Malta, Iżrael u l-Palestina

Ħafna nies joqogħdu attenti ħafna (u fir-raġun) għal dak li politikament jiġri f’Malta u Għawdex. Iżda min-naħa l-oħra, ma joqogħdux attenti ħafna għall-politika barranija tal-gvern Malti. Ma naħsibx li dan hu tajjeb. Jekk xejn, Mintoff għallimna li l-politika interna tiddependi minn dik barranija; u li tal-ewwel ma tagħmilx sens mingħajr dik tat-tieni. Anki jekk ma taffettwax il-ħajja tagħna direttament, fil-fatt hija l-politika barranija l-veru termometru tad-direzzjoni ideoloġika u prattika tal-gvern.

Relazzjonijiet tajba

F’dawn l-aħħar l-aħħar erbgħin sena, il-komunità internazzjonali (għall-anqas dik l-aktar qrib tagħna) aċċettat il-prinċipju (1) li ma jistax ikollok paċi fid-dinja mingħajr paċi fil-Mediterran u (2) li ma jistax ikollok paċi fil-Mediterran mingħajr paċi fil-Lvant Nofsani. Għaldaqstant, minn dan il-lat il-politika barranija tagħna fir-rigward ta’ Iżrael u tal-Palestina (inkluż Gaza) għandha tinteressana b’mod partikulari u speċjali.

Ir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ Iżrael qatt ma kienu mgħarrqa. Anzi, wieħed jista’ jgħid li kienu minn dejjem tajbin. Wieħed jista’ jsemmi li, żmien ilu, kemm it-tmexxija tal-gvern Iżraelit u kemm dik tal-gvern Malti kienu parti mill-moviment ta’ Soċjalisti Internazzjonali, Mintoff kien żar Iżrael f’Jannar tal-1964, u l-partit Iżraelita MAPAI (li mexxa ħafna gvernijiet Iżraeliti) kien wieħed mill-aktar li kien ħa interess fil-ħelsien ta’ Malta mill-Britanniċi. Il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, żar Iżrael f’Ottubru tal-2013. Bħala membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi wkoll membru tal-Unjoni għall-Mediterran, li fiha hemm Iżrael ukoll.

Min-naħa l-oħra, mal-Palestinjani wkoll ir-relazzjoniiet ta’ Malta kienu minn dejjem tajbin ħafna. Il-gvern Malti kien fost tal-ewwel nett li appoġġja li jkollhom Stat sovran għalihom, u dejjem waqaf magħhom fit-tribulazzjonijiet li kellhom.

Rekord pessmu mal-ĠM

Din is-sitwazzjoni ta’ ħbiberija kemm ma’ naħa u kemm ma’ oħra kienet tabilħaqq tixraq pajjiż bħal Malta li hi kostituzzjonalment newtrali mhux-alineata. Iżda l-ġimgħa li għaddiet din il-politika ġiet mheżża mill-qiegħ meta gazzetta lokali bl-Ingliż kixfet li, waqt żjara reċenti ta’ delegazzjoni ta’ membri parlamentari Iżraeliti f’Malta, ġie indikat li l-gvern Malti kien qiegħed jikkunsidra jappoġġja lil Iżrael biex sal-2018 jikseb għall-ewwel darba post fil-Kunsill ta’ Sigurtà tal-Ġnus Magħquda (ĠM).

Ir-rekord ta’ Iżrael fil-komunità internazzjonali, partikularment fil-ĠM, hija pessma. Sa mid-29 ta’ Novembru tal-1947, meta l-ĠM għaddiet ir-rakkomandazzjoni biex jitwaqqaf l-Istat ta’ Iżrael, il-ĠM għaddiet mat-80 rakkomandazzjoni oħra kontra Iżrael fuq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali. Prattikament, Iżrael injorahom ilkoll u baqa’ dejjem jagħmel fattih.

Sal-lum, kontra d-deċiżjonijiet tal-ĠM u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, Iżrael qiegħed jokkupa l-art tal-Palestinjani u biċċiet iżgħar ta’ pajjiżi oħra tal-madwar, u jżomm aktar minn miljun u tmien mitt persuna priġunieri f’Gaza f’dak li hu msejjaħ ‘l-akbar ħabs għall-arja aperta’ li jeżisti fid-dinja. Tul il-ġimgħa li għaddiet, Iżrael ibbombardja lil Gaza indeskriminatament għal jiem sħaħ mingħajr l-iċken attenzjoni għall-ħajja ċivili.

Sogru ażżardat

Il-politika ta’ newtralità mhux-alineata hija mill-aktar essenzjali f’dan ix-xenarju tal-Lvant Nofsani. Is-sitwazzjoni hemmhekk hija tremendement ikkumplikata u ħadd ma jista’ jaqta’ b’sikkina min għandu raġun u min għandu tort. Imma l-prinċipji tan-newtralità mhux-alineata ma tidħolx f’dan il-mertu. Hija tfittex biss il-paċi u, f’dan il-każ, li jibda jitwettaq il-prinċipju ta’ ‘żewġ popli, żewġ nazzjonijiet’ (anki jekk dan ma jsolvix il-problemi kollha, fosthom ta’ Ġerusalemm). Żgur, però, li n-newtralità mhux-alineata ma taċċettax li l-gvern Malti jappoġġa lil Iżrael biex ikun fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-ĠM.

Jista’ jkun li l-gvern għadu ma ħa ebda deċiżjoni definittiva dwar dan l-appoġġ. Minkejja dan, hu preokkupanti li xi parlamentari Iżraeliti―li xi wħud minnhom, bħal Ayelet Shaked u oħrajn, jinstigaw gwerra sħiħa fuq iċ-ċivili Palestinjani―iqisuna b’xi mod imxaqilbin lejhom b’mod li jiżvantaġġja lill-Palestinjani.

Jidhirli li l-gvern irid ikun attentent ħafna f’dan ir-rigward u ma jafdax wisq fuq ix-xorti li kellu s’issa. Il-kwestjoni Palestinjana hija sensittiva ħafna u għandha ħafna eki fil-qlub tal-Maltin. Li jipperikola l-klemenza tan-nies minħabba din il-kwestjoni tista’ tkun sogru ażżardat iżżejjed.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?