Il-‘Bibbja’ ta’ Serracino Inglott

Kelmtejn dwar il-bijografija PSI Kingmaker ta’ Daniel Massa


Meta Mario Vella staqsieni x’naħseb dwar il-bijografija ta’ Peter Serracino Inglott li Daniel Massa kien ħareġ fil-bidu ta’ Diċembru tal-2013 kont qrajt biss biċċiet ’l hemm u ’l hawn tal-ktieb. Dak il-ħin, kulma ġieni f’rasi kien li nurih b’subgħajja qies ta’ tliet pulzieri u nwieġbu: “Bibbja!”

Għal dan Mario daħaq bil-qalb. It-tweġiba aktarx għoġitu għal aktar minn raġuni waħda. Ibda biex, il-ktieb fih xejn anqas minn 900 paġna. Imma barra minn hekk, il-kelma ‘bibbja’, għalkemm ħafna jużawha biex tindika awtorità assoluta, fil-fatt dejjem tħallik fid-dubju fejn jieqfu l-fatti storiċi u fejn tibda l-mitoloġija. Fejnha l-linja li tifred l-istorja mit-twemmin? Kont naf biżżejjed Mario x’susspett qawwi kellu (aktarx fundat) li l-biċċa l-kbira ta’ dak li kien ingħad fuq Serracino Inglott sa minn mewtu f’Marzu tal-2012 ftit ta kas tal-istorja u aktar infexx f’twemmin u mitoloġiji (anki mżewqa).

Meta nuża l-kelma ‘storja’ hawnhekk ma nifhimx biss dak li f’ħajtu għamel u m’għamilx Serracino Inglott; fejn twieled u studja, il-pajjiżi li żar, x’qal, x’kiteb, x’għamel u l-bqija. Aktar minn dan, nifhem ukoll dak li għamel lil Serracino Inglott storikament possibbli; il-kuntest kumpless tal-kundizzjonijiet materjali li sawruh f’dak li kien, u li kkanalizzawlu ħsiebu fis-sura li ħa. Min-naħa l-oħra, bil-kelma ‘twemmin’ nifhem il-firxa kollha ta’ stħajjil, miti u interpretazzjonijiet li, aktarx inevitabbilment, jiġu pproġettati fuq il-ġrajjiet storiċi skont dawk l-intenzjonijiet (konxji jew inkonxji) tagħna li nġiegħlu l-ġrajjiet jikkorraboraw jew jikkonfermaw.

Id-differenza hawnhekk mhijiex, kif iħobbu jpoġġuha xi wħud, bejn oġġettività u suġġettività; jiġifieri bejn prodott imparzjali u ieħor preġudikat. Bħal kull xogħol ieħor ta’ starriġ evalwattiv, bijografija hi dejjem suġġettiva; dejjem fiha narrattiva mfassla mill-kittieb skont għażliet stilistiċi, sostantivi u storijografiċi. Inevitabbilment, dejjem hemm xi preġudizzju fin-nofs.

Id-differenza hi aktar f’dak li l-bijografija tfittex li tagħmel: hijiex li tgħarrfek dwar persuna, jew hijiex li ttgħarraflek persuna; hijiex (kif ipoġġiha Erik Erikson) storja ta’ ħajja (‘life-history’) jew storja ta’ każ (‘case-history’). F’PSI Kingmaker, Daniel Massa jagħżel l-ewwel possibbiltà. Din fiha s-siwi tagħha, bla dubju. Iżda hija għażla metodoloġika li, b’effett fuq l-istruttura teoretika tal-ktieb, għandha l-limitazzjonijiet tagħha. Il-possibbiltà alternattiva kienet tmur lil hinn mis-sempliċi tagħrif kronoloġiku, li, ovvjament, huwa meħtieġ u parti essenzjali tar-rakkont. Iżda waħdu dan mhuwiex biżżejjed biex qarrej jiltaqa’ b’mod personali mas-suġġett ċentrali ta’ bijografija. Sabiex jagħmel dan jeħtieġ intervent aktar meqjus min-naħa tal-kittieb; aktar kritiku, aktar inċiżiv, aktar kliniku. B’dan il-mod, qarrej ikun jista’ jiskopri, mhux biss x’għamel bniedem, imma wkoll għala għamlu, u wkoll għala m’għamilx mod ieħor. Għaldaqstant, hu wisq probabbli li l-aħjar sura ta’ bijografija hija, min-naħa l-waħda, qata’ bejn introspezzjoni psikoloġika u apprezzament materjali storiku, u, min-naħa l-oħra, kwantifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ bejn it-tnejn.

