Il-kelma maħmuġa (dissidenza)

Tal-għaġeb ix-xeni li waslulna din il-ġimgħa minn Hong Kong. Kemm l-għaxriet tal-eluf tad-dissidenti jirrappreżentaw is-7.2 miljun ruħ ta’ Hong Kong jew il-1.3 biljun taċ-Ċina, wieħed ma jistax jgħid eżatt. Li hu żgur hu li l-għadd ta’ nies li għażlu li ‘jitħammġu’ bil-kelma ‘dissidenza’ kien impressjonanti. Dawn in-nies għażlu li ma jaqblux u għażlu li ma jablux pubblikament. Dan hu ġest ta’ qlubija f’pajjiż bħaċ-Ċina.

Ossessjonijiet

Id-dissidenza għal ħafna hi kelma li tindika xi ħaġa aktar minn sempliċi periklu. Għandha riħa ta’ xi ħaġa mnawra. Hija kelma li għal ħafna tindika nkwiet żejjed; disturb tas-serentià; għorka kontra l-vina. Għal ħafna d-dissidenza hi sinjal ta’ patoloġija; ta’ moħħ li xi mkien tilef it-triq; ta’ ruħ mitlufa; ta’ karattru diżordnat. Il-kelma donnha għandha għal ħafna xi ħaġa mhux sewwa fiha li jġegħilha tkun maħmuġa.

Imma l-‘ħmieġ’ tad-dissidenza ma jiġix minnha nnifisha. Pjuttost jiġi (ifakkarna Freud) mill-ossessjoni morbuża li ħafna minna għandhom bil-perfezzjoniżmu soċjali. Din hija ossessjoni li bellgħulna n-nies tal-poter meta tambrulna f’moħħna li soċjetà perfetta hi waħda sabiħa meta tissaffa minn kulma jfixkel l-armonija u l-perfezzjoni formali tagħha; hi nadifa meta titnaddaf minn kulma jħammiġha jew itebbagħha; hi ordnata meta tinħeles mill-indiċiżjonijiet personali.

Soċjetà mingħajr dissidenza hi waħda marida; patoloġika. Hija soċjetà fejn kulħadd ikun tilef kuluru u sar parti minn ċappa monotona bla gost u bla ħajr. Hija soċjetà fejn kulħadd ikun tilef l-umanità tiegħu u sar parti minn speċi ta’ magna bla ruħ. Hija soċjetà fejn kulħadd ikun tilef ir-rieda ħielsa tiegħu u sar parti minn kuxjenza kollettiva ta’ androjdi jew ħlejjaq bla moħħ.

Abbandun

Tgħid fl-1997 il-Britanniċi ma pprevedewx id-dissidenza ta’ Hong Kong meta tawha lura liċ-Ċina? Daż-żgur li rawha. Iżda, bħas-soltu, ir-responsabbiltà ta’ din l-aħħar kolonja tal-imperu defunt tagħhom ma riduhiex aktar fuq spallejhom. Bħallikieku l-protesti ta’ Pjazza Tiananmen ta’ seba’ snin qabel ma kienu għallmuhom xejn. Madanakollu, x’importahom li kienu se jgħassru 1.7 miljun ruħ b’daqqa ta’ pinna? Ir-riżultat qegħdin narawh illum.

Minn dak iż-żmien, għexieren ta’ eluf ħarbu jew ippruvaw jitilqu minn Hong Kong u minn taħt il-ħakma Ċiniża. Evidentement, kienu mitluqin għal riħhom mingħajr ħajt ta’ kenn. Is-setgħana ftehmu bejniethom fuq id-destin tal-mases anonimi, u ddisponew minnhom skont l-interessi li kellhom.

Ir-‘Revoluzzjoni tal-Umbrella”, kif qed jissejjaħ l-att mannifiku ta’ dissidenza li rajna din il-ġimgħa li għaddiet diffiċli tara li se jkollha tmiem tajjeb. Filwaqt li ċ-Ċina qed tissakka aktar il-ponn tal-azzar tagħha fuq il-bqija tal-pajjiż enormi, Hong Kong trid illi tiftħu. Kemm dan hu possibbli hu dubjuż. Għaldaqstant, tidher aktar erojka d-dissidenza murija dan l-aħħar. Għax hija dissidenza ddisprata u kważi kważi bla tama.

Ammirazzjoni

Minkejja dan, hija dissidenza li tumilja ċ-ċittadini tad-dinja ‘ħielsa’ li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jidhru li aċċettaw li joqogħdu għal kulma jgħidulhom u kif iqegħduhom l-hekk imsejħa mexxejja tagħhom. Ma jumiljawx lil dak li, minkejja kulma jiġi ma wiċċu bid-dissidenza tiegħu, jagħżel li ma jċedix għar-rikatt u l-‘bullying’, anki jekk il-kawża tiegħi hi mitlufa sa mill-bidu jew ma tinftehimx.

Min irid soċjetà sabiħa, nadifa u ordnata mingħajr dissidenza jsib waħda ideali ċ-ċimiterju, hemmhekk fejn ma jipprotesta ħadd u ħadd ma jaħseb. Iżda kulmin irid iżomm is-sanità ta’ moħħu u l-integrità tal-karattru tiegħu ma jistax ma jkunx għajjur għall-ħelsien ta’ ruħu u l-kburija tad-dissidenza tiegħu.

Lanqas ma jista’, intant, ma jammirax lin-nies ta’ Hong Kong li ssieħbu fir-Revoluzzjoni tal-Umbrella. Għax huma dissidenti. Għax huma qalbiena. Għax huma fdal ta’ poplu li għandu qalb tħabbat ġo sidru.

Ix-xbieha hija ta' Angelo Costadimas (2014)



Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?