Dun Ġorġ fl-ewwel nofs ta’ ħajtu (1880-1921)

F’dan li ġej se nippruvaw nistħarrġu fil-qosor l-istorja ġewwinija ta’ Dun Ġorġ fuq l-isfond ta’ diversi ‘ambjenti’ li aktarx sawruha, fosthom il-familja tat-trobbija tiegħu, il-qagħda ta’ Malta fi żmien l-ewwel nofs ta’ ħajtu, l-edukazzjoni formali tiegħu, u l-politika tal-Knisja Kattolika. Fl-aħħar nisiltu ftit prinċipji filosofiċi li setgħu nebbħuh fil-missjoni li wettaq.

Meta naqraw dwar il-ħajja ta’ San Ġorġ Preca (1880-1962) – kif ukoll dwar dik tal-biċċa l-kbira ta’ qaddisin oħrajn – ħafna drabi l-inqas li ningħataw tagħrif huwa dwar it-tiswir psikoloġiku u t-tħejjija intellettwali tiegħu. Filwaqt li jgħidulna x’għamel u x’m’għamilx, fejn mar u ma marx, u x’qal u x’ma qalx, ħafna drabi jinjoraw għal kollox l-istorja l-aktar importanti u essenzjali tiegħu: dik psikoloġika, affettiva u formattiva; dik l-istorja li ma tidhirx; li hi moħbija mill-għajnejn tal-pubbliku.
        Dan in-nuqqas jista’ jidher tabilħaqq tal-għaġeb meta tqis li t-tiswir psikoloġiku u t-tħejjija intellettwali ta’ persuna huma l-mutur li jmexxi u jħarrek bniedem f’dak kollu li jaħseb, jgħid u jagħmel.
        Mingħajr ma nintebħu, is-seħer kollu ta’ nies bħal Dun Ġorġ – kemm għall-kontemporanji tiegħu, kif ukoll għalina – tiġi minn din l-istorja moħbija mentali u affettiva. Huwa wisq probabbli li, jekk ma niskoprux lilha, aktarx nibqgħu ma nistgħux inkunu nafu tabilħaqq min kien Dun Ġorġ. Għaldaqstant, analiżi filosofika professjonali tiegħu, bħalma qegħdin nagħmlu hawnhekk, l-aktar li tinteressaha hija proprju din l-istorja psikoloġika u intellettwali tiegħu għax huma dawn li waħedhom jagħaġnu l-personalità tal-individwu u ħafna drabi jikkundizzjonaw l-aġir u l-ħidmiet tiegħu tul ħajtu kollha.

1. Il-familja tat-trobbija

Dun Ġorġ għadda l-ewwel sitt snin ta’ ħajtu, mill-1880 sal-1886, fl-inħawi ta’ bejn il-Mandraġġ u l-Baviera, il-Belt, qrib il-knisja tal-Karmnu.1 Il-familja tiegħu ma kinetx minn dawk li f’dak iż-żmien kienu jissejħu tal-‘pastażi’, iżda tal-‘puliti’.2 Id-differenza kienet kwestjoni ta’ qagħda ekonomika u klassi soċjali. Il-pastażi kienu l-fqar; il-puliti kienu tal-klassi ekonomika medja. Il-familja ta’ Dun Ġorġ, infatti, kienet sta bene, kif ngħidu,3 u kellha saħansitra s-seftura.4 Id-dħul finanzjarju – kemm mill-pagi tal-missier (spettur tas-sanità5 u, aktar tard, merkant6) u ta’ ommu (għalliema),7 kif ukoll mill-proprjetà konsiderevoli li l-koppja kellhom mill-anqas fil-Ħamrun, il-Belt u l-Birgu8 – kien kostanti u tajjeb ħafna għal dak iż-żmien.
        Dan hu biżżejjed sabiex jurina li, relattivament, kontra l-biċċa l-kbira tat-tfal ta’ dak iż-żmien, Dun Ġorġ trabba fil-ġid. Dan ma setax jingħad għal kulħadd. Skont rapport uffiċjali tal-gvern kolonjali Britanniku f’Malta (1840), ‘il-Maltin kienu f’qagħda mill-aktar miżera. Minħabba l-politika uffiċjali, dawk bl-iskola kienu ftit li xejn; in-nobbli qed imutu bil-ġuħ u l-bqija tal-popolazzjoni jinsabu f’sitwazzjoni ħafna agħar’.9 Minn kull erbat irġiel li kienu kapaċi jaħdmu, wieħed kien bla xogħol fiss. Imma anki dawk li kienu jaħdmu b’mod fiss ma kellhomx dħul finanzjarju biżżejjed għall-għajxien tal-familja tagħhom.10 ‘Id-dħul tal-Maltin,’ kien ikkummenta osservatur Ingliż fl-1882, ‘hu hekk baxx li kull tentattiv biex tinżamm dik id-dehra li l-Ingliżi jqisu diċenti jsir eżerċizzju li jixlihom’.11
        Dun Ġorġ trabba wkoll imfissed. Mhux biss kellu tliet ibniet qablu (ta’ 10, 8 u 7 snin) biex jaqbdu fih,12 u anki seftura, imma kien ukoll tfajjel marradi li, skont hu stess, ommu kienet tittrattah bħallikieku kien pupu tal-porċellana.13
        Dawn il-kundizzjonijiet fit-trobbija ta’ Dun Ġorġ jissuġġerixxu li kellu ambjent protett ħafna (espress aktar tard f’organizzazzjoni li tipproteġi ż-żgħażagħ u t-tfal). Setgħu wkoll żviluppaw minn kmieni dik l-ispiritwalità Kattoika tipika ta’ dak iż-żmien għal nies tal-klassi tiegħu, waħda li tisħaq l-aktar fuq il-benefiċenza u fuq il-ħarsien tal-ordni naturali/divin. Infatti, it-teoloġija Kattolika ta dak iż-żmien aċċettat għal kollox li l-fasla soċjali kienet, mhux biss naturali, imma wkoll divina. Għaldaqstant, apparti li l-ħakkiem kellu d-dritt li jikkmanda daqskemm il-maħkum li jobdi, is-sinjur kien fid-dmir li joffri l-benefiċenza lill-fqir daqskemm il-fqir li jkun ġwejjed u ubbidjenti. Skont din it-teoloġija, dan kien eżatt skont il-pjan ta’ Alla u skont l-ordni naturali tad-dinja, anki l-faqar u anki l-benefiċenza. Dan l-ordni naturali jew il-pjan divin ta’ kif kienu organizzati l-affarijiet ma seta’ qatt jinqeleb jew jinbidel. Il-bnedmin ma setgħux ‘jimminaw it-tronijiet tad-drittijiet divini’, kif kien jingħad f’dak iż-żmien.14 Dan lanqas l-organizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ, snin wara, ma kellha l-iċken intenzjoni li tagħmlu.

