L-irresponsabbiltà tal-Ministru George Vella

Jiddispjaċini ferm ngħidha. Iżda l-kummenti li għamel madwar xahar ilu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr George Vella, dwar l-istat kostituzzjonali ta’ Malta, kienu mill-aktar irresponsabbli. Ebda Ministru tal-gvern ma jista’ jitkellem addoċċ, aħseb u ara l-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’qagħda daqshekk prekarja li tinsab fiha x-xena internazzjonali.

Fis-sustanza tagħhom, il-kummenti tal-Ministru Vella kienu, l-ewwel, li l-klawsola tan-newtralità fil-Kostituzzjoni ta’ Malta mhijiex xierqa aktar għaliex ma tipproteġġiniex biżżejjed mill-militanti Iżlamiċi, u, it-tieni, li Malta għandha tibda tikkunsidra qribija akbar man-NATO.

Kummenti ‘laxki’ bħal dawn, mhux biss jagħmlu għajb lil min, f’kariga hekk għolja, jgħidhom mingħajr kunsiderazzjoni biżżejjed, mhux biss jagħmlu għajb lill-Partit Laburista fil-gvern, iżda jagħmlu għajb, fuq kollox, lill-wirt politiku Malti li ilu jintiseġ b’tant sagrifiċċji u bżulija għal mill-anqas sittin sena.

Dan minbarra li l-argumenti li uża l-Ministru Vella huma illoġiċi. Għala? Għax hu sostna li n-newtralità tagħna ma tistax tipproteġina konta l-militanti Iżlamiċi u għalhekk, b’xi mod, għandna bżonn il-protezzjoni tan-NATO. X’differenza se tagħmel f’dan ix-xenarju n-NATO? Jekk xejn, in-NATO tagħmel il-pożizzjoni tagħna aktar prekarja milli għandna mnejn tkun bħalissa. Il-militanti Iżlamiċi diġà qalu li lesti jattakkaw lil kulmin jissieħeb mal-Amerikani f’gwerra oħra kontrihom. Safejn naf jien, aħna m’aħniex parti minn din is-sħubija. Mela, aħna m’aħniex fil-mira tal-militanti Iżlamiċi.

Iżda l-Ministru Vella mhux hekk iridna. Iridna nersqu lejn in-NATO bien nipproteġu ruħna. L-argument fażull li juża kontra n-newtralità u favur in-NATO ma jagħmel xejn għajr ikompli jkabbar is-suspett li l-gvern Laburista tal-lum, sfortunatment, qiegħed iħaddan politika li tbegħidna mill-impenn newtrali non-allineat tal-imgħoddi (li, skont Vella stess, dejjem iffunzjona u għenna) u jdaħħalna f’mentalità nazzjonali militaristika li kellna qabel l-1971.

Bid-diskors żejjed tiegħu, il-Ministru Vella bagħat messaġġ lill-barranin (speċjalment, nifhem jien, lil sħabu l-Amerikani) li aħna se nibdew inkunu parti (jekk mhux diġà sirna) tal-istrateġija Amerikana u tan-NATO fil-Mediterran. Jekk il-Ministru Vella, jew il-gvern Laburista Malti, jixtieq jgħaddi dan il-messaġġ, għala ma jagħmlux ċar u tond, u mhux joqgħod jgħaddi l-botti taparsi ma hu qiegħed jammetti xejn. Din x’irġulija hi?

Agħar minn hekk, il-Ministru Vella ta r-riħ lil kulmin storikament oppona lil Mintoff fl-insistenza tiegħu għan-newtralità u n-non-allineament. Fuq in-naħa ta’ min hu l-Ministru Vella? Din hi l-fehma tal-gvern Laburista Malti jew xi fehma personali tiegħu? Ma nistax nifhem li, filwaqt li kemm-il darba ġie mistqarr miill-Prim Ministru Joseph Muscat li hu favur il-politika tan-newtralità, il-Ministru tiegħu joqgħod jimminaha b’mod daqshekk serju. Għandna niftakru li lil Mintoff qatt ma kellna għalfejn nagħtuh tort s’issa f’dak li qal u għamel, speċjalment fil-qasam tal-politika barranija, u żgur li mhuwiex se nagħtuhulu f’din il-kwestjoni.

Però l-aktar ħaġa li tinkwetani lili personalment hija l-faqar tal-filosofija politika li biha l-Ministru Vella jittratta l-klawsola tan-newtrali non-allineata tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dejjem, fid-diskors nofsu msajjar tiegħu fuq din il-ħaġa, jippreżenta n-newtralità non-allineata qisha kienet xi ħaġa taż-żuffjett. Is-simplifikazzjoni u l-banalizzazzjoni li bihom jippreżentaha kulmeta jitkellem dwarha, aktarx dejjem barra minn loku, tikxef nuqqas serju ta’ għarfien kompetenti xieraq dwar xi tfisser tabilħaqq u x’timplika.

