortuna li jsib għajnuna mingħand komunità ta’ Kapuċċini. Kieku kien imut adolexxent bħall-bqija ta’ tfal tamparu.

Jien kont iltqajt miegħu għand il-patrijiet. Meta sirt naf mingħandu l-istorja ta’ ħajtu bqajt mibluh. Dawn l-affarijiet altru tisma’ bihom u altaru tiltaqa’ magħhom wiċċ imb’wiċċ. Meta tara l-miżerja u n-nuqqas ta’ tama li fiha jkun bniedem tant żagħżugħ, u fl-istess ħin tiftakar fil-kumdità u l-ġid li fihom ngħixu hawn Malta, tħossok imnixxef. Kien hemm li, fil-limitazzjonijiet tiegħi, bdejt ngħin lil Zemenu fil-ħolma li kellu.

Din il-ħolma kienet li jsir tabib. Ħass li l-aħjar mod kif seta’ jgħin lil pajjiżu u ’l poplu tiegħu kien billi joffri dan is-servizz. Kien qalli hu stess li ma riedx jara aktar persuni fl-aqwa ta’ ħajjithom―bħal ommu stess u ħbiebu kollha―jintemmu u jinqerdu bla bżonn qabel iż-żmien.

Talba għal donazzjoni

Għal dawn l-aħħar sitt snin jiena għent kif stajt lil Zemenu biex nħallasu xi ftit mill-ispiża edukattiva tiegħu. L-edukazzjoni fl-Etjopja mhijiex b’xejn u wieħed jista’ jimmaġina x’somom relattivament kbar irid iħallas biex jibda u jispiċċa kors għal tabib. Terġa’ u tgħid, fi żmien sitt snin l-inflazzjoni fl-Etjopja żdiedet gradwalment, u l-ispejjeż saru dejjem akbar.

Għall-bidu, kien ikun biżżejjed li nibgħat lil Zemenu 300 ewro bejn wieħed u l-ieħor kull sitt xhur. Mas-snin, 500 ewro kull tliet xhur bil-kemm ikunu biżżejjed. Imnalla jien ngħin b’biċċa biss mill-ispiża kollha (hemm xi Amerikani sħab miegħi), u mnalla wkoll li l-Ewro hi ħafna aqwa mill-Birr (il-flus tal-Etjopja), għax kieku ma kienx possibbli li ngħin daqstant. Il-flus jien ġbarthom mingħand in-nies. Kienu huma li salvaw lil Zemenu.

Issa jien minn hawnhekk nixtieq nagħmel appell ieħor għad-donazzjonijiet. Għax flus ma baqagħlix x’nibgħatlu. Fadal l-aħħar biċċa tat-triq u nitlob ’l Alla li ma jkollix ngħid lil Zemenu li l-bir nixef. Għaldaqstant, jekk issibha ġo qalbek li tibgħatli xi ħaġa għalih, inkun grat ħafna:

Kunvent tad-Dumnikani, Triq Santa Monika, Pietà PTA 3111 
jew
HSBC a/c 023-160-989-051.

Mhux lili tkun qed tgħin, iżda lill-Etjopja biex dalwaqt ikollha tabib ieħor b’servizz għall-poplu tiegħu. Grazzi.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?