Knisja fi triq ta’ estinzjoni

Il-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex tinsab fi żmien straordinarju mingħajr preċedenti. Qatt qabel, fl-istorja twila tagħha, ma sabet lilha nnifisha f’qagħda bħal tal-lum. Qabel, il-Knisja dejjem iltaqgħet ma sfidi qawwija li ġew ‘minn barra’; mill-kulturi soċjali li sabet madwarha; sfidi li ngħataw diversi ismijiet, bħal moderniżmu, kommuniżmu, femminiżmu, sekulariżmu, konsumiżmu, u oħrajn.

Konversjoni interna

Iżda llum, l-akbar sfida li għandha l-Knisja mhijiex ‘minn barra’, iżda ‘minn ġewwa’. Qatt qabel ma dan ġara. Hu għalhekk li dan hu żmien straordinarju għaliha; żmien mingħajr preċedenti. Din l-isfida li ġejja ‘minn ġewwa’ tikkonsisti filli l-Knisja tagħraf issib mod ta’ kif tirrelazzjona b’mod pożittiv u evanġeliku mal-Maltin u l-Għawdxin tas-soċjetà tal-lum.

Din l-isfida mhijiex qed tintlaqa’ b’mod xieraq. Il-Knisja lokali qiegħda turi inkapaċità stinata biex tkun ‘sinjal ta’ tama’ fis-soċjetà tagħna; biex tkun ferħ u tama għall-Malti u l-Għawdxi tal-lum. Fi kliem ieħor, il-mod ta’ kif qed tirrelazzjona l-Knisja mal-Maltin u l-Għawdxin tas-soċjetà tal-lum la hija b’mod pożittiva u lanqas evanġelika.

Ħadd m’għandu jaħseb li din mhijiex xi sfida serja. Hija serja ħafna. Tant, li hemm fin-nofs l-istess eżistenza tal-Knisja fil-gżejjer Maltin. Iżda hija serja, fuq kollox, għax din l-isfida mhijiex kif se ‘niġġieldu’ xi forza barranija u ostili. Iżda hija sfida li titlob konversjoni interna. Din hi aktar diffiċli minn kull ġlieda oħra ‘barranija’ li tista’ tagħmel il-Knisja.

Sfida istituzzjonali

Minħabba din l-inkapaċità persistenti, il-Knisja f’Malta u Għawdex qabdet ‘korsa ta’ estinzjoni’ li ma tafx kif se trażżanha u twaqqafha. Din il-korsa aktarx inqabdet fis-snin ħamsin u, minkejja t-tiġdid tal-Konċilju (anzi, minħabba li t-tiġdid tal-Konċilju fl-essenza tiegħu ma twettaqx), il-korsa qiegħda tkompli sal-lum. Ma jidhirx, s’issa, li hemm sinjali li l-korsa se tieqaf. Anzi, is-sinjali jidhru li qed jindikaw li se tkompli f’din il-ġirja insensata. Il-verità hi: il-Knisja f’dawn il-gżejjer qed teqred lilha nnifisha!

Meta ngħid dan kollu, la qiegħed ninkludi l-esperjenza tal-Knisja fuq livell individwali u lanqas l-esperjenza tal-Knisja fuq livell umanitarju. Jien qiegħed nitkellem fuq livell istituzzjonali. Fi kliem ieħor, dan kollu ma jonqosx milli jagħraf li hawn ħafna u ħafna individwi Kattoliċi f’dawn il-gżejjer (lajċi rġiel u nisa, reliġjużi, saċerdoti u kappillani) li qegħdin jgħixu ta’ kuljum, xi kultant b’mod saħansitra erojku, il-vokazzjoni tagħhom ta’ bnedmin u ta’ nsara. Ma’ dawn hawn wkoll, bħalma kellna dejjem, opri tal-għaġeb ta’ ħniena u karità li ebda istituzzjoni oħra ma hi kapaċi twettaq.

Klerikaliżmu soffokanti

Għaldaqstant, l-isfida li qed insemmi hija mil-lat istituzzjonali tal-Knisja lokali. L-inkapaċità sabiex din l-isfida tintlaqa’ b’mod xieraq għandha diversi kawżi. Imma waħda mir-raġunijiet ewlenin li l-Papa Franġisku jinsisti fuqha fl-Evangeli Gaudium (nru. 102) hija l-“klerikaliżmu eċċessiv” li teżisti fil-Knisja ġewwa l-Ewropa. Din hi s-sitwazzjoni tagħna wkoll fil-gżejjer Maltin.

