Sunday, 31 August 2014

Dimech poeta

Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Settembru, jaħbat il-100 sena mill-bidu tal-eżilju ta’ Manwel Dimech. Is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) se jfakkar dan l-avveniment b’attività kommemorattiva u wkoll bi ktieb ġdid. Għal dawn, int mistieden it-tnejn.

Kommemorazzjoni

L-attività kommemorattiva se ssir eżatt eżatt f’għeluq il-100 sena mill-eżilju, fl-istess ħin u fl-istess post. Jiġifieri fil-5 ta’ Settembru, fis-7 ta’ filgħaxija, fix-Xatt tal-Belt (in-naħa tal-Port il-Kbir; quddiem fejn jieqaf il-Lift). Huwa xieraq li inti u l-familja tiegħek, flimkien mal-poplu Malti kollu, tieħu sehem f’din l-attività ta’ sinifikat kbir.

Għalkemm Dimech dak in-nhar tal-5 ta’ Settembru nġieb mill-Klistanija (ta’ Strada Merkanti, il-Belt) b’segretezza kbira u ħadd ma kien jaf li niżżluh ix-Xatt, nhar il-Ġimgħa mhuwiex se jkun hekk. Il-preżenza tagħna lkoll f’dan il-mument irid juri solidarjetà, mhux biss ma’ Dimech ittradut u eżiljat, iżda wkoll ma’ kull minn fid-dinja ġralu jew qiegħed jiġrilu l-istess.

Għax it-tirannija ma spiċċatx. Imma lanqas ma spiċċaw nies bħalna li aħna kontriha u niġġildulha. Għalhekk, nhar il-Ġimgħa, fis-7 ta’ filgħaxija, quddiem fejn jieqaf il-Lift fix-Xatt tal-Belt, qis li tkun magħna ħalli flimkien infakkru dan l-avveniment li ħa lil Dimech għall-eżilju tiegħu sal-mewt.

video


Ktieb mill-isbaħ


F’din l-attività se joħroġ uffiċjalment ktieb mill-isbaħ: il-poeżiji miġbura ta’ Manwel Dimech, maħdum minn Jessica Micallef, gradwata fil-Letteratura Maltija mill-Università ta’ Malta. Il-ktieb fih għadd kbir ta’ poeżiji li Dimech kiteb tul ħajtu kollha: mill-1880 sal-1920; medda ta’ erbgħin sena. Huma poeżiji ta’ sentiment liriku, uman, politiku, nazzjonali, soċjali, didattiku u saħansitra reliġjuż.

Bosta mill-poeżiji, Dimech xandarhom fid-diversi pubblikazzjonijiet tiegħu jew anki f’ta’ ħaddieħor. Imma xi wħud le. Xi wħud kitibhom għall-iżvog personali tiegħu u biex jesprimi x’kien għaddej minn qalbu waqt li l-muża poetika ħakmitu. Ilkoll nafu li Dimech kellu spirtu sensittiv – f’kull sens – mhux anqas minn dak poetiku.

F’dan il-ktieb sabiħ, li fih għandek ukoll ir-rakkont dettaljat tal-eżilju ta’ Dimech fil-5 ta’ Settembru tal-1914, għandek tilmaħ xejra oħra ta’ dak ir-riformatur kbir soċjali b’ideali politiċi u kostituzzjonali għolja. Hija x-xejra intima ta’ bniedem li jgħanni s-sabiħ u l-ikraħ tal-ħajja; li jkanta l-fidi tiegħu f’Alla l-Imbierek; li jħalli l-pinna tiegħu tesprimi t-taħżiż ta’ qalbu.

Okkażjonijiet rari

Dawn m’għandekx titlifhom. La l-kommemorazzjoni u lanqas il-ktieb ġdid. It-tnejn jistgħu jagħmlu parti mill-formazzjoni ta’ qalbek u moħħok biex ma tieqaf qatt temmen f’dinja isbaħ u aħjar, dinja fejn – bħalma xtaq u ried Dimech – issaltnu l-ġustizzja, id-dinjità u l-paċi għal kulħadd.

Huma okkażjonijiet li jiġu rarament. Naturalment, il-kommemorazzjoni ta’ 100 sena oħra (fl-2114) ħadd minna ma jkun hawn biex jiċċelebraha, u l-ktieb huwa wieħed li m’intix se ssib bħalu mkien. Għaldaqstant, minħabba li kull għajnuna hi milqugħa għall-formazzjoni tal-ispirtu tagħna, inħeġġek ħafna sabiex ma titlifx is-sorpriżi li dawn iż-żewġ okkażjonijiet għandhom għalik. Għaliex, iva, fihom sorpriżi sbieħ it-tnejn.

Mela nhar il-Ġimgħa, niltaqgħu l-Belt, fil-Port il-Kbir, quddiem fejn jieqaf il-Lift, ħalli nfakkru l-eżilju infami ta’ Dimech. Nibdew fis-7 ta’ filgħaxija, il-ħin eżatt li fih il-vapur li ħa lil Dimech għall-eżilju (l-S.S. Stura) beda jsalpa ’l barra mill-Port il-Kbir. Hemmhekk ngħaqqdu l-ispirti tagħna, mhux biss bejnietna u ma’ dak ta’ Dimech, imma wkoll ma’ dawk kollha oppressi, imwarrba u ppersegwitati madwar id-dinja kollha. Jien inkun hemm żgur.

Narak!

_____________________________

Ritratt fuq: 'L-Eżilju ta' Dimech', Jessica Micallef (2014)

No comments:

Post a Comment