Għadna qatt ma smajt lill-Ministru Vella (jew lil xi Ministru ieħor tal-gvern, jekk niġu f’dan) jitħaddet dwar in-newtralità non-allineata tagħna b’mod professjonali li jagħmel sens fil-qafas tal-filosofija politika. Mhux bilfors li n-nies jitħawdu u l-għedewwa tradizzjonali ta’ Mintoff jiqlielu meta qatt ma jisimgħu lil min fl-awtorità governattiva jitħaddet suriet in-nies dwar il-klawsola fundamentali tan-newtralià non-allineata. X’jisma’ minflok? Jisma’―diżgrazzjatament―lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tagħna jfaħħar in-NATO u jgħid li jeħtieġ nagħmlu pass lura fl-istorja tagħna u statutorjament nersqu eqreb lejha!

Jidhirli li għandi nistenna li l-gvern ikun aktar serju minn hekk. Il-politika barranija tagħna hija definita kostituzzjonalment ċar u tond. U l-gvern hu marbut li jżomm magħha, kemm uffiċjalment u kemm minn wara l-kwinti.

Mod ieħor ikun biss aġir irresponsabbli.

Comments

  1. Hadt gost li wara tant snin nippruvaw nilludu ruhna dwar l-hekk imsejha newtralita ta Malta issa jigi esponent ewlieni tal-labour anzi xejn inqas mill ministru tal- affarijiet barranin u jammetti li Konka qed nghixu f'illuzjoni.

    ReplyDelete
    Replies
    1. L-argument tieghek ma jregix:

      1) newtralita ma tfissirx sigurta.
      newtralita tfisser li f'argument ma zzomx ma naha jew ma ohra. U zgur ma thallix naha wahda tuzak biex issawwat/toqtol la gwerrir u l anqas pajzana tan naha l-ohra.

      2) li ma tkunx newtrali, izzom ma naha wahda u thali naha wahda TUZAK biex isawtu/joqtlu n-naha l-ohra zgur li ma tfissirx li Malta hija iktar sigura.

      Anzi zgur li l-oppost huwa dak li nigwadanjaw: insiru TARGET CARA ghan 'naha l-ohra'!!

      3) Mela logikament, li tkun newtrali tfisser li Malta hija iktar SIGURA milli li z-zomm ma naha jew ohra.....

      Fhimt?

      Delete
    2. Malta saret tal-barrani bi shubija shiha ma EU.
      Spiccat in-newtralita ta pajjizna.



      Delete
  2. Mark,

    KULHADD jaf li din skuza BANALI min GV u JM. Kif kienu wieghdu lil Amerikani min QABEL l-elezjoni, dejjem ztaqu li Malta terga tkun parti min NATO... allavolja (fi kliemhom stess!) li jkunu fil pfp hija haga ILLEGALI skond il Kostituzjoni!!

    >Jidhirli li għandi nistenna li l-gvern ikun aktar serju minn hekk.

    Jien le, ta. Xbajt nara dan il gvcern u ta qablu JIKRU l-ligi ta Malta!!

    >Il-politika barranija tagħna hija definita kostituzzjonalment ċar u tond.

    Carissima....

    >U l-gvern hu marbut li jżomm magħha, kemm uffiċjalment u kemm minn wara l-kwinti.

    ... u XORTA jikser il ligi kontra l-interess tal MALTIN....

    Tghid ghaliex?

    ReplyDelete
  3. Nahseb jien tal-isis ser joqodu jaraw min hu newtrali jew le . Dawk fejn ikollhom ic cans lill kullhadd jiehdu.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Kieku kelhom ekonomija (flus) ikbar min ta l Amerka u tac-cina flimkien FORSI jinvadew kullimkien Ghax wara li tinvadi trid tibqa tikkontrolla ghal ghexieren ta snin.

      Imma fil-kas ta Malta, nahseb li tqum hafna iktar biex tinvadi u tibqa tikkontrolla milli tkun 'worth it'.....

      SAKEMM maj kunx hawn raguni valida biex tattaka.

      Bhal bazi militari ta l-ghadu per ezempju.

      Delete
  4. Jekk dan huwa veru, il-Ministru George Vella ghandu jigi mnehhi mill-kariga li ghandu. Qabel l-elezzjoni ma konniex gejna mwieghdin dil-gennata! Grazzi Patri Mark!!!

    ReplyDelete
  5. Illum kollha saru pulċinelli tal-UE, Amerika u NATO.

    ReplyDelete
  6. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  7. Mhux veru li il-Kositiuzjoni ma tiprovix klawsoli ghall protezjoni ghan-nazzjon f'kaz ta theddida militari. Mintoff ma kienx mic-cwiec.
    Dan l-ewwel injora ir-rabta obligatorja kostituzjonali u issa qed jivvinta kostituzjoni li ma tezistix.
    Ma tanx hawn Gvernijiet fil poter kontra ir-rieda tal-pajjizi tan -NATO, Il-Gvern Malti mhux wiehed minnhom.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?