Wara li qrajt il-ktieb kollu, irrealizzajt li l-għażla tiegħu Massa għamilha impliċitament billi, bħalma jidher b’mod evidenti, bena l-qafas bażiku tal-ktieb madwar diskussjonijiet twal ma’ Serracino Inglott innifsu. Minbarra li Massa segwa fedelment l-itinerarju kronoloġiku li ndikalu Serracino Inglott, spiss jikkwotah direttament mit-taħdidiet li kellu miegħu mingħajr ma sustanzjalment imerih jew iħaqqaqha miegħu. Massa joqgħod mija fil-mija fuq il-kelma ta’ Serracino Inglott u prattikament jemmnu b’mod impliċitu. Bħal meta tarraflu, ngħidu aħna, li, “la darba ma stajtx inkun buffu, it-tieni l-aqwa ħaġa kienet li nsir qassis”; bħallikieku din kienet stqarrija li tagħmel sens. Tabilħaqq, Massa żewwaq kitbietu billi kkorrobora dak kollu li qallu Serracino Inglott b’ħafna intervisti ma’ nies oħra u b’dokumentazzjoni relevanti. Dan wassal ix-xogħol biex, effettivament, jista’ jitqies bħal speċi ta’ kummentarju elaborat (u bosta drabi drammatizzat) tat-tifkiriet ta’ Serracino Inglott stess, tan-nozzjoni li kellu tiegħu nnifsu qrib l-għabex ta’ ħajtu, u tal-impressjoni li ried iħalli warajh fuq ħaddieħor.

Huwa ċar, ngħidu aħna, li fit-taħdidiet tiegħu Serracino Inglott ippreżenta ħajtu lil Massa f’għamla ta’ narrattiva ġrandjuża (jew meta-narrattiva) fejn kull biċċa tagħha torbot ma’ oħra u li kollha kemm hi tagħmel sens fiha nnifisha. Tipikament, Serracino Inlgott ħalla barra ċerti fallimenti vitali li kellu f’ħajtu. Bħal meta, biex insemmu tnejn biss, madwar l-1989 Serracino Inglott ma rnexxilux iġib fejn irid il-ftehim ta’ bejn il-Knisja u l-Istat Malti, jew meta fl-1996 irtira mingħajr ma ħalla kif ried id-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta. Naturalment, Serracino Inglott ma semmiex kemm-il darba fl-istess università wessa’ l-lasta biex jiskorja (biex ngħiduha hekk). Min-naħa l-oħra, f’ċerti waqtiet storiċi oħra kruċjali, Serracino Inglott jagħti lilu nnifsu post ċentrali ta’ dak li kien qed iseħħ minn wara l-kwinti. Bħal, ngħidu aħna, meta n-Nazzjonalisti ġew biex aċċettaw li Malta ssir Repubblika, jew meta Borg Olivier tneħħa minn Kap tal-partit, jew ukoll meta l-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Fenech Adami, biddel lilu nnifsu biex jirbaħ l-elezzjoni.