Dan ifisser li l-organizzazzjoni ekkleżjastika u pastorali, il-lingwaġġ, is-simboliżmu u l-operat tal-Knisja huma marbuta u ffurmati mill-kleru. Din il-fasla klerikali tinkludi fiha l-lajċi u d-definizzjoni li l-lajċi jagħtu lilhom infushom, lill-post li għandhom fil-Knisja u lill-ħidma tagħhom. Hija fasla li tinvadi l-ispiritwalità nisranija kollha, kif ukoll l-ekkleżjoloġija u l-antropoloġija tagħhom.

Barra minn hekk, la l-Papa qiegħed jinsisti li waħda mill-problemi ewlenin ta’ Knejjes bħal tagħna hija l-klerikaliżmu eċċessiv (seta’ jgħid ‘soffokanti’), allura qiegħed jimplika li huma l-lajċi, u mhux il-kleru, li jżommu f’idejhom il-muftieħ tas-soluzzjoni ta’ kif l-isfida li semmejt għandha tintlaqa’. Infatti, il-parti ikkwotata mill-Evangeli Gaudium hija proprju l-parti li fiha l-Papa jitkellem fuq il-lajċi.

Donaturi attivi

Allura, kif jistgħu l-lajċi jeħilsu u joħorġu mis-soffokazzjoni klerikali? Dan għandhom jagħmluh billi jieħdu f’idejhom l-inizzjattiva li: (1) jiffurmaw lilhom infushom; (2) jaqraw il-Bibbja b’mod mhux klerikalizzat; u (3) jiffurmaw komunitajiet ta’ azzjoni mmexxija minnhom stess.

Bħalma sostna u ħeġġeġ il-Konċilju, il-lajċi jridu jibdlu lilhom infushom minn riċevituri passivi għal donaturi attivi; minn ‘konsumaturi’ għal ‘produtturi’; minn oġġett ta’ dmirijiet għal suġġett ta’ drittijiet.

F’din il-bidla hemm is-sejbien tal-vokazzjoni proprja tagħhom, hemm il-programm tal-ħidma tagħhom, hemm is-soluzzjoni għall-isfida ‘interna’ tal-Knisja lokali, u hemm ukoll il-messaġġ fundamentali li għandu bżonn il-Malti u l-Għawdxi fis-soċjetà Neo-Liberali li jgħix fiha llum (li jġib lil kulħadd ‘konsumatur’).

Din hija bidla li titlob żewġ ħwejjeġ ewlenin: (1) bidla profonda ta’ mentalità u perspettiva (li ma jkunux iddominati mill-kleru); u (2) ekkleżjoloġija ġdida (jiġifieri mod ġdid ta’ kif x’nifhmu bi ‘Knisja’). Huwa b’din il-bidla li l-Knisja f’Malta u Għawdex tista’ effettivament tibdel il-korsa ta’ estinzjoni li qabdet u li ma tistax ma tkomplix issuss fuqha.

Jiena nemmen li l-Knisja Kattolika hija l-unika istituzzjoni fil-gżejjer Maltin li tista’ toffri ferħ u tama lill-Maltin u l-Għawdxin maqbudin fil-morsa u d-diżumanità tan-Neo-Liberaliżmu. Iżda mhux jekk tibqa’ kif inhi. Dan toffrih jekk tħalli l-Ispirtu ta’ Alla jonfoħ fiha u jibdilha.


Ara wkoll: Maltatoday article



Comments

  1. Bongu,
    Qed tfittex self leġittimu?
    Ġejt rifjutat mill-banek tiegħek?
    Għandek bżonn flus għal xi raġuni jew oħra.
    Int sinċier u onest
    Għandek bżonn self biex tħallas id-djun, il-kontijiet jew
    twettaq proġett?
    Dejjem għandek opportunità.
    Aktar inkwetanti, noffru self minn €5,000,
    veloċi u affidabbli, b'rata ta 'imgħax annwali ta' 3%. Aħna
    ta'min jafdah
    Jekk inti interessat, toqgħodx lura milli tikkuntattjana direttament.
    posta: marcdupon18@gmail.com

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?