2. Il-qagħda Maltija

Ideoloġikament, il-poplu li Dun Ġorġ trabba f’nofsu kien jaċċetta bħala naturali l-ħakma tal-barrani. Kemm il-poplu, kif ukoll il-mexxejja tiegħu, ma kinux imorru lil hinn mill-assunzjoni li Malta għandha tkun maħkuma minn qawwa politika u militari kbira bħalma kienet dik tal-Ingliżi. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin ma kinux direttament ippersegwitati jew maħqura, imma kienu saru parti minn fasla soċjali li fl-aspetti kollha tagħha kienet qiegħda tifliġhom.
        Ekonomikament, Malta kienet biss sinna inferjuri fl-ingranaġġ enormi tal-imperu Ingliż. Il-miżerja tal-biċċa l-kbira tal-Maltin ma kinetx qiegħda tiġi miżmuma biss bl-operazzjoni attiva ta’ xi wħud li kienu mdaħħlin fil-mekkaniżmu tad-deċiżjonijiet amministrattivi tal-politika f’Malta, imma wisq aktar bil-kooperazzjoni passiva tal-mases. Il-Maltin kienu ġew imdorrijin jaħsbu biss f’termini ta’ ħakma u ma kinux jiddubitaw mis-sistema. Bin-nuqqas ta’ ħila li jieħdu azzjoni kontriha, il-biċċa l-kbira tal-Maltin kienu qegħdin jaċċettaw implicitament l-istat oppressiv tagħhom u taċitament jikkonfermew il-qagħda magħkusa u mwarrba li kienu qegħdin jgħixu fiha.
        Il-mexxejja politiċi tal-Maltin kienu maqsumin bejn Riformisti u Antiriformisti, maqbudin f’taqbida ħarxa dwar l-identità kulturali tal-poplu Malti: min ried jiddefiniha f’termini Puniċi f’kuntest ta’ realtà Anglo-Sassona u min f’termini Latini. Dawn kienu nqasmu b’reazzjoni għal tliet Kummissjonijiet Rjali Britanniċi li kienu saru bejn l-1877 u l-1878 dwar l-ekonomija u t-tassazzjoni, is-sistema edukattiva, u l-amministrazzjoni u t-tinfiq pubbliku.15 B’xi mod jew ieħor, il-Kummissjonijiet riedu li tisseddaq l-‘anglikanizzazzjoni’ tal-Maltin. Filwaqt li r-Riformisti (ta’ Sigismondu Savona) kienu favur, l-Antiriformisti (ta’ Fortunat Mizzi) kienu kontra. It-taqbid bejn iż-żewġ naħat laħaq quċċata fl-1898, meta Dun Ġorġ kellu tmintax-il sena, minħabba li Ġeraldu Strickland (is-Segretarju Ewlieni tal-gvern) ippropona aktar riformi fil-qasam edukattiv.
        ’Il bogħod minn dawn it-trikkitrakki ta’ politiċi li fl-aħħar mill-aħħar kienu qegħdin jgħadduha ħarir, jekk mhux anki tajjeb, il-poplu Malti kellu preokkupazzjoni kważi waħdanija: kif se jirnexxielu jitma’ lil uliedu. Mill-bqija, kien bir-reliġjon li jehda l-aktar. L-uniċi partiti li l-poplu kien jidentifika ruħu magħhom kienu dawk tal-banda, li f’dan iż-żmien kibru u ssaħħew bla qies. Għalih il-festa tar-raħal, is-superjorità tal-każin, it-tlellix taċ-ċerimonji u t-tiżjin tal-knejjes kienu ħafna aktar importanti minn x’kienu qed jagħmlu l-politiċi. Hekk jew b’hekk, il-poplu ż-żgħir ma kellux problemi ta’ identità kulturali, u wliedu skola ma kinux imorru.
        ‘Min irid jara l-istat li fih tinsab imwassla Malta,’ kellu jgħid Manwel Dimech fl-1901, ‘għandu joqgħod jgħodd it-tallaba li jinsabu jiġġerrew mal-pajjiż. Nistgħu ngħidu li, minn kull tlieta min-nies li niltaqgħu magħhom, wieħed huwa tallab! Tallaba fl-ibliet, tallaba fl-irħula, tallaba fil-kafejiet, tallaba fi bwieb il-knejjes, tallaba jħabbtu wara l-bwieb tad-djar, tallaba jidhru fit-triqat mhux iżjed wieħed wieħed u tnejn tnejn, imma qatta qatta. L-art tat-tallaba saret tista’ tissejjaħ l-art tal-Maltin!’16

3. Il-karattru personali

Diġà rajna li Dun Ġorġ qatt ma kellu f’moħħu li b’xi mod jaqleb ta’ taħt fuq is-sistema politika u ekonomika inġusta li fiha kien qed jgħix il-poplu Malti. Frankament, la kellu r-rieda li jagħmilha u wisq anqas it-tħejjija psikoloġika meħtieġa sabiex iwettaqha. Probabbilment, qatt ma seta’ jifhem sewwa, anki jekk ried, il-proċessi kumplessi ta’ fasla ekonomika li kienet fundamentalment ħażina.
        Lill-poplu l-fqir Dun Ġorġ ma kienx jafu jekk mhux b’mod distakkat. Hu qatt m’għex fil-faqar u, għaldaqstant, il-faqar qatt ma seta’ jkun jaf xi jfisser f’termini reali. Bħala ċittadin tal-klassi medja (u, aktar tard, bħala parti minn istituzzjoni qawwija u komda bħalma kienet il-Knisja), Dun Ġorġ qatt ma seta’ jkollu l-ħila jobsor l-implikazzjonijiet gravi tal-għaks fuq kull livell tal-ħajja jew inkella il-profondità u l-intensità tal-umiljazzjoni, is-sens ta’ ħtija u d-deterjorazzjoni fiżika u mentali li l-għaks ġab miegħu.
        Terġa’ u tgħid, Dun Ġorġ kien minn qaddisu beżżiegħ.17 Hu stess kien jgħid li kien qisu ‘tiġieġa mgħaxxa’.18 Drabi oħra kien qal li ‘kont qisni sitt ħabbiet xaħam f’karta’.19 It-tfal tamparu kienu draw il-karattru godard tiegħu u, meta kienu jitqassmu għal-logħob u lilu ma jagħżlu ħadd, fl-aħħar xi ħadd kien jgħid: ‘Lil Ġorġ ħuduh b’xejn!’20 B’karattru bħal dan, kull azzjoni li seta’ jieħu Dun Ġorġ, kemm ta’ tifel u kemm ta’ adult, ma setgħetx ma tkunx nieqsa minn sentimenti ta’ taqiegħ, ribelljoni u insidjożità. Bil-kontra, fi qbil mal-karattru tiegħu, kellha tkun azzjoni sielma u siekta, anki jekk persistenti.
        Min-naħa l-oħra, Dun Ġorġ kien tifel b’fantasija irrealistika.21 Kien jiffantastika li kien qalbieni u li kellu l-ħila sa jitqabad mal-akbar golf u jirbaħlu. Psikoloġikament, dan hu aktarx indikattiv ta’ persuna bi stima pjuttost baxxa tagħha nnifisha, persuna li, sabiex twettaq xi azzjoni sinifikattiva, teħtieġ l-appoġġ qawwi u kostanti ta’ ħaddieħor. Meta kiber, l-organizzazzjoni tiegħu setgħet serviet ukoll għalhekk.
        Fuq kollox, Dun Ġorġ kien persuna marradija.22 Aktar minn hekk, kien konxju ħafna ta’ dan. Dun Ġorġ mhux biss intlaqat mit-tufojde meta kien għadu żgħir,23 imma qabel ma ħa l-quddiesa kellu kriżi qawwija ta’ dik li setgħet kienet fibrosi ċestika, jiġifieri marda ġenetika kronika fil-pulmun,24 li f’dak iż-żmien ma kienx hemm kura għaliha.25 Jista’ jkun li kien għalhekk li kien jibla’ riħ f’ieħor tul l-ixtiewi kollha.26 Hu x’inhu, hemm evidenza biżżejjed sabiex tissuġġerixxi li Dun Ġorġ kien il-ħin kollu mbażża’ mid-dgħufija tal-fiżiku tiegħu.27 Infatti, kien spiss jgħid: ‘Kif nista’ jien norbot qalbi mad-dinja meta nistenna l-mewt minn ħin għall-ieħor?’28 Din tista’ tidher li kienet tingħad b’nofs ċajta, iżda ċajta ma kinetx, għax jidher li attitudni bħal din ġegħlitu jkun mixħut għall-pessimiżmu, speċjalment fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ oħrajn.29
        Dawn il-kwalitajiet kollha tal-karattru personali ta’ Dun Ġorġ aktarx jindikaw li l-ispiritwalità li seta’ jiġi dirett lejha kienet waħda introverta u mistika, u li kull azzjoni pubblika li seta’ jwettaq kienet tkun f’sinkronija ma’ dik l-ispiritwalità. Fil-fatt, dan kien evidenti fil-ħajja kollha tiegħu.