F’PSI Kingmaker, Daniel Massa ma jaħbix l-ammirazzjoni tiegħu għal Serracino Inglott u, għalhekk, wisq anqas l-intenzjoni tiegħu li l-qarrej jammirah ukoll. Għalkemm iwiegħed li jippreżentah bl-‘għeruq u x-xniexel’ (“warps and all”, jgħidha bl-Ingliż), qajla jikkritikah serjament jew juri l-inkonsistenzi tiegħu, jew anki jikxef il-lat ‘mudlam’ li seta’ kellu fil-karattru, il-ħsieb u l-aġir tiegħu. Anzi, f’mumenti partikularment kritiċi tal-ħajja ta’ Serracino Inglott, jieħu n-naħa tiegħu bil-konvinzjoni ta’ avukat difensur.

Minkejja dan kollu, wieħed ma jistax ma japprezzax id-diffikultajiet kbar li riċerkatur u kittieb jiltaqa’ magħhom meta jmidd idu biex isawwar bijografija ta’ personalità hekk rikka u kumplessa bħalma kienet dik ta’ Serracino Inglott. Dan il-bniedem kien magħruf l-aktar għall-intellett tiegħu, u ħafna nies kapaċi lanqas biss jitħajru jibdew jaqraw il-bijografija tiegħu proprju minħabba li jistħajlu li hija speċi ta’ trattat filosofiku. Iżda dan mhuwiex il-każ. Infatti, filosfi professjonali li huma għatxana li jaslu li jitfgħu għajnejhom fuq analiżi kritika tal-filosofija ta’ Serracino Inglott mhumiex se jaqtgħu xewqithom b’dan il-ktieb. Tabilħaqq, ma jidhirx li kienet l-intenzjoni ta’ Massa li joffri l-aqwa wirt li seta’ jħalli warajh Serracino Inglott. Dan irid jagħmlu xi darba ħaddieħor.

Dak li joffri Massa f’dan il-ktieb hija panorama wiesgħa, imma dettaljata u bosta drabi divertenti, ta’ x’għadda minn għala bniedem imlebleb għall-għerf, il-kumpanija u l-azzjoni; bniedem li, aktar iva milli le, kien dejjem sid tiegħu nnifsu. Bil-ħin, l-impenn u l-entużjażmu li qiegħed f’din il-bijografija, Massa wettaq xi ħaġa li kien ikun diffiċli ħafna għal ħaddieħor li jagħmel b’daqshekk ħila. Il-firxa kbira tal-attività ta’ Serracino Inglott, l-attitudnijiet u l-pożizzjonijiet differenti li ħa f’diversi fażijiet ta’ ħajtu, l-interessi sorprendentement varjati ta’ ħsiebu, u l-moħħ djalogali iżda fl-istess ħin stinat tiegħu, mhux biss jagħmluh suġġett imqareb li diffiċli titfgħu f’rokna, iżda wkoll karattru li ma ‘taqrahx’ kif ġieb u laħaq. Massa ma ddejjaqx jidħol għal dan kollu; u għamlu bil-qalb u b’gost.

Forsi l-prodott finali tiegħu ma jagħtikx is-sensazzjoni intima li laqqgħek ma’ Serracino Inglott personalment; iżda żgur li jagħtik ħafna u ħafna tagħrif dwaru. Jiena ċert li għal ħafna dan hu biżżejjed u aktar. Iżda għal xi wħud aktar kritiċi jista’ jkun li dan kollu fl-aħħar mill-aħħar iħallihom, bħalma kapaċi tagħmel Bibbja, fid-dubju fejn jieqfu l-fatti storiċi u fejn tkompli l-mitoloġija dwar Serracino Inglott. Allura f’dan il-każ jibqa’ meħtieġ taħriġ rigoruż bħalma kien għamel fl-2013 Mark Debono fil-kommemorazzjoni tal-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu. Biex wieħed jasal biex ikun jista’ jgħid li tabilħaqq jaf lil Serracino Inglott jeħtieġ li jħott il-mitoloġiji dwaru.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?