Ġustizzja soċjali għall-agħar?

Wara 50 sena ta’ Indipendenza, dan il-pajjiż għadu ma rnexxilux jagħti opportunitajiet l-istess għal kulħadd. Agħar minn hekk, ir-rata ta’ dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, partikularment tfal, qiegħed jiżdied. Dan skont rapport maħruġ dan l-aħħar mis-‘Social Inclusion Monitor Europe’ (SIM), maħdum minn Dr Daniel Schraad-Tischler u Dr Christian Kroll, u ppubblikat minn Bertelsmann Stiftung tal-Ġermanja.

Żieda f’rati negattivi

Ir-rapport juri li, fuq skala Ewropea, Malta tinsab fl-14-il post f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja soċjali. Fl-ewwel postijiet hemm l-Iżvezja, il-Finlandja u d-Danimarka, u fl-aħħar postijiet hemm il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Greċja. Malta tinsab f’post anqas mill-medja Ewropea. L-iskala nħadmet skont rati relatati mat-tnaqqis tal-faqar, l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, l-inklużjoni għad-dinja tax-xogħol, it-tnaqqis tad-diskriminazzjoni, l-opportunijiet ta’ saħħa, u l-ħarsien tal-persuni ta’ kull età.

B’mod partikulari, Malta tinsab fit-13-il post f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-faqar. Ir-rapport juri li dawk li huma f’riskju ta’ faqar żdiedu bi 17% mill-2008 lil hawn. Juri wkoll li, fl-istess żmien, dawk li għandhom nuqqas serju għall-ħtiġijiet materjali tagħhom żdiedu aktar mid-doppju: b’115%. Huma t-tfal l-aktar milquta f’din is-sitwazzjoni mwiegħra. Bejn l-2008 u llum, l-għadd ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew l-esklużjoni soċjali żdied b’xejn anqas minn 30%, fejn dawk li jidher li għandhom nuqqas serju ta’ ħtiġijiet materjali żdiedu b’84%.

Skont l-istess rapport, jidher li, fl-istess żmien, l-anzjani marru aħjar. Dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqsu bi 3%, anki jekk dawk li għandhom nuqqas serju għall-ħtijiet materjali tagħhom irdoppja sew: b’129%.

Ħajja xierqa għal kulħadd?

Meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa, Malta tinsab mal-aħħar tlieta f’dak li għandu x’jaqsam mal-opportunijiet għall-edukazzjoni. Tinsab mal-aħħar tnejn fir-rata ta’ dawk li jħallu l-iskola qabel iż-żmien (Spanja biss hi agħar minna).

Minkejja dak li xi kultant ningħataw x’nifhmu, ir-rata tal-qagħad f’Malta f’dan ir-rapport juri li, bejn l-2008 u llum, żdiedet bi 8%. Minn dan l-aspett, b’din iż-żieda relattivament ċkejkna Malta tinsab fir-raba’ post meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra Ewropej. Infatti, fl-istess żmien, ir-rata ta’ nies b’xogħol żdied b’10%, bir-rata ta’ xogħol stabbli tiżdied b’16%. Sfortunatament, f’dan il-kwadru r-rata ta’ żgħażagħ bla xogħol żdied ukoll: bi 11%.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-integrazzjoni soċjali tan-nies, ir-rapport jgħid li Malta tinsab mal-agħar pajjiżi Ewropej f’dan ir-rigward (mal-Kroazja, Slovenja, Ċipru u l-Bulgarija). Infatti, jgħid ir-rapport, s’issa Malta “lanqas biss għandha politika formali ta’ integrazzjoni”.

Interessanti l-fatt li, skont dan ir-rapport, Malta tinsab fl-ewwel post fost il-pajjiżi kollha Ewropej f’kemm in-nies jistennew li jgħixu. Effettivament, mill-2008 lil dawn, ir-rata f’Malta żdiedet bi 3%. Min-naħa l-oħra, l-anzjani saru aktar dipendenti, b’żieda ta’ 26% fl-istess perjodu.

Il-fibra ta’ pajjiż

Jekk dan ir-rapport hu ta’ min joqgħod fuqu, bħalma jidher, hija ħasra li f’pajjiżna, minkejja l-impressjonijiet li għandna, mil-lat ta’ ġustizzja soċjali s-sitwazzjoni tidher li jeħtieġ li tinġabar sew. Forsi hu possibbli li l-isforzi li għamel il-gvern f’dawn l-aħħar sentejn u nofs għadhom ma ħallewx riżultati pożittivi daqskemm mixtieq. Iżda jista’ jkun ukoll li l-isforzi ma kinux biżżejjed.

Naturalment, il-qagħda ta’ pajjiż ma tistax tqisha minn lat wieħed biss, anki jekk importanti bħalma hu l-ġustizzja soċjali. Iżda dan il-qasam partikulari jista’ jagħti indikazzjonijiet biżżejjed biex wieħed jara kif il-ġid li qiegħed jagħmel il-pajjiż b’mod ġenerali kif qiegħed jitqassam u fejn qiegħed imur. Meta wieħed iqis li fl-istess rapport jingħad li, f’dawn l-aħħar sitt snin, id-dejn gross ġenerali tal-gvern żdied b’17%, wieħed ma jistax ma jitħassibx min, fil-fatt u fir-realtà, qiegħed jinqaras l-aktar.

Ċertament, jidher ċar li jeħtieġ li, għall-anqas fil-qasam tal-ġustizzja soċjali, jeħtieġ li jsir sforz akbar u aktar konċertat. Il-pajjiż, imqar l-ekonomija tiegħu, ma jistax jimxi ’l quddiem meta l-fibra soċjali tiegħu titnaqqar minn taħt.

_____________________________

Ir-rapport jista’ jinstab hawnhekk



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?