Iż-żgħażagħ u d-droga

Kultant żmien terġa’ tinqala’ fostna, bħal f’pajjiżi oħra wkoll (partikularment dawk Ewropej), il-kwestjoni jekk ċerti tipi ta’ droga għandhomx jiġu llegalizzati. Hi kwestjoni qadima li donnu ħadd ma jaf kif isolviha sewwa. Għax, tabilħaqq, mhijiex kwestjoni sempliċi, u t-tweġiba għaliha aktarx ma tistax tkun sempliċiment ‘iva’ jew ‘le’. Hija xabla b’żewġt ixfar.

Stħarriġ Ewropew

Iżda f’din il-kwestjoni ħafna jitkellmu f’isem iż-żgħażagħ, ħafna drabi mingħajr ma jafu bl-eżatt iż-żgħażagħ x’jaħsbu fuqha. M’għandniex xi ngħidu, iż-żgħażagħ huma fost dawn l-aktar li jiltaqgħu mal-kummerċ u l-użu tad-droga. Għaldaqstant, nifhem jien, tajjeb li wieħed jagħti daqsxejn kas aktar ta’ x’jgħidu huma stess.

Dan l-aħħar, l-Unjoni Ewropea (UE) għamlet tentattiv biex tisma’ liż-żgħażagħ proprju dwar dan. Tul ix-xahar li għadda, il-Kummissjoni Ewropea (permezz tad-Direttorju Ġenerali għall-Ġustizzja) għamlet stħarriġ pubbliku dwar iż-żgħażagħ u d-droga. Il-kumpanija Taylor Nelson Sofres (TNS) intervistat ftit aktar minn 13,000 żagħżugħ u żagħżugħa madwar il-pajjiżi tal-UE, fosthom 200 f’Malta u Għawdex (fl-4 ta’ Ġunju permezz tal-kumpanija MISCO).

Iż-żgħażagħ kienu kolha fl-etajiet ta’ bejn il-15 u l-24 sena. Għalkemm ir-riżultati li ħarġu mill-istħarriġ huma interessanti, wieħed jista’ jitħasseb kemm 200 ruħ jistgħu jirriflettu tabilħaqq il-fehma jew il-prattika ta’ madwar is-56,000 żagħżugħ/a tal-istess età fil-gżejjer Maltin. Dawn jagħmlu anqas minn 0.4% tat-total. Għaldaqstant, meta tqis ir-riżultati tal-istħarriġ wieħed irid joqgħod dejjem attent ħafna kif jinterpretahom.

Drogi faċli

Ibda biex, 92% taż-żgħażagħ Maltin intervistati qalu li qatt ma messew kannabis f’ħajjithom. Dan mhux biss jista’ juri nuqqas ta’ esperjenza fil-qasam tad-droga, iżda wkoll, aktar serju, nuqqas ta’ kompetenza biex jieħdu sehem fl-istħarriġ. Madanakollu, wieħed lanqas m’għandu jarmi għal kollox dak li qalu.

Meta mistoqsija kemm kien ikun faċli jew diffiċli għalihom li jiksbu ċerti sustanzi fi żmien 24 siegħa, iż-żgħażagħ Maltin intervistati qalu li l-aktar faċli li jiksbu kien l-alkoħol (93%) u t-tabakk (86%), allavolja xi wħud minnhom kienu taħt l-età biex jiksbu dawn l-affarijiet.

Rigward droga, filwaqt li 32% qalu li kien faċli għalihom jiksbu l-kannabis fi żmien 24 siegħa (il-medja Ewropea hija ta’ 58%), 25% taż-żgħażagħ Maltin intervistati qalu li kien faċli għalihom jiksbu l-kokaina fl-istess żmien (il-medja Ewropea hi l-istess), 21% faċli li jiksbu l-Ecstasy (il-medja Ewropea hija ta’ 23%), 17% li jiksbu imitazzjonijiet ta’ droga (fl-Ewropa 25%), u 12% li jiksbu l-eroina (fl-Ewropa 13%).

Drogi legali

X’jaħsbu ż-żgħażagħ Maltin intervistati rigward il-legalizzazzjoni ta’ ċerti drogi? Il-biċċa l-kbira tagħhom qablu li, b’mod ġenerali, il-projbizzjoni legali għandha tissokta: 93% għall-eroina, 92% għall-Ecstasy, 90% għall-kokaina, u 58% għall-kannabis. Favur il-legalizzazzjoni kienu 5% biss għall-eroina, 8% għall-Ecstasy, 9% għall-kokaina, u (konsiderevolment ogħla) 38% għall-kannabis. Il-medji fl-Ewropa huma xi ftit jew wisq l-istess.

Mid-dehra, l-akbar preokkupazzjoni tal-istħarriġ kien l-aċċessibbiltà u l-użu ta’ sustanzi ġodda li jimitaw id-drogi tradizzjoni fl-effetti li jipproduċu, sustanzi li jistgħu jinkisbu f’għamla ta’ sustanzi ta’ ħxejjex imħallta, trab, kristalli jew pirmli. 98% taż-żgħażagħ Maltin intervistati qalu li qatt ma ħadu minn dawn is-sustanzi (92% fl-Ewropa). Il-ftit li ħaduhom kienu xtrawhom mingħand ‘pusher’ waqt ‘party’.

Kważi nofs iż-żgħażagħ Maltin intervistati (46%) qablu li dawn is-sustanzi m’għandhomx isiru illegali sakemm dawn ma joħolqux riskju serju għas-saħħa (il-medja Ewropea ta’ 41% taqbel ma’ din il-fehma). Kienu 30% biss li qablu li s-sustanzi għandhom isiru illegali, u 18% li jiġu regolati biss.

_________________________________

Ir-rapport Flashbarometer ‘Żgħażagħ u Droga’ jista’ jinstab jekk tagħfas hawnhekk.


Comments

  1. Jiena inwehhel fil kultura ta hela li ggib mahha sistema kapitalista. komplu aduraw lil mammon u igbdu il-coke. specjalment dik il-frazi:"ikolli xnonfoq ghal weekend."
    umbat narawa stramba kif iridu niggielduwlu il-liberalizmu fil punent. ara l'vant, iz-zaghzah ghandom il-jihad u l'maoism fiex jinhlew. u xorta kullhadd meqrud bl'ismoke l'afganistan allah u mhux allah, xala zobbom. Anke lil kristu tlifna ahna. Imsomma, proset Father Mark tax-xoghol siewi lejn il komunita li twettaq bil valuri tal-gherf u mux tas-sensazjonalizmu sfrenat bhal ma jaghmel dak l'ghageb peppi azzoppardi. Rega gie zmien fejn ghandna bzon il-knisja hafna izjed mill-PBS kollu. U ta Ateju li jien nghidulek dan id-diskors (wara kollox anke kristu kien habbel naqa rasu fuq dil bicca ta fidi fuq is-salib meta gie biex isaqsieh 'ghala tlaqtni?', xi tejd?). Pero nithadded ta li hu, is-socjeta sejra lura mhux tiprogressa, u l-valuri hekk imsejhin antikwati kristjani regaw gew relevanti f'daqqa wahda.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?