Il-maħfra lil Miguel d’Escoto

Tliet ġimgħat ilu, fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, b’ġest sorprendenti l-Papa Franġisku ta l-permess lil Miguel d’Escoto, patri tas-soċjetà Maryknoll, li jerġa’ jibda jqaddes wara 29 sena ta’ sospensjoni mill-Papa Ġwanni Pawlu II (fl-1985). F’dak iż-żmien, D’Escoto kien Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Nikaragwa (1979–1990). Wara kien Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (2008–09) u mbagħad Ambaxxatur tal-Libja għall-Ġnus Magħquda (2011). Illum D’Escoto għandu 81 sena.

Saċerdot imqareb

Il-maħfra tidher li ġiet wara talba minn d’Escoto nnifsu. Xtaq jerġa’ jqaddes qabel ma jmut, qal. U l-Papa wrieh din il-ħniena. Ġest sabiħ ta’ umanità. Ġest li xi wħud għammxu għajnejhom biex jilmħu fih bidla fil-qalb tal-Vatikan. Għammxuhom għalxejn. Il-ġest ma jindika ebda bidla fil-pożizzjoni politika tradizzjonali tal-Vatikan. Jekk xejn, juri li l-Papa preżenti u l-Vatikan ma jarawx għajn b’għajn.

D’Escoto kien saċerdot imqareb. Għalkemm twieled l-Amerika, trabba n-Nikaragwa. Ta’ 14-il sena ntbagħat l-Amerika jistudja u hemm issieħeb ma’ soċjetà missjunarja Amerikana. Ħa l-quddiesa fl-1961. Mill-ewwel mar lura jaħdem in-Nikaragwa, fejn is-sitwazzjoni ħżienet għall-aħħar taħt id-dittatura ta’ Somoza (mill-1974 sal-1979). D’Escoto, flimkien ma’ bosta saċerdoti oħrajn, ingħaqad minn taħt mal-oppożizzjoni Sandinista.

Fl-1977, d’Escoto pubblikament ħareġ għonqu politikament. Kien parti mill-grupp magħruf bħala ‘Los Doce’ (It-Tnax). Dawn mhux biss taw l-appoġġ tagħhom lil Danjel Ortega kontra Somoza, iżda għenu sabiex is-Sandinisti jiġu aċċettati, kemm f’darhom u kemm lil hinn minn pajjiżhom. Meta Ortega qelibha lil Somoza u ħa l-gvern f’idejh, d’Escoto nħatar Ministru tal-Affarijiet Barranin.

Ebda bidla fil-qalb

Dan xejn m’għoġob lill-Vatikan, li s-simpatiji tiegħu kienu ma’ Somoza. Il-Papa Ġwanni Pawlu II―li daqqa lagħbha ta’ moderat, daqqa oħra ta’ konservattiv u xi minn daqqiet ta’ liberali―wissa lil d’Escoto (anki pubblikament) biex jirriżenja minn Ministru. Fl-1985, lilu u lil żewġ saċerdoti oħra żammhom milli jqaddsu aktar. Il-Papa Benedittu―għadu maħluf ta’ nies tat-‘Teoloġija tal-Liberazzjoni’ bħal d’Escoto―kien wara dan il-pass, u bħala Papa ma reġax lura minnu.

D’Escoto kien u għadu oppożitur qawwi, kemm tal-gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u kemm tal-Ġnus Magħquda. Għalih huma żewġ istituzzjonijiet mafjużi mill-kbar nett; perikolużi u kriminali. Konvint mir-radikalità, il-ħniena u l-umaniżmu tal-Evanġelju, D’Escoto qatt ma kellu dubju fejn għandhom ikunu s-simpatiji tiegħu meta jiġi biex jagħżel bejn l-oppressat u l-oppressur, anki jekk it-tnejn jistgħu jieħdu ħafna forom.

Il-maħfra tal-Papa Franġisku ma tindika ebda bidla fil-qalb politika tal-Vatikan. Il-konservattiviżmu Vatikanista huwa notorju daqskemm petrifikat. Il-Papa għamel att kbir ta’ ħniena, iżda, bħal ħafna mill-ġesti simili tiegħu, ftit juru li huma indikazzjoni li l-Vatikan qiegħed jibdel mill-qiegħ il-pożizzjonijiet politiċi tiegħu.

Kollox l-istess

Il-vjaġġ tiegħu fis-Sud Korea l-ġimgħa li għaddiet, ċertament juri li, personalment, il-Papa Franġisku jara l-affarijiet mod ieħor. Ix-xewqa tiegħu li jżur iċ-Ċina, kif ukoll l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Messiku, hija sinjal sabiħ ta’ djalogu mġedded ma’ blokki politiċi differenti minn dak tal-papiet ta’ qablu. Iżda dan ma jidher li qiegħed ikollu ebda eku istituzzjonali.

It-Teoloġija tal-Liberazzjoni għadha meqjusa suspettuża mill-Vatikan, is-sospensjonijiet l-oħrajn li ngħataw minbarra dik ta’ d’Escoto għadhom f’posthom, il-kundanni tat-teoloġiji u l-filosofiji ta’ persuni liberali Kattoliċi għadhom ma ġewx irtirati, u l-appoġġ tal-Vatikan għal diversi dittaturi tal-imgħoddi ma saritx apoloġija għalihom.

Fi kliem ieħor, kollox għadu l-istess bħal qabel, jekk ma sarx agħar. Il-Papa Franġisku huwa, evidentement, l-aktar Papa ‘liberali’ għall-anqas ta’ dawn l-aħħar seklu, aktar mill-Papa Ġwanni XXIII. Iżda kontra dan (minkejja lilu nnifsu), s’issa għadu ma wettaqx bidliet strutturali ta’ natura xi ftit jew wisq permanenti. Ċertament, il-messaġġ tiegħu hu qawwi u perswazziv; u l-eżempju tiegħu aqwa.

Iżda ma’ nies istituzzjonali dan qajla jgħodd. Lanqas l-Iben t’Alla ma kien wasal magħhom.

_______________________

Jekk trid tara video tal-intervista interessanti ta’ DEMOCRACY NOW ma’ D’Escoto, żur is-sit: www.democracynow.org/2010/4/26/the_united_nations_is_beyond_reformit



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?