Iżrael, Ħamas u entużjażmu ieħor

Ma nistax għaliha li bosta nies, meta jibdew jisimgħu dwar il-gwerra fil-Palestina, joħorġulek b’espressjoni tipika li donnha tispjega kollox: “U dawk!” jgħidulek, “Dawk dejjem jagħtu!” B’din l-espressjoni, la tkun taf min huma ‘dawk’, la għala ‘jagħtu’ u lanqas għaliex ‘dejjem’! Imma donnha l-espressjoni tkun intenzjonata sabiex, l-ewwel, twarrab il-ħtieġa li nifhmu xi ħaġa milli qiegħed jiġri, u, t-tieni, tibdel malajr id-diskors. Iżda hija, fuq kollox, espressjoni ta’ insensittività kbira għal traġedja enormi li qiegħda sseħħ elf mil biss ’l bogħod minna.

Il-Palestina ssejjaħ

L-akronimu ‘Ħamas’ tfisser entużjażmu, jew aħjar devozzjoni u ħrara fit-triq lejn Alla. Il-partit li jġib dan l-isem jinterpretaha bħala saħħa u qlubija fit-triq lejn ... l-indipendenza tal-Palestina (fost affarijiet oħra). Għall-Amerikani, l-Unjoni Ewropea u għadd ta’ pajjiżi oħra, il-partit tal-Ħamas mhumiex għajr terroristi. Iżda għall-Palestinjani, u speċjalment għall-popolazzjon ta’ Gaza, huma l-bastjun li jifridhom mill-qerda tal-Iżraeliti, l-Amerikani u l-ħbieb tagħhom.

Hu x’inhu, il-Ħamas huwa element essjenzali ħafna fil-gwerra tal-Palestina u ħadd f’sensih ma jista’―għall-anqas bħalissa―jagħraf l-importanza tiegħu fil-fattwalità tal-gwerra daqskemm fil-proċess ta’ paċi. Tabilħaqq, hu wieħed biss mill-ħafna għaqdiet li jimmilitaw għall-ħelsien tal-Palestina; iżda, bla dubju, hu wieħed mill-ewlenin, partikularment f’Gaza.

Jekk il-Ħamas huma entużjasti, xejn anqas ma huma l-Iżraeliti. Anzi, kulmin hu involut direttament fil-gwerra li, tul dawn l-aħħar ġimgħat, reġgħet qlielet bil-kbir: bombi u missili addoċċ minn kull naħa għal oħra; akkużi kontinwi ta’ gideb, qerq, diżonestà u x’naf jien; imwiet ta’ ċivili mingħajr distinzjoni; u, fuq kollox, mibegħda taqtagħha b’sikkina.

Tliet kawżi ewlenin

Ħafna nies li jgħidulek “U dawk dejjem jagħtu!” lanqas iridu jibdew jifhmu t-traġedja enormi tal-Palestina. Fuq l-Internet saħansitra tara karikatura tagħha meta jiddeffes Alla b’wegħdiet li suppost għamel lil dan u lill-ieħor biex jieħu l-art. Ir-realtà hi bil-wisq aktar ikkumplikata minn hekk ... għalkemm il-prinċipju li poplu għandu l-jedd jiggverna lil ħaddieħor, jew għall-anqas ma jinżammx fi stat ta’ dipendenza u umiljazzjoni kontinwa, għandu jkun ċar għal kulħadd.

Il-gwerra fil-Palestina, partikularment f’Gaza, reġgħet faqqgħet qabel ma traġikament inqatlu t-tliet żgħażagħ Lhud fil-bidu tax-xahar, u mbagħad wara traġikament inqatel iż-żagħżugħ Palestinjan. Mhuwiex minnu li kienu dawn l-imwiet li qajmu l-gwerra.

L-ewwel xrara ġiet meta, għal nofs Mejju―aktar minn tliet xhur qabel dawn l-imwiet attroċi―Iżrael ħabbar li se jkabbar il-binjiet ta’ niesu ġewwa l-Palestina. Ftit tal-ġimgħat wara, jiġifieri lejn l-aħħar ta’ Marzu, l-Eġittu ddeċieda li ma jittollerax aktar il-mini li Gaza għandha għal għandu li bihom jiddaħħlu ħwejjeġ essenzjali ta’ ikel, mediċina u ... forsi anki armamenti. It-tielet xrara ġiet xahar wara, lejn tmiem April, meta l-Ħamas u l-Fataħ (partit politiku ieħor b’saħħtu fil-Palestina) ftehmu li, fi żmien ħames ġimgħat (għal tmiem Mejju), jifformaw gvern magħqud bejniethom ġewwa Gaza.

Kienu aktarx dawn it-tliet raġunijiet ewlenin li wasslu għall-gwerra li għaddejja bħalissa. Gaza jinsab issa iżolat għal kollox, mifrud fih innifsu u f’riskju li jiġi miknus b’kollox.

Appoġġ

Għal xi wħud din hi biss biċċa minn storja li ma tispiċċa qatt. Storja li inqas ma jisimgħu dwarha, aħjar. Storja li dejqithom tiddomina l-aħbarijiet. Storja li donnu ħadd ma jista’ jsib tarfha.

Tabilħaqq, hija storja ikkumplikata immens. Imma wieħed m’għandux jinsa li hija storja dwar nies tad-demm u l-laħam li qegħdin jippruvaw li jkunu sidiet ta’ ħajjithom, ta’ pajjiżhom, tal-futur tagħhom u tal-ferħ ta’ wliedhom. Tassew, nisimgħu dwar partiti, dwar bombi, dwar missili, dwar pajjiżi ... imma wieħed m’għandu qatt jinsa li, f’din l-istorja kerha, hemm in-nies fin-nofs, nies bħali u bħalek.

Jekk l-entużjażmu tal-Iżraeliti u ta’ xi wħud mill-Palestinjani hija bosta drabi esaġerata u forsi anki kriminali, l-entużjażmu tagħna lkoll għall-paċi u l-ġustizzja m’għandha tkun qatt hekk. Jekk ma nistgħu nagħmlu xejn għall-Palestinjani fit-traġedja u l-uġiegħ tagħhom, għall-anqas għandna nagħtuhom biċċa minn qalbna.

Aħna jgħidu li aħna poplu li jħobb il-paċi. Jekk inhu hekk, allura ma jistax jonqos li qalbna toħroġ għal min qiegħed imut taħt il-qilla ta’ ħaddieħor u għal min, bħali u bħalek, irid jgħid fis-sliem u l-ġid.

Il-Palestina teħtieġ l-appoġġ tiegħek! Tiċħadulhiex!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?