O, Libja, Libja, x’piena!

L-Alleati l-ewwel għamlu sfreġju sħiħ fil-Libja u issa taparsi qegħdin jibku għad-diżastru li ħallew warajhom. L-ewwel riduna nemmnu li kien meħtieġ li jagħtu armi bl-addoċċ lil kulħadd, forsi anki lil militanti Islamiċi, u issa jriduna nemmnu li hu meħtieġ li nibku s-sitwazzjoni. Riduna nemmnu li Gaddafi kien problema, u issa li l-problema hi li m’għadux aktar. Il-verità hi li l-Alleati ħadmu lil kulħadd waħda u sew. Bħal dejjem.

Ħarufa qalb l-ilpup

Dan kollu li qed jiġri fil-Libja kien prevedibbli sa mill-bidu. L-Alleati―jiġifieri l-Amerika u sħabha Franza, l-Ingilterra u oħrajn―riedu jeħilsu minn Gaddafi akkost ta’ kollox. Issa qed nieħdu l-kollox. Il-problema, tabilħaqq, ma kien Gaddafi xejn, iżda l-Alleati nfushom. Gaddafi dejjem fixkel il-pjanijiet tagħhom u issa s-sitwazzjoni preżenti hija l-aħjar waħda għall-interessi tagħhom.

L-Amerikani qegħdin isostnu li qatt ma riedu ġlied fil-Libja. Iżda kif jista’ ma jkunx hemm ġlied meta, biex jilħqu l-objettiv għami tagħhom, fornew lil kulħadd―huma u sħabhom―b’kemm Alla ħalaq armi! Dawn ippretendew li kulħadd joqgħod għall-kmandi tagħhom, bħallikieku kienu huma dawk li jiddeċiedu l-Libja b’min u kif għandha titmexxa u ma titmexxiex.

Qishom tefgħu ħarufa f’nofs ħames klieb imġewħin u taparsi ppretendew li dawn jiftiehmu bejniethom bl-aktar mod ċivili u edukat. L-Alleati mhux biss kienu jafu x’kien se jiġri fiċ-ċirkustanzi, iżda saħansitra ppjanawh. Ippjanaw dan id-diżastru u issa jilagħbuha tal-akbar umanitaristi. Il-verità hi li dawn l-Alleati ġew jaqgħu u jqumu minn kulħadd, għamlu fattihom u issa qegħdin jifirħu bid-deni ta’ ħaddieħor.

Paċi qatt ma kien hemm

Hu mill-aktar faċli u superfiċjali tweħħel fil-Misrutin jew fl-Ansar al-Sharia għas-sitwazzjoni preżenti. L-armi li jinsabu mifruxin f’idejn il-popolazzjonijiet ta’ Tripli u Bengażi huma bla tarf. Dawn ingħataw b’xejn u bir-rimi lil kulħadd fl-hemm imsejħa ‘Rebbigħa Libjana’. Il-verità hi li l-ġlied u l-qtil fost dawn il-popolazzjonijiet ma waqfu qatt minn dak iż-żmien sal-lum. Illum is-sitwazzjoni skalat għax l-Amerikani kien waslilhom il-ħin biex jiskalawha. Irtiraw mill-pożizzjonijiet militari tagħhom u ħallaw lil kulħadd għal riħu.

Ma kien hemm qatt paċi fil-Libja minn mindu l-Alleati ndaħlu hemmhekk. Nies li naf ġewwa Tripli (iżda f’Bengażi s-sitwazzjoni kienet l-istess) kienu kull filgħaxija jingħalqu ġewwa waqt li barra kien jinstemgħu l-isparaturi mill-‘machine guns’ tal-ġirien. Il-biża’ li ġabu l-Alleati fost il-popolazzjoni ċivili qatt ma kienu esperjenzawha l-Libjani fi żmien Gaddafi.

F’ħafna nħawi lanqas ma kienu esperjenzaw qabel in-nuqqas ta’ servizzi li jeżistu bħalissa. L-isptarijiet u l-kliniċi, l-impjanti tad-dawl u l-ilma, kif ukoll l-iskejjel, fost servizzi oħra, kollha kkrollaw fost rebus sħiħ. L-Alleati sempliċiment għamlu kollox inoperabbli. Għala? Biex ħadd ma jtellifhom milli jwettqu l-intenzjonijiet tagħhom fil-Magreb u fl-Afrika Ċentrali.

Sforz għall-paċi

Hija pjetuża s-sitwazzjoni issa fil-Libja. L-iżvantaġġ kbir tiegħu huwa li għandu ħafna riżorsi naturali. Li kieku ma kellu xejn kien jiġi injorat mill-Amerika u l-alleati tagħha. Iżda għaliex għandu, u għandu bil-kbir, allura bil-kbir hi l-attenzjoni li jingħata sabiex jiġi sfruttat kemm jista’ jkun. Il-problema kbira tal-Amerika u sħabha b’Gaddafi kienet li ma jaqsamx biżżejjed magħhom.

Hija piena kbira naraw dan il-ġar tagħna jispiċċa hekk, mikul mill-ambizzjoni ta’ qawwiet barranin u miġjub għarkubbtejh minħabba l-kitba tagħhom għas-setgħa u l-kontroll fuq ħaddieħor. Il-gvern Malti, bħala gvern ta’ pajjiż newtrali b’relazzjonijiet tajba twal mal-Libja, għandu jagħmel minn kollox, mhux biex jgħin lill-Amerikani u sħabhom, iżda biex iressaq lill-Islamiċi militanti u lill-qawwiet anti-Islamiċi lejn xulxin u jfittxu soluzzjoni paċifika.

Dan forsi jidher impossibbli fis-sitwazzjoni, speċjalment bl-indħil kontinwu tal-barranin, u speċjalment b’ħidma minn taħt biex il-ġlied ikompli għaddej. Iżda dan hu dmir imperattiv tal-gvern. Mhux biss minħabba l-impenn li hu marbut bih għaż-żamma tal-paċi, iżda wkoll minħabba r-rabta tal-poplu tagħna mal-poplu Libjan.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?