Ħajjiet ‘skriptjati’

Il-kelma ‘skriptjati’ hija waħda minn dawk il-barbaritajiet fl-ilsien Malti li sirna nużaw flimkien ma’ oħrajn mill-ilsien Ingliż, bħal ‘eddjani’ (add me), ‘illajkjah’ (like it), ‘ibbrawsja’ (browse), ‘essemessjani’ (SMS me) u ħafna oħra. Mhuwiex il-ħsieb tiegħi hawnhekk li nidħol f’diskussjoni dwar dawn; ċert li hemm min forsi jinkwietawh aktar minni. Xtaqt biss nieqaf ftit fuq il-kelma ‘skript’ (script) u l-qraba tagħha.

Deċiżjonijiet

Il-kelma ‘skript’ ġejja mil-Latin ‘scribere’ (jiġifieri: kitba, ktieb, liġi, linja, marka). Il-verb transittiv li joħroġ minnha, ‘skriptjat’, jindika xi ħaġa maħsuba u ppjanata minn qabel li, għal din ir-raġuni, tista’ tidher artifiċjali. Rexta, film jew kwalunkwe xandira oħra ħafna drabi huma ‘skriptjati’ għax xi ħadd ikun ħasbilhom u kitbilhom kif għandhom isiru.

Meta ngħidu, b’estensjoni, li ħajja hi skriptjata nifhmu li xi ħadd ikun qed jgħix ħajja li hu/hi jew xi ħaddieħor ikun ippjanaha minn qabel. Il-persuna tkun qisha qed tgħix rexta li xi ħadd iddeċieda x’direzzjoni għandha tieħu u kif għandha tkun, għall-anqas fil-linji ġenerali tagħha. Il-persuna, għalkemm fil-libertà li tieħu deċiżjonijiet żgħar ta’ kuljum, mhijiex libera biex tieħu d-deċiżjonijiet il-kbar ta’ ħajjitha. Dawn jagħmilhomlha ħaddieħor.

F’ħajjiet skriptjati mhemmx spontanjetà kbira. Hemm, pjuttost, ubbidjenza xi ftit jew wisq riġida għal x’inhu mistenni mill-persuna, kif għandha ġġib ruħha b’mod ġenerali, u x’identità għandha tassumi skont il-parti tagħha fil-kuntest soċjali wiesa’.

Skript trasparenti

Hija l-fehma tiegħi li l-biċċa l-kbira tagħna ngħixu ħajjiet skriptjati. Ovvjament, mhux fis-sens li jeżisti xi ħadd li materjalment jikteb skript. Iżda fis-sens li, mingħajr ma jeżisti skript fiżiku bħal dan, insegwu mod preskritt ta’ x’għandha tkun l-identità tagħna u kif għandna nġibu ruħna. Hija s-soċjetà ġenerali (affettwata minn kurrenti akbar fl-ekonomija u l-politika) li, effettivament, tieħu dawn id-deċiżjonijiet għalina. Aħna nsegwu biss id-dittami tagħha.

Ġewwa l-familji ta’ trobbija, ġewwa l-iskejjel li nattendu u permezz tal-għaqdiet kbar u żgħar li niffrekwentaw sa minn ċkunitna, aħna nitgħallmu x’inhu dan l-‘iskript’ u ngħaddu l-bqija ta’ ħajjitna ngħixuh à la lettera. Qisna fuq vapur li, għalkemm għandna l-libertà nduru fuqu ’l hemm u ’l hawn u nieħdu deċiżjonijiet oħra ta’ natura personali, m’aħniex il-kaptan tiegħu; jeħodna ’l fejn irid hu u jwassalna fejn irid hu.

Il-kultura, l-arti, ir-reliġjożità, il-filosofija u attivitajiet oħra ‘spiritwali’ ħafna drabi, jekk mhux dejjem, huma parti mill-iskript. Lanqas huma m’huma l-kaptan. Wara kollox, huma biss tagħmir ta’ vapur li, bihom u mingħajrhom, xorta.

L-obbligu

Ħajjiet skriptjati huma kollha artifiċjali. Jiddiżnaturaw il-bniedem li l-kwalità distintiva tiegħu hija l-libertà, tal-ħsieb daqskemm tal-azzjoni. Jaljenawh minnu nnifsu, mill-identità tiegħu, u mis-sehem li għandu jkollu fil-ħajja, f’tiegħu daqskemm f’ta’ ħaddieħor. Jifirduh minnu nnifsu u fih innifsu għax iġibuh pupazz, attur, performatur, mingħajr ma jista’ jkun artist.

Min irid jagħmel pjaċir lilu nnifsu, lil ħaddieħor u lis-soċjetà, u fl-istess waqt ikun fidil lejn in-natura u l-identità tiegħu fiha, irid jasal biex ‘iqatta’’ l-iskript u jgħix ħajtu mingħajru. Jew jikteb wieħed hu stess. Dan mhuwiex faċli, għax jitlob l-ispiritwalità ta’ maturità ġdida u l-maturità ta’ spiritwalità ġdida. Jitlob, fuq kollox, il-kuraġġ tad-diżubbidjenza.

Ħadd minna ma hu obbligat li jobdi l-iskript, iżda fil-fatt kulħadd iħoss l-obbligu. Iżda hemm obbligu akbar lejn awtorità ogħla. Hemm ukoll, wara kollox, obbligu lejna nfusna.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?