4. L-edukazzjoni inizzjali

Fi żmien it-tfulija ta’ Dun Ġorġ ma kien hemm ebda obbligatorjetà skolastika. Il-biċċa l-kbira tat-tfal, speċjalment tal-fqar, ma kinux imorru skola, kemm minħabba li kienu jgħinu lill-familji tagħhom jdawru sold u anki għaliex ma kienx ikollhom x’jilbsu, la ħwejjeġ u lanqas żraben. Dun Ġorġ ma kienx bħal dawn it-tfal. Għaldaqstant, huwa beda jingħata edukazzjoni formali sa minn ċkunitu.
        L-ewwel m’attenda kienu l-iskejjel primarji ta’ Birkirkara30 (fejn il-familja marret toqgħod fl-1886, meta Dun Ġorġ kellu sitt snin)31 u l-Ħamrun32 (fejn marret, fi Strada Rjali, ftit tax-xhur wara).33 Fl-1892, ta’ tnax-il sena, Dun Ġorġ daħal il-Liċeo, il-Belt,34 fejn dam sal-1896.35 Sentejn wara, fl-1898, ta’ tmintax-il sena, daħal is-seminarju, il-Furjana, jistudja għal qassis.36 Spiċċa s-seminarju tmien snin wara, fl-1906, ta’ sitta u għoxrin sena.37 Wara dan, m’għamilx studji formali aktar.
        Għal persuna tal-klassi soċjali tiegħu, Dun Ġorġ irċieva edukazzjoni formali tipika. L-istess fis-seminarju. Hawnhekk il-filosofija u t-teoloġija kienu jiġu mgħallma skont il-ħsieb Tomista hekk kif imġedded mill-Æterni patris (1879) tal-Papa Ljun XIII ’l quddiem.38 Fost l-opri ewlenin li kienu jiġu mgħallma, kien hemm dawk taż-żewġ Ġiżwiti famużi, Mattew Liberatore (1810-1892) u Josef Kleutgen (1811-1883). Dawn l-istudji setgħu taw lil Dun Ġorġ bażi filosofika biżżejjed sabiex, fuq il-livell intellettwali, jifhem xi ftit aħjar x’kien qiegħed jiġri madwaru fid-dinja soċjali u politika.
        Min-naħa l-oħra, it-tnebbiħ biex Dun Ġorġ jibda xi tip ta’ organizzazzjoni kateketika jidher li ġie bil-mod il-mod. Meta fl-1905, il-familja reġgħet biddlet ir-residenza tagħha fil-Ħamrun stess, minn Strada Rjali ’l isfel għal ħdejn il-knisja ta’ San Gejtanu,39 li biċċiet mill-kumpless tagħha (inkluż iz-zuntier) kien għadu qed jinbena.40 Dun Ġorġ kien jitlajja madwar il-knisja u kien jinnota li fl-għalqa ta’ quddiemha, magħrufa bħala Ta’ Luxtu,41 kienu jintefgħu ċorma ġuvintur ipejpu u jiċċaċċraw. Dun Ġorġ kien sar jafhom sew u kien joqgħod jitħaddet magħhom.42 Dan jidher li wasslu sabiex jinnota li l-formazzjoni kateketika tagħhom kienet nieqsa għal kollox. Dwar dan kien joqgħod jitħasseb ħafna.43 It-tnebbiħ li jibda jlaqqa’ lil xi wħud minn dawk il-ġuvintur b’mod aktar formali jidher li tnissel minn hawn. Dwar dan Dun Ġorġ tkellem mal-konfessur tiegħu, Dun Alwiġ Attard, f’Jannar tal-1907.44 Xahar wara, fi Frar, beda jlaqqa’ l-ftit ġuvintur għat-tagħlim tal-katekiżmu fil-knisja Ta’ Nuzzu, il-Ħamrun stess.45 Imbagħad, fl-4 ta’ Marzu, kera dar (magħrufa bħala n-‘Numru Sei’)46 fi Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Din id-data hija meqjusa minn xi wħud bħala l-bidu tal-M.U.S.E.U.M.47
        Hu magħruf li, sax-xhur ta’ qabel ma ħa l-qaddiesa (jiġifieri sal-ħarifa tal-1906), Dun Ġorġ ma kellu ebda idea ċara fiex kellu japplika ruħu pastoralment.48 Jidher li, flimkien ma’ preokkupazzjonijiet pastorali oħra li seta’ kellu f’dak iż-żmien, kien hemm, kif stqarr hu stess, li t-tagħlim tal-katekeżi fil-parroċċi ‘ma kienx organizzat wisq’.49 Tidher li kienet din l-idea ewlenija li nebbħet lil Dun Ġorġ, jiġifieri l-injoranza duttrinali. Fi ħsiebu ma jidher li kien hemm qatt xi idea ta’ titjib soċjali ta’ xi tip strutturali. Il-kunċett inizzjali tiegħu kienu purament klerikali fl-essenza tiegħu.

5. Il-fama

Hekk kif, f’Marzu tal-1907, beda l-ħidma pubblika tiegħu, Dun Ġorġ beda mill-ewwel jiġi mwieżen min-nies fil-kuntest aktar wiesgħa tal-qagħda soċjo-reliġjuża Maltija, speċjalment fid-dawl tas-suspett li l-kuruna Britannika kienet qed tuża mezzi insidjużi sabiex bil-mod il-mod twettaq l-‘anglikanizzazzjoni’ ta’ Malta.
        Sa żmien Dun Ġorġ, ftit li xejn jidher li kien hemm f’Malta inizzjattivi simili għal tiegħu, għajr forsi dak ta’ Dun Franġisk Bonnici fl-1884. Flimkien ma’ grupp ta’ qassisin oħra, dan kien jgħaddi minn raħal għal raħal jgħallem il-katekiżmu lit-tfal.50 Dun Ġorġ kien jafu dan, għax fl-1888 Dun Franġisk kien waqqaf id-Dar ta’ San Ġużepp fil-Ħamrun, u kien għadu kemm miet fil-Ħamrun stess fi tmiem l-1905.51
        Malli Dun Ġorġ beda jaħdem min-‘Numbru Sei’, xi nies immedjatament qalgħuha li din kienet loġġa tal-mażuni.52 Ir-raġuni ma kinetx biss li l-isem kien aktarx stramb u jissuġġerixxi xi ħaġa sigrieta jew moħbija (bħalma kienu l-proċessi tal-loġġa), imma ukoll aktarx minħabba li l-kunċett ta’ Dun Ġorġ kien kontra l-vina ta’ dak li dejjem sar is-soltu fis-sistema pastorali Kattolika f’Malta.
        Iżda dan ma kienx kollox. Kien hemm suspett sostenut u apparentement mifrux – anki fost il-kleru – li fil-fatt Dun Ġorġ kellu ‘moħħu ħafif’,53 forsi minħabba l-marda pulmunari kronika li kellu.54 Dan ma kienx xi suspett moħbi u mzekzek minn wara daharu. Anzi, kien pubbliku u spiss kien jingħad f’wiċċu b’ton ta’ tmaqdir.55 Infatti, fl-ewwel snin tal-ħidma tiegħu, Dun Ġorġ kemm-il darba ġie mgħajjar min-nies pubblikament fit-triq u nsultat li ‘tilef rasu’.56
        Dawn l-imputazzjonijiet ta’ mażunerija u ta’ ġenn patoloġiku fil-konfront ta’ Dun Ġorġ ma kinux jingħadu b’sens figurattiv jew omoristiku. Min kien jagħmilhom aktarx kien jifhem litteralment dak li kien qed jgħid. Il-konnotazzjoni kienet li Dun Ġorġ kien iddakkar mill-ereżiji Protestanti. Kien għalhekk li, fl-1907, qabel ma Dun Ġorġ ta lill-organizzazzjoni tiegħu l-isem ta’ ‘Mużew’,57 malajr beda jsejħilha l-‘Kumpanija tal-Papidi’ (jiġifieri Wlied il-Papa). Dan stqarru hu stess meta qal li dan l-isem kien għażlu ‘biex lilha nżommha mbiegħda minn kull suspett ta’ ereżija’.58 Minħabba li popolarment u uffiċjalment Dun Ġorġ u sħabu bdew jitqiesu bħallikieku kienu Protestanti eretiċi minħabba r-riformiżmu impliċitu tagħhom,59 l-oppożizzjoni ġieli ħadet xejriet vjolenti fiżikament, bħalma ġara f’Għawdex fil-bidu tal-1914, meta ġew mixħuta ġebel lil sħab Dun Ġorġ.60 Fl-istess żmien, il-gazzetti Is-Salib u Malta Taghna xandru ittri koroh kontra Dun Ġorġ li akkużawh bi prepotenza, injuranza duttrinali, u ereżija.61

6. Il-politika tal-Knisja

Dawn kienu affarijiet serji, speċjalment meta meqjusa fil-kuntest tal-politika tal-Vatikan ta’ dawk iż-żminijiet u l-effetti li din kellha f’Malta. Infatti, kien żmien meta nħolqot l-ideoloġija tal-primat papali, li saret b’reazzjoni u adattament għaċ-ċirkustanzi partikulari li l-Papa sab ruħu fihom fis-seklu 19.62
        Wara l-pubblikazzjoni tas-Syllabus Errorum (Ġabra ta’ Ereżiji) mill-Papa Piju IX fl-1864, it-trijonf ta’ min ried it-tisħiħ taċ-ċentralizzazzjoni fil-Knisja (iċ-‘Ċentristi’) ġie ssiġillat fl-ewwel Konċilju Vatikan tal-1870 waqt li fl-istess żmien il-Papa tilef l-aħħar setgħa temporali tiegħu fl-Italja magħquda.63 F’dan il-Konċilju, il-Papa ġie ddikjarat infallibbli f’materji ta’ fidi u morali u maħtur il-primat assolut tal-Knisja, jiġifieri l-kap suprem spiritwali u amministrattiv.64
        Fl-ewwel tletin sena wara dan l-iżvilupp ġdid, fi żmien il-pontifikat twil ta’ Ljun XIII, il-pożizzjoni taċ-Ċentristi ssaħħet u kibret. Wara seklu sħiħ ta’ disfatti u umiljazzjonijiet, fl-aħħar kien hemm impressjoni ta’ restawrazzjoni: Ruma ekkleżjastika żahret b’istituzzjonijiet akkademiċi u amministrattivi ġodda; il-filosofija skolastika Tomista ġiet irxuxtata u mġedda biex twieġeb għall-ideat moderni u fid-difiża tal-awtorità papali; il-missjonijiet Kattoliċi ppenetraw sal-ibgħat trufijiet tal-art; kiber is-sens ta’ mħabba, lealtà, ubbidjenza u fervur għall-Papa; u, għall-ewwel darba mill-bidu tar-rivoluzzjoni industrijali fis-seklu 18 ’il quddiem, il-Knisja qabdet il-barri tal-‘kwestjoni soċjali’ minn qrunu.65
        Sa ċertu punt, anki dawk li kienu kontra l-politika ta’ ċentralizzazzjoni (il-‘Kulleġġjalisti’) kienu kuntenti b’dan l-iżvilupp pożittiv ... sakemm fl-1903, wara Papa relattivament liberali (Ljun XIII), laħaq wieħed konservattiv sew – Piju X – li kien suspettuż minn kulma kien intellettwali u modern. Kontra l-Papa ta’ qablu, li fittex kif jadatta lilu nnifsu u l-Knisja għall-era moderna, Piju X ħadha kontriha bil-qawwa kollha; talab konformità totali għall-primat assolut tiegħu; abolixxa mis-seminarji, il-kulleġġi u l-universitajiet Kattoliċi kollha l-ispekulazzjoni teoloġika u filosofika; neħħa bil-pulit minn pożizzjonijiet ta’ setgħa isqfijiet li ma kinux jaqblu miegħu f’kollox; u ssuġġetta kull deċiżjoni tal-isqfijiet fid-djoċesijiet tagħhom għall-approvazzjoni tiegħu.66
        Fuq kollox, Piju X ippersegwita bla ħniena l-intellettwali Kattoliċi. Għalih, kulmin kien juri li ma jaqbilx miegħu, ma jaċċettax l-awtokrazija tiegħu jew anki ma jeħodhiex kontra dawn bi ħruxija, kien ‘Modernista’. Għaldaqstant, kien isir immedjatament espost għas-sanzjonijiet u l-pieni tal-Vatikan. Fost ħafna ħwejjeġ oħra, fl-Enċiklika Pascendi dominici gregis tal-1907, Piju X ordna lill-isqfijiet sabiex jieħdu kull azzjoni meħtieġ ħalli jipprojbixxu kwalunkwe letteratura ‘qarrieqa’.67
        Fl-istess waqt, fl-1904, minn wara l-kwinti Piju X kien qabbad il-kanonisti tiegħu sabiex jibdew iħejju strument legali u burokratiku li jagħti forma ġuridika u kostituzzjonali lill-ideoloġija tas-setgħa papali. Dan kien mingħajr preċedenti fl-istorja twila tal-Knisja Rumana, għax qabel il-Knisja kienet legalment immexxija minn ħafna liġijiet u normi li kienu jagħtu ħafna spazju għall-partikularità ta’ kull djoċesi. Dawn il-liġijiet kienu jinġabru f’kompilazzjonijiet, li l-Papa neħħihom kollha biex ħoloq kodiċi ta’ liġi ġdida li anki timponi filosofija waħda għall-istil ġdid ta’ tmexxija fil-Knisja. Dan tlesta fl-1917, iżda sa minn qabel il-Papa ħadem bis-sħiħ sabiex jimponi fuq l-isqfijiet il-politika Vatikana ta’ konformità, ċentralizzazzjoni u dixxiplina.68

7. Il-ħarsien tal-merħla

Din kienet is-sitwazzjoni politika tal-Knisja Kattolika meta f’Mejju tal-1909 l-Isqof Pietru Pace kkundanna l-organizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ.69 Sakemm ma riedx jiġi ssuspettat hu wkoll li kien Modernista, l-Isqof Pace ma setax ma jitħarrikx kontrih. Bl-istess mod, lanqas ma seta’ jitħarrek kontrih b’xi mod anqas minn sever ħafna.
        Fil-fatt, f’dak iż-żmien l-Isqof Pace kellu ma’ wiċċu għad ta’ nies li kienu qed ixandru tip ta’ teoloġija evanġelika differenti ħafna minn dik tiegħu jew tal-Knisja uffiċjali. Ħaġa tal-għaġeb, bħal Dun Ġorġ dawn kienu kollha qegħdin joqgħodu jew jaħdmu l-Ħamrun. Fosthom kien hemm Manwel Dimech, Manwel Camilleri (magħruf bħala Vjoli), Biagio Mastrotto, Gannbattista Falzon u Ġużè Maurin.70
        L-Isqof Pace kien ikkundanna lil Manwel Dimech l-ewwel darba fl-1900,71 meta Dun Ġorġ kellu għoxrin sena u kien seminarista.72 Ħdax-il sena wara, f’Ottubru tal-1911, l-Isqof Pace ikkundannah għal darba oħra.73 Imbagħad, wara tliet ġimgħat, skomunikah.74 Dan aktarx kien fl-istess żmien li Dun Ġorġ jingħad li kellu d-dehra famuża tiegħu ħdejn is-salib tal-Marsa.75 Bħal Dun Ġorġ, Dimech ukoll kellu qabda qawwija popolari fil-Ħamrun,76 u bħalu kien suspettat ta’ mażun Protestant.77 Fl-inkjesta tal-Isqof Mauro Caruana fl-1916 kontra Dun Ġorġ, Dimech issemma’ espressament diversi drabi f’rabta ma’ Dun Ġorġ; u dan, naturalment, ċaħad xi konnessjoni miegħu.78
        Manwel Camilleri Vjoli kien mill-Ħamrun u joqgħod qrib ħafna ta’ fejn kien jgħix Dun Ġorġ meta kien tifel. Kontra Dimech, Vjoli la kellu ħsibijiet rivoluzzjonarji, la kellu movimenti warajh, la xandar gazzetti, la kien illuminat u lanqas tkellem favur in-nisa. Kien biss bniedem sempliċi li xtaq jgħix il-fidi tiegħu f’aktar profondità. L-Isqof Awżiljarju Anġlu Portelli skomunih f’Novembru tal-1914.79 ‘Pubblikament iddikjara lilu nnifsu Protestant,’ ħabbar l-Isqof Portelli fil-pastorali tiegħu, ‘u għalhekk apostata.’80 Bħal Dimech, Vjoli diversi drabi ssemma’ espressament f’rabta ma’ Dun Ġorġ fl-inkjesta tal-Isqof Caruana.81
        Biagio Mastrotto kien Franġiskan Minuri li qaleb mal-Protestanti.82 Għal xi żmien, kien qiegħed jagħmel xi xogħol missjunarju evanġeliku f’Malta, speċjalment il-Ħamrun. L-Isqof Pace kkundannah f’Settembru tal-1909,83 erba’ xhur wara li kkundanna lil Dun Ġorġ. Dan sar minħabba li kienet ġiet iċċirkulata fost in-nies ittra miftuħa ta’ Mastrotto li fiha għamel ħafna akkużi serji dwar abbużi mill-kleru.84
        Gannbattista Falzon u Ġużè Maurin kienu żewġ saċerdoti Maltin li neżgħu biex saru Protestanti.85 L-ewwel wieħed kien Agostinjan mill-Furjana u l-ieħor Franġiskan Konventwali mill-Ħamrun. Minkejja li l-Isqof Pace skomunikahom f’April tal-1913,86 il-kurja kellha suspetti qawwija li t-tnejn kienu ilhom jaħdmu minn taħt fost in-nies b’effett konsiderevoli, speċjalment fil-Ħamrun.87 Fost affarijiet oħra, Maurin kien isostni ma’ kulħadd li l-Knisja kienet mimlija ‘imposturi, idolatriji, paganiżmu, superstizzjonijiet, dispotiżmi, politika, tirannija, assurditajiet, kontradizzjonijiet, falsifikazzjonijiet, interpolazzjonijiet eretikali’,88 u Falzon, min-naħa l-oħra, kien ixandar fost kulħadd ‘il-korruzzjoni li teżisti fi ħdan il-kleru papista’.89

8. Il-firxa tal-missjoni

Kien f’dan l-ambjent delikat u kważi splussiv li Dun Ġorġ ferrex l-organizzazzjoni kateketika tiegħu, l-ewwel f’Malta – ibda mill-Ħamrun u minn Bormla90 – imbagħad ukoll f’Għawdex;91 u mhux biss fost il-ġuvintur, imma wkoll fost it-tfajliet.92
        Oriġinarjament, il-kunċett fundamentali ta’ Dun Ġorġ – li jħejji lajċi għat-tagħlim kateketiku – kellu possibbiltajiet progressivi. Dan jista’ jispjega l-oppożizzjoni inizzjali li qamet kontrih. Iżda maż-żmien (bejn wieħed u l-ieħor fil-bidu tas-snin tletin tas-seklu l-ieħor), dawn il-possibbilitajiet ġew innewtralizzati bl-assorbiment tal-organizzazzjoni tiegħu fi ħdan l-istruttura akbar tal-politika ekkleżjastika.93
        Dawn il-possibbiltajiet kienu aktarx ġejjin l-aktar mill-bidla soċjo-politika li wettaq Dun Ġorġ f’rabta mal-identità tal-persuna kredenti. Fuq il-bażi tas-sħubija bejn l-edukazzjoni tal-adulti u x-xogħol soċjali fuq naħa, u t-tagħlim u l-etika tal-Knisja fuq in-naħa l-oħra,94 Dun Ġorġ tħallem li jibdel il-persuna kredenti minn riċevitur passiv għal donatur attiv; minn ‘konsumatur’ għal ‘produttur’.95 Għalkemm din tista’ tidher bħala bidla insinifikanti, fil-fatt timplika bidla profonda ta’ mentalità u perspettiva; timplika ekkleżjoloġija ġdida.96 Essenzjalment, din kienet l-istess ekkleżjoloġija li xandar Dimech,97 u l-istess ekkleżjoloġija li għamlet possibbli l-Konċilju Vatikan II.98 Barra minn hekk, kienet tip ta’ ekkleżjoloġija li, għall-anqas potenzjalment, sfidat l-eġemonija tal-klassijiet tradizzjonalisti u reazzjonarji.99
        Għaldaqstant, nistaqsu: X’kienu l-prinċipji ewlenin tal-filosofija ta’ Dun Ġorġ fl-isfond tad-diversi ambjenti li jidher li sawruha?
        Dawn il-prinċipji aktarx għandna nfittxuhom fil-filosofija Kattolika li kienet prevalenti fi żmienu, partikularment dik skolastika ta’ Liberatore u Kleutgen (li semmejna aktar ’il fuq).100 Dawn kienu ż-żewġ arkitetti ewlenin tal-Æterni patris (1879) u, parzjalment, tar-Rerum novarum (1891) tal-Papa Ljun XIII. Huma prinċipji li nistgħu nfissruhom b’dan il-mod:

L-EWWEL PRINĊIPJU: It-twettiq eżistenzjali u etiku tal-bniedem jissejjes fuq ir-realtà ontoloġika.

Dan hu prinċipju li seta’ kien imnebbaħ f’Dun Ġorġ minn Mattew Liberatore. Meta ngħidu ‘twettiq eżistenzjali tal-bniedem’ irridu nirreferu għall-ogħla perfezzjoni, realizzazzjoni u kuntentizza li jista’ jkollu l-bniedem f’din id-dinja. Min-naħa l-oħra, it-‘twettiq etiku tal-bniedem’ jirreferi għall-aġir xieraq u tajjeb li jista’ jagħmel il-bniedem. Dan it-twettiq jista’ jintlaħaq biss, skont Dun Ġorġ, meta aħna nagħarfu li r-realtajiet kollha jinsabu f’ordni ġerarkiku b’Alla – ir-realtà perfetta – bħala r-ras tiegħu. Hu dan li nifhmu meta ngħidu ‘realtà ontoloġika’. Għaldaqstant, il-bniedem jista’ jsib is-sħuħija tiegħu f’relazzjoni xierqa ma’ Alla, mal-bnedmin l-oħra u mal-ħolqien kollu. Dan it-twemmin fundamentalment skolastiku u Tomista, Liberatore (li kien anki ġie Malta bejn l-1848 u l-1849),101 ħadha kontra l-idealiżmu ta’ Emmanuel Kant (1724-1804), imma b’mod partikulari kontra l-idealiżmu etiku ta’ Giovanni Gioberti (1801-1852) u Antonio Rosmini (1797-1855). Dawn ħafna drabi sejsu t-twettiq eżistenzjali tal-bniedem u l-aġir etiku tiegħu fuq bażi sempliċiment suġġettiva u psikoloġika. Dun Ġorġ m’għamilx hekk. Għalih jidher li ma setax jilmaħ ebda tip ta’ ordni (eżistenzjali, etiku u aktarx soċjali) mingħajr Alla.

IT-TIENI PRINĊIPJU: L-azzjonijiet etiċi jiġu prinċipalment definiti mill-kunsens tal-fidi. 

Għal Dun Ġorġ, Alla ma kienx sempliċiment kunċett; mekkaniżmu mentali li bih nistgħu nilmħu ordni (fejn jista’ jkun li m’hemmx). Għalih din ir-realtà assoluta, li kontinwament toħloq u ssostni l-ħolqien kollu, ma kinetx sempliċiment ipotesi jew teorija. Kienet preżenza konkreta li wieħed seta’ jesperjenzaha. Minn hawn jiġi t-tieni prinċipju tal-filosofija ta’ Dun Ġorġ li seta’ kien imnebbaħ minn Josef Kleutgen. Dan saħaq ħafna fuq il-kunsens intellettwali għall-kelma ta’ Alla u għal Alla nnifsu. Dan il-kunsens isir mill-bniedem bil-libertà kollha, mhux sempliċiment mid-determinazzjoni li jista’ jkollu, daqskemm mill-esperjenza ta’ soċjeta komunitarja li (bħalma rajna fl-ewwel prinċipju) tirrikonoxxi lil Alla bħala r-realtà l-aktar għolja u perfetta. Kleutgen saħaq fuq dan it-tagħlim kontra filosfi/teologi Kattoliċi bħal George Hermes (1775-1831) u Anton Günther (1783-1863), li għallmu li ċerti atti ta’ fidi jistgħu jissejsu biss fuq ir-raġuni umana mingħajr l-għajnuna tal-grazzja. Dan lanqas Dun Ġorġ ma kien iżommu. Bħal John Henry Newman (1801-1890; li tnebbaħ ħafna minn Kleutgen), Dun Ġorġ għaraf li l-aġir xieraq u tajjeb tal-bniedem jista’ jilħaq il-perfezzjoni tiegħu biss fil-kunsens konxju, maħsub u ħieles tal-intellett fi ħdan komunità li temmen.

IT-TIELET PRINĊIPJU: Il-ġid komuni huwa responsabbiltà ta’ kull individwu.

Kemm Liberatore u kemm Kleugten għallmu dwar in-natura essenzjalment komunitarja tal-bniedem. Dan hu tagħlim imnissel mill-filosofija ta’ Aristotli (384-322 QK) u mħaddan minn Tumas t’Akwinu (1225-1274). Però jista’ jkun li Dun Ġorġ tnebbaħ bih aktar direttament mit-tisħiq li għamel fuqu Kleugten fl-Æterni patris (1879) tal-Papa Ljun XIII, tisħiq mhux sempliċiment f’sens spiritwali daqskemm aktar u aktar f’sens etiku u soċjali. Il-Kattoliku, insibu f’din l-enċiklika, seta’ tabilħaqq iwieġeb b’mod adegwat għall-problemi moderni soċjali bi prinċipji etiċi mingħajr ma jiċħad bl-iċken mod id-dimensjoni intellettwali tiegħu. Dan wera l-importanza tat-tagħlim tal-prinċipji etiċi Kattoliċi għall-ħidma soċjali u politika. Impliċitu f’dan it-twemmin hemm li t-tagħlim ikun aċċessibbli għal kulħadd u mhux, ngħidu aħna, għas-saċerdoti jew għall-isqfijiet biss. Għaldaqstant, bit-tħaddin ta’ dan it-tielet prinċipju, jidher li Dun Ġorġ b’xi mod fehem li l-lajċi għandhom jingħataw l-istess possibbiltà ta’ tagħlim daqs kull membru ieħor tal-Knisja. Għalhekk, fuq il-bażi tal-magħmudija tagħhom, il-lajċi ma kellhomx biss dmirijiet fil-Knisja, bħala membri passivi, imma wkoll drittijiet, bħala membri attivi u parteċipattivi. Din hi l-ekkleżjoloġija li l-Konċilju Vatikan II għallem fil-kostituzzjoni dommatika Lumen gentium (1964).102 Dan jista’ jkun l-aktar prinċipju filosofiku (ibbażat fuq it-tnejn l-oħra ta’ qabel) li bih Dun Ġorġ għamel l-akbar impatt fuq il-ħajja tal-Knisja.


Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fi Knisja Elfejn, ħarġa 97, ta' Lulju-Settembru 2011, pp. 3-21.


_______________________


REFERENZI

1. Alexander Bonnici, Dun Ġorġ Preca: Ħajja-Xiehda-Dokumenti, Soċjetà Duttrina Nisranija, Malta, 1980, vol. I, p. 76.

2. Manwel Dimech, Il-Bandiera tal-Maltin, 26 ta’ Frar, 1898, p. 3ċ; ara wkoll ibid., p. 75.

3. Arkivju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Kurja tal-Arċisqof, Furjana, Malta , Pupul Galea, Inkjesta ta’ Dun Ġorġ Preca mill-Isqof Mauro Caruana 1916-17 [Inkjesta], f. 156; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 75.

4. Ibid.; u Ġrajjiet dwar Ħajjet Dun Ġorġ [Ġrajjiet];, kompilazzjoni mhux ippubblikata ta’ esperjenzi personali, Malta, s.a., f. 333v; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, 77.

5. John Formosa, Dokumenti għall-Ħajja ta’ Dun Ġorġ [Dokumenti], Malta, s.a., ff. 102r-104r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, pp. 65 u 85.

6. Lyceum Admission Book, Ħamrun, Malta, 1881-1899, p. 100; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 86.

7. Formosa, Dokumenti, ff. 102r-104r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 65.

8. AAM, Patrimonii, 1898, nn. 196-206; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 111.

9. Ara: Henry Frendo, Storja ta’ Malta, vol. III, Klabb Kotba Maltin, Malta, p. 95.

10. Ibid., p. 94.

11. W. Senior Nassau, Conversations and Journals in Egypt and Malta, S. Low, Marston, Searle & Rivington, Londra, ii, 261; ikkwotat minn C. Cassar f’‘Everyday Life in Malta in the Nineteenth and Twentieth Centuries’, f’V. Mallia-Milanes, ed., The British Colonial Experience 1800-1964, Mireva, Malta, 1988, p. 91.

12. Acts of Birth, Reġistru Pubbliku, Valletta, Malta; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 66.

13. Ara: Ġrajjiet, f. 1297r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 80 u 85.

14. ‘Una Parola sulla Società Operaia di Mutuo Soccorso’, La Voce di Malta, 17 ta’ Lulju, 1886; ikkwotata minn E. Agius, Social Consciousness of the Church in Malta 1891-1921, Media Centre Publications, Malta, 1991, p. 23.

15. Frendo, op. cit., pp. 228-233.

16. Il-Bandiera tal-Maltin, 11 ta’ Mejju, 1901, 4a.

17. Bonnici, op. cit., vol. I, 98.

18. John Formosa, Ġrajjiet, f. 333v; Ġużeppi Caruana, ibid., f. 231v; Salvu Cassar, ibid., f. 958v; ikkwotati f’Bonnici, ibid., p. 90.

19. Indrì Cortis, Ġrajjiet, f. 400Ar; ikkwotat f’Bonnici, ibid., p. 100.

20. John Formosa, Ġrajjiet, f. 333v; Ġużeppi Caruana, ibid., f. 231v; Salvu Cassar, ibid., f. 958v; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 90.

21. Indrì Cortis, Ġrajjiet, f. 400Av; Ġużeppi Caruana, ibid., f. 25v; Salvu Cassar, ibid., f. 958v; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., pp. 98-99.

22. Bonnici, op. cit., vol. I, p. 108.

23. Tagħrif mogħti minn Dun Ġorġ stess, Marsa, Malta, 21 ta’ Lulju, 1935; ara: Ġrajjiet, f. 1297r; ikkwotat minn Bonnici, op. cit., vol. I, p. 80.

24. Pupul Galea, Inkjesta, f. 156; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p.129.

25. D.H. Andersen, ‘Cystic fibrosis of the pancreas and its relation to celiac disease’, American Journal of Diseases of Children, 1938, vol. 56, pp. 344-399.

26. Fortunato Ellul, Ġrajjiet, f. 1351v; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 108.

27. Bonniċi, op. cit., p. 129.

28. Salvu Cassar, Ġrajjiet, f. 902r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 131.

29. Lamberto Torbidoni, Analisi sulla Grafia di Giorgio Preca, Istituto Grafologico Moretti, Urbino, Italja, 1984, f. 2; ikkwotat, f’Bonnici, op. cit., vol. III, p. 45.

30. Inkjesta, f. 103r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 92.

31. Liber Baptizorum, Arkivji tal-Parroċċa ta’ Santa Liena, Birkirkara, Malta, vol. XVI, 25 ta’ April, 1886; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 85.

32. Inkjesta, f. 103r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 92.

33. Lyceum Admission Book, Ħamrun, Malta, 1881-1899, p. 100; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 86.

34. Ibid., p. 106; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 93.

35. AAM, Petizzjoni, 14 ta’ Novembru, 1904; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 108.

36. AAM, Cataglogus Ordinatorum Melitensem Ecclesiam, 1889-1902, f. 116; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 111.

37. AAM, ibid., 1902-1914, ff. 30-31; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 131.

38. Vincent Borg, ‘The Faculty of Theology of Malta: A historical sketch’, The Dove Homing in the Owl’s Nest, Theology Students’ Association, Malta, p. 130.

39. Ittra personali ta’ Dun Ġorġ tat-30 ta’ Jannar, 1913; ikkwotata f’Bonnici, op. cit., vol. I, 124.

40. Indrì Cortis, Ġrajjiet, f. 389v; ikkwotat f’Bonnici, ibid.

41. Indrì Cortis, f’Formosa, Dokumenti, Kritika lil Alexander Bonnici, f. 5r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 158.

42. Indrì Cortis, ibid., f. 1; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 124.

43. Duminku Ciliberti, Ġrajjiet, f. 1067r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 123.

44. Xhieda ta’ Dun Ġorġ innifsu, Ġrajjiet, f. 1312r; ara wkoll: Alexander Bonnici, ‘Il-Ħajja ta’ Dun Ġorġ Preca’, Dun Ġorġ, MUSEUM, Malta, 1965, p. 14; u Ewġenju Borg, ‘Il-Fundatur’, ibid., p. 65; kollha kkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 154.

45. AAM, Xhieda ta’ Dun Ġorġ innifsu, Atti Civili, 1918-19, f. 282v; ara wkoll: Anthony Degiorgio, Ġrajjiet, f. 1183r; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 157.

46. Indrì Cortis, Ġrajjiet, f. 390v; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 163.

47. Bonnici, op. cit., vol. I, p. 158.

48. Ibid., p. 120.

49. AAM, Xhieda ta’ Dun Ġorġ, Atti Civili, 1918-19, f. 283r; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 139.

50. Enrico Bonnici, Mons. Kan. Prof. F. Bonnici D.D., Malta, 1955; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 142.

51. Ibid.

52. Indrì Corstis, Ġrajjiet, f. 390v; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 163.

53. Dun Ġużepp Muscat, Kappillan tal-Ħamrun bejn l-1897 u l-1928, Inkjesta, skont xhieda ta’ Dun Ġorġ innifsu; ikkwotat minn Alexander Bonnici, ‘Il-Ħajja ta’ Dun Ġorġ Preca’, Dun Ġorġ, MUSEUM, Malta, 1965, p. 19; u f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 208.

54. Ibid.

55. Indrì Cortis, Ġrajjiet, f. 441r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 190.

56. Eugenio Borg, ‘Il-Fundatur’, Dun Ġorġ, MUSEUM, Malta, 1965, p. 65; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, 191.

57. AAM, Atti Ċivili, 1918-19, f. 282r; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 170.

58. Ibid., p. 172.

59. Mario Vella, Wara r-Repubblika, Valletta, Malta, 1979, pp. 7 u 18.

60. Manwel Dimech, Il-Bandiera tal-Maltin, 23 ta’ Mejju, 1914, 3bċ.

61. Malta Tagħna, 23 ta’ Mejju, u 13 ta’ Ġunju, 1914; Is-Salib, 30 ta’ Mejju, 6 ta’ Ġunju, 13 u 20 ta’ Ġunju, 1914; ikkwotati f’Bonnici, op. cit., vol. I, pp. 265-273.

62. Ara: John Cornwell, Hitler’s Pope, Penguin Books, Londra, Ingilterra, 1999, pp. 3 et seq.

63. Wolfram Kaiser, Christian Democracy and the Origins of European Union, Cambridge University Press, Cambridge, Ingilterra, 2007, p. 14.

64. Paul Misner, Social Catholicism in Europe, Crossroad, New York, USA, 1991, pp. 149-150.

65. Kaiser, op. cit., p. 19.

66. Roger Aubert, ‘Pius X – A conservatist reform pope’, History of the Church, ed. minn Hubert Jedin, vol. IX, Burns & Oates, Londra, Ingilterra, pp. 385-388.

67. Misner, op. cit., p. 304.

68. Thomas Mark Condon, The Sanctifying Function, School of Canon Law, Catholic University of America, Canon Law Studies, nru. 567, 2009, pp. 21-23.

69. Alexander Bonnici, ‘Il-Ħajja ta’ Dun Ġorġ Preca’, Dun Ġorġ, MUSEUM, Malta, 1965, p. 19; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 210.

70. Dwar Dimech, ara: Mark Montebello, Dimech, PEG Publications, 2004, partikularment pp. 337-425.

71. AAM, Editti di Monsignor Pietro Pace, vol. 32, f. 223.

72. Għar-relazzjoni bejn Dimech u Dun Ġorġ, ara: Ġeraldu Azzopardi, Manwel Dimech u Dun Ġorġ Preca, Pubblikazzjoni Kumitat Monument Manwel Dimech, Malta, 1981.

73. Ibid., vol. 35, f. 86, doc. 1.

74. Ibid., f. 88, ad term.

75. Bonnici, op. cit., vol. I, p. 258 (inkluż nota 18).

76. AAM, Xhieda ta’ Dun Ġużepp Muscat, Kappillan tal-Ħamrun bejn l-1897 u l-1928, Editti di Monsignor Pietro Pace, vol. 233, f. 299v, nru. III.

77. Ara, fost oħrajn: Manwel Dimech, Il-Bandiera tal-Maltin, 8 ta’ Marzu, 1913, 4b.

78. AAM, Atti Civili, 1918-19, vol. 233, ff. 290v u 299v, nru. III.

79. AAM, Editti di Angelo Portelli, vol. 35, f. 15.

80. Ibid.

81. AAM, Atti Civili, 1918-19, vol. 233, ff. 290v u 299v, nru. III.

82. AAM, Corrispondenza Pace, 1911-12, vol. 15, doc. 175

83. Ara Montebello, op. cit., p. 388.

84. AAM, Editti di Pietro Pace, vol. 35, f. 12.

85. AAM, Atti Civili, 1913, ff. 10-11.

86. AAM, Editti di Pietro Pace, vol. 35, f. 137.

87. Ara: Manwel Dimech, Il-Bandiera tal-Maltin, 19 ta’ Lulju, 1913, 3a.

88. AAM, Atti Civili, 1913, f. 5.

89. Ibid., ff. 8-9.

90. Ewġenju Borg, Inkjesta, f. 128; ikkwotat f’Bronnici, op. cit., p. 195.

91. Joseph Adami, Kitba ta’ Nazzarena Camilleri, s.a., Malta, f. 31r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, 237.

92. Elvira Ellul, f’Formosa, Dokumenti, Kritika lil Alexander Bonnici, Sezzjoni Bniet, f. 8r; ikkwotat f’Bonnici, op. cit., vol. I, p. 224.

93. Vella, op. cit., p. 18.

94. Kenneth Wain u Peter Mayo, ‘Malta’, Perspectives on Adult Education and Training in Europe, ed. minn Peter Jarvis, National Insttitute of Adult Education, Leicester, Ingilterra, 1992, p. 250.

95. Vella, op. cit., p. 18.

96. Emmanuel Agius, Social Consciusness of the Church in Malta – 1891-1921, Media Centre, Blata l-Bajda, Malta, 1991, p. 56.

97. Montebello, op. cit., p.p. 348-351.

98. Gabriel Flynn, Yves Congar’s Vision of the Church in a World of Unbelief, Ashgate, Hampshire, Ingilterra, 2004, pp. 129-130

99. Vella, op. cit., p. 8.

100. Ara n-nru. 4.

101. Ara: Mark Montebello, Il-Ktieb tal-Filosofija f’Malta, vol. 1, pp. 295-296.

102. Ara partikularment, nru. 32.












Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?