Nies li jieħdu; nies li jagħtu

Il-qtugħ tal-bniedem min-natura jimmarka l-mogħdija bejn ħlejjaq ‘li jagħtu’ għal ħlejjaq ‘li jieħdu’. Dan kien pass devastanti u traġiku. Kull wieħed u waħda minna rridu nitgħallmu nieħdu dak il-pass lura; li nerġgħu nitgħallmu nagħtu flok nieħdu; li nerġgħu ningħaqdu mal-ispirtu tan-natura. Hu dan li, ħafna drabi, is-soċjetà ċivilizzata tgħir għalih u ma tħalliniex nagħmlu.

In-natura tagħti biss

In-natura hi festa ta’ ġenerosità. Tagħti biss. Tagħti b’idejha miftuħa. Tagħti u ma titlob xejn lura. Meta ngħid ‘natura’ ma nifhimx biss l-ambjent naturali, iżda wkoll il-ħlejjaq ħajjin kollha (barra l-bniedem), kif ukoll il-ħxejjex kollha u s-siġar. Ilkoll jagħtu bl-abbundanza, mhux biss lilhom infushom, iżda l-benna tagħhom. Fil-fatt, ma jafux jagħmlu ħaġa oħra għajr jagħtu, u jagħtu bla qies.

In-natura hija skola ta’ ġenerosità. Ma tistaqsiex għaliex qed tagħti jew għandha tagħti. Ma jinteressahiex int min int, jistħoqqlokx taqla’, intix se tapprezza. Ma tgħoddlokx id-drabi li kont xħiħ magħha jew ma’ ħaddieħor; ma tqisx dnubietek jew id-dgħufijiet tiegħek; ma żżommx kontijiet ta’ dejn. In-natura kollha―l-inanimat, il-ħxejjex u l-annimali―tgħallimna x’jiġifieri tkun fis-sliem miegħek innifsek u kuntent bik innifsek.

Bil-mod limitat tagħna, aħna dan nafuh mill-annimali li nżommu fid-djar tagħna, speċjalment klieb (iżda mhux biss). Dawn jgħallmuk il-ġenerosità. Huma ħlejjaq safja li jagħtu biss, u jagħtuk mingħajr limiti; li jagħtuk mingħajr ma jitolbu xejn lura. Ħafna drabi dawn huma biżżejjed biex iġegħluk tistħi minnek innifsek; mix-xeħħa tiegħek; min-nuqqas ta’ ġenerosità.

Nies ‘li jieħdu’

Għax aħna sirna nies li nieħdu, li niġbdu lejna nfusna, xi kultant saħanstira li naħtfu. Irridu, irridu, dejjem irridu. Kollox sar għalina għajn potenzjali ta’ kisba. Kollox qiegħed hemm għalina, għal dak li nistgħu nieħdu minnu, għal dak li nistgħu nakkwistaw, għal dak li nistgħu nagħmlu gwadann minnu. Il-kapital maħżun u qatt sodisfatt tagħna, il-lukru, il-profitt, il-proprjetà, il-qligħ, bidluna fi ħlejjaq innaturali u mostrużi.

Is-soċjetà, bit-tagħlim li tagħtina mill-ġuf sal-qabar, tgħallimna dan. Tgħallimna x-xeħħa, u sirna qisna lanqas biss nafu ngħixu mingħajrha. Sirna nies li donna għamilna kollox tagħna, inrekknu kollox, ingeddsu kollox, inħasslu kollox, qisna magni wikkiela li ma xxebbagħhom qatt.

In-nuqqas ta’ ġenerosità tal-biċċa l-kbira tagħna hi tal-waħx. Ma jiħdux kollox taħt idejhom, imqar dak li ħaddieħor iqis bħala tiegħu, sempliċement għax ma jistgħux. Sirna nies li nieħdu biss, anki jekk xi kultant nitħajru nagħtu xi ħaġa. Irridu l-qligħ; irridu dejjem xi ħaġa lura.

Nies ‘li jagħtu’

Biex tkun taf, nies li jieħdu ma jixbhu lil Alla f’xejn. Għax Alla jagħti biss, anki meta jidher li qiegħed jieħu. U n-natura―bl-inanimat tagħha, bil-ħxejjex kollha u bl-annimali kollha li fiha―hija xbieha tiegħu. Aħna wkoll konna xi darba xbieha tiegħu. Aħna wkoll konna darba ħlejjaq li nagħtu. Imma sirna ċivilizzati. U ċ-ċiviltà qerditilna ruħna.

Nies li jieħdu la għandhom paċi fihom infushom u lanqas qatt jista’ jkollhom paċi. Huma nies vjolenti li jieklu mill-vjolenza. Qatt komunità ta’ bnedmin ma jista’ jkollha l-għaqda u l-ftehim jekk inhija magħmula minn nies li jieħdu. Komunità tassew tista’ titwaqqaf biss b’nies li jagħtu.

Għax min jieħu ma jafx x’inhi l-imħabba. Ma jista’ jkun qatt f’solidarjetà ma’ ħaddieħor. Ma jistax ikun jaf x’jiġifieri tħobb jew anki kif tkun maħbub. Bħall-magni, jiffunzjonaw bla ruħ. Ma jgħixux, iżda joperaw biss. M’għandhom xejn min-natura.

Min jagħti hu iben u bin Alla, u jgħix fis-saltna tiegħu.

_____________________________________

Jekk trid tara film brillanti dwar dan is-suġġett, ara: INSTINCT (1999), tad-Direttur Jon Turtletaub, b’Anthony Hopkins bħala l-attur ewlieni, ibbażat fuq in-novella filosofika ISMAEL (1992) ta’ Daniel Quinn